Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 16

Ismaʼ, Sir Af, u Uri Ħniena

Ismaʼ, Sir Af, u Uri Ħniena

“Tibqgħux tiġġudikaw fuq dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’ġudizzju ġust.”—ĠW. 7:24.

GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​Bibbja liema verità inkuraġġanti turina dwar Ġeħova?

TIEĦU pjaċir kieku n-​nies jiġġudikawk minħabba l-​kulur tal-​ġilda tiegħek, il-​fattizzi taʼ wiċċek, jew minħabba l-​figura tiegħek? Żgur li le. Imma, kemm hu inkuraġġanti li tkun taf li Ġeħova ma jiġġudikaniex minn kif nidhru minn barra! Pereżempju, meta Samwel ħares lejn it-​tfal taʼ Ġesse, hu ma rax dak li ra Ġeħova. Ġeħova kien qal lil Samwel li wieħed mit-​tfal taʼ Ġesse kien se jsir sultan taʼ Iżrael. Imma liema wieħed? Meta Samwel ra lit-​tifel il-​kbir taʼ Ġesse, Eljab, hu qal, ‘Żgur li dan hu l-​wieħed li Ġeħova għażel!’ Mad-​daqqa t’għajn, Samwel ħaseb li Eljab kien tajjeb biex ikun sultan. “Imma Ġeħova qal lil Samwel: ‘Tħarisx lejn id-​dehra tiegħu u lejn it-​tul taʼ l-​istatura tiegħu, għax jien warrabtu.’” X’nitgħallmu? Ġeħova kompla jgħidlu: “Il-​bniedem jara dak li jidher f’għajnejh; imma Ġeħova jara l-​qalb.”—1 Sam. 16:1, 6, 7.

2. Fi qbil maʼ Ġwanni 7:24, għala ma għandniex niġġudikaw lin-​nies mill-​mod kif jidhru? Agħti eżempju.

2 Minħabba li aħna imperfetti, spiss malajr niġġudikaw lin-​nies mill-​mod kif jidhru. (Aqra Ġwanni 7:24.) Imma dak li naraw b’għajnejna, ftit jistaʼ jgħidilna dwar il-​persuna. Biex inġibu eżempju, jistaʼ tabib bravu u tal-​esperjenza jkun jaf x’għandu pazjent billi jħares lejh biss? Le. Għandu jismaʼ sewwa lill-​pazjent jekk irid ikun jaf il-​problemi taʼ saħħa li kellu fil-​passat u x’sintomi qed iħoss. It-​tabib jaf ukoll jibgħat lill-​pazjent biex jieħu X-​ray. Jekk ma jagħmilx hekk, hu jaf ma jagħtix lill-​pazjent il-​kura li għandu bżonn. Bl-​istess mod, aħna ma nistgħux nifhmu kompletament lil ħutna billi sempliċiment naraw kif jidhru. Irridu nipprovaw nifhmu x’tip taʼ persuna huma. Bla dubju, aħna ma nistgħux naqraw il-​qlub, għalhekk ma nistgħux nifhmu lill-​oħrajn bħalma jifhimhom Ġeħova. Imma aħna nistgħu nagħmlu l-​almu tagħna biex nimitaw lil Ġeħova. Kif?

3. Ir-​rakkonti tal-​Bibbja f’dan l-​artiklu x’se jgħinuna nagħmlu?

3 Ġeħova kif jittratta lill-​qaddejja tiegħu? Hu jismagħhom. Hu jikkunsidra ċ-​ċirkustanzi tagħhom u l-​affarijiet kollha li jaffettwawhom. U hu juri ħniena magħhom. Hekk kif niddiskutu kif Ġeħova għamel dan maʼ Ġona, Elija, Ħagar, u Lot, ejja naraw kif nistgħu nimitawh fil-​mod kif nittrattaw lil ħutna.

ISMAʼ SEWWA

4. Għala jistaʼ jkollna opinjoni ħażina dwar Ġona?

4 Minħabba li ma nafux is-​sitwazzjoni kollha taʼ Ġona, aħna nistgħu naħsbu li hu ma kienx responsabbli u ubbidjenti. Hu kien irċieva kmand mingħand Ġeħova biex jipprietka messaġġ taʼ ġudizzju f’Ninwe. Imma minflok obda, Ġona rikeb fuq vapur li kien sejjer id-​direzzjoni opposta biex “jaħrab minn quddiem Ġeħova.” (Ġona 1:1-​3) Kont tagħtih ċans ieħor biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu? X’aktarx li le. Però, Ġeħova ra raġunijiet oħra biex jagħtih ċans ieħor.—Ġona 3:1, 2.

5. X’nitgħallmu dwar Ġona mill-​kliem li nsibu f’​Ġona 2:1, 2, 9?

5 Fit-​talba tiegħu, Ġona wera x’tip taʼ persuna verament kien. (Aqra Ġona 2:1, 2, 9.) Dik it-​talba, li bla dubju kienet waħda mill-​ħafna li Ġona talab, tgħinna nifhmu li hu kien iktar minn raġel li sempliċiment ħarab mill-​inkarigu tiegħu. Kliemu juri li kien raġel umli, li kien japprezza, u li kien determinat li jobdi lil Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova ma ffokax fuq l-​iżball taʼ Ġona. Imma minflok, wieġeb it-​talba tiegħu, u kompla jużah bħala profeta!

Jekk inkunu nafu l-fatti, nistgħu nifhmu lil oħrajn aħjar (Ara paragrafu 6) *

6. Għala hu importanti li nagħmlu sforz biex inkunu semmiegħa tajbin?

6 Biex nisimgħu sewwa lil oħrajn, irridu nkunu umli u paċenzjużi. Dan l-​isforz huwa importanti minn tal-​inqas għal tliet raġunijiet. L-​ewwel, dan se jgħinna biex ma naslux malajr għal konklużjoni ħażina dwar in-​nies. It-​tieni, aħna se nifhmu s-​sentimenti u l-​mottivi taʼ ħutna, u dan se jgħinna biex nuru iktar ħniena lejhom. U t-​tielet, meta nħalluhom jesprimu lilhom infushom, inkunu wkoll qed ngħinuhom jifhmu s-​sitwazzjoni tagħhom aħjar. Xi kultant nifhmu l-​emozzjonijiet tagħna sew meta niftħu qalbna maʼ xi ħadd. (Prov. 20:5) Anzjan fl-​Asja jammetti: “Niftakar fl-​iżball li għamilt meta darba tkellimt qabel smajt il-​fatti kollha. Jien għedt lil oħt li hi kellha bżonn ittejjeb il-​kummenti tagħha waqt il-​laqgħat. Wara, sirt naf li kien diffiċli għaliha biex taqra, u li kienet tagħmel sforz kbir biex tikkummenta.” Kemm hu importanti li kull anzjan “jismaʼ l-​kwistjoni,” jew il-​fatti, qabel jagħti parir!—Prov. 18:13.

7. X’titgħallem minn kif Ġeħova tratta lil Elija?

7 Xi wħud minn ħutna jsibuha diffiċli biex jgħidu x’qed iħossu minħabba dak li għaddew minnu fil-​passat jew minħabba l-​personalità tagħhom. Kif nistgħu ngħinuhom jiftħu qalbhom magħna? Ftakar kif Ġeħova tratta lil Elija meta ħarab minn Ġeżabel. Għaddew ħafna ġranet qabel ma Elija tkellem maʼ Missieru tas-​sema dwar dak li kien għaddej minnu. Ġeħova semgħu b’attenzjoni kbira. Imbagħad, inkuraġġixxa lil Elija u tah xogħol importanti x’jagħmel. (1 Slat. 19:1-18) Jistaʼ jkun li jieħu ż-​żmien biex ħutna jafdawna biżżejjed u jgħidulna x’qed iħossu. Imma jekk aħna nkunu paċenzjużi bħal Ġeħova, maż-​żmien se jafdawna. Imbagħad, meta jkunu lesti jgħidulna x’qed iħossu, għandna nisimgħuhom b’attenzjoni kbira.

SIR AF LIL ĦUTEK

8. Skont Ġenesi 16:7-13, Ġeħova kif għenha lil Ħagar?

8 Ħagar, il-​qaddejja taʼ Saraj, għamlet xi ħaġa li ma kellhiex għalfejn tagħmel wara li saret mart Abram. Meta ħarġet tqila, hi ma baqgħetx turi rispett lejn Saraj li ma kellhiex tfal. Is-​sitwazzjoni tant iggravat li Ħagar ħarbet minn Saraj. (Ġen. 16:4-​6) Peress li aħna imperfetti, forsi naħsbu li Ħagar kienet mara kburija u li kien jistħoqqilha tkun umiljata. Imma Ġeħova mhux hekk ħassu dwarha. Hu bagħtilha anġlu. Meta l-​anġlu sabha, hu għenha tbiddel l-​attitudni tagħha u berikha. Ħagar ħasset li Ġeħova kien qed jinnotaha u li kien jaf kollox dwar is-​sitwazzjoni tagħha. Tant kienet impressjonata li sejħitlu: “Int Alla li jara.”—Aqra Ġenesi 16:7-13.

9. Alla għala tratta lil Ħagar b’dan il-​mod?

9 Ġeħova x’ra f’Ħagar? Hu kien jaf minn xiex għaddiet Ħagar u kulma kienet issaportiet. (Prov. 15:3) Ħagar kienet Eġizzjana f’familja Lhudija. Jistaʼ jkun li hi ma ħassithiex parti mill-​familja. Jew kienet qed timmissja lill-​familja tagħha u art twelidha. Hi ma kinitx l-​unika mara taʼ Abram. Għal xi żmien, xi rġiel leali kellhom iktar minn mara waħda. Imma dan ma kienx l-​iskop oriġinali taʼ Ġeħova. (Mt. 19:4-6) Mela mhux taʼ b’xejn li sitwazzjoni bħal din spiss ġabet magħha problemi bħal għira u mibegħda fil-​familja. Ġeħova kien jaf li Ħagar ma kinitx qed turi rispett lil Saraj. Imma hu fehem ukoll is-​sentimenti u ċ-​ċirkustanzi taʼ Ħagar, u allura ttrattaha b’qalb tajba.

Sir af lil ħutek aħjar (Ara paragrafi 10-12) *

10. Kif nistgħu nsiru nafu lil ħutna aħjar?

10 Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nipprovaw nifhmu lil xulxin. Sir af lil ħutek aħjar. Tkellem magħhom qabel u wara l-​laqgħa, oħroġ magħhom fil-​ministeru, u jekk ikun possibbli, stidinhom għal xi ikla. Meta tagħmel hekk, għandek mnejn tissorprendi ruħek. Pereżempju, forsi ssir taf li oħt li ma tidhirx dħulija fir-​realtà hi mistħija, ħu li għandu ħafna flus mhuwiex materjalist imma ġeneruż ħafna, jew ġenitur bit-​tfal li spiss jasal tard għal-​laqgħa qed jissaporti oppożizzjoni fid-​dar. (Ġob 6:29) Ovvjament, m’għandniex ‘nindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor.’ (1 Tim. 5:13) Però, ikun tajjeb li nkunu nafu xi affarijiet dwar ħutna, u minn xiex għaddew. Dan jistaʼ jgħinna nifhmuhom aħjar.

11. Għala hu importanti għall-​anzjani li jkunu jafu lil ħuthom sew?

11 L-​anzjani, b’mod partikular għandhom bżonn ikunu jafu sew il-​background tal-​aħwa li huma qed jieħdu ħsieb. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ ħu li jismu Artur li kien jaqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Hu u anzjan ieħor żaru lil oħt mistħija u kwieta. Artur jgħid: “Sirna nafu li r-​raġel tagħha miet ftit wara li żżewġu. Għalkemm il-​ħajja tagħha kienet diffiċli ħafna, hi għallmet liż-​żewġt ibniet tagħha jħobbu lil Ġeħova, u huma saru qaddejja leali tiegħu. U issa qed titlef id-​dawl t’għajnejha, u tbati bid-​dipressjoni. Minkejja dan, imħabbitha għal Ġeħova u l-​fidi tagħha fih baqgħu b’saħħithom. Irrealizzajna li kien hemm ħafna x’nitgħallmu minn din l-​oħt.” (Flp. 2:3) Dan l-​indokratur kien qed jimxi fuq l-​eżempju taʼ Ġeħova. Ġeħova jaf lill-​qaddejja leali tiegħu u l-​uġigħ li jgħaddu minnu. (Eżo. 3:7) L-​anzjani li jafu lil ħuthom sew huma f’pożizzjoni aħjar biex jgħinuhom.

12. Oħt li tgħix fl-​Asja kif saret taf aħjar lil oħt fil-​kongregazzjoni tagħha?

12 Meta ssir taf iċ-​ċirkustanzi taʼ ħu jew oħt li ddejqek, hemm iktar ċans li tħoss għalihom. Ikkunsidra dan l-​eżempju. Oħt li tgħix fl-​Asja tgħid: “Oħt fil-​kongregazzjoni tiegħi kienet tgħajjat ħafna biex titkellem. Jien kont inħoss li ma kellhiex manjieri tajbin. Imma meta ħdimna flimkien fil-​ministeru, sirt naf li hi kienet tgħin lill-​ġenituri tagħha jbigħu l-​ħut fuq il-​monti. Allura, biex tbigħ kellha tgħajjat.” L-​oħt tkompli tgħid: “Tgħallimt li biex nifhem lil ħuti, irrid insir nafhom.” Dan jinvolvi sforz. Imma meta nobdu l-​parir tal-​Bibbja biex ‘inwessgħu qlubna,’ inkunu qed nimitaw lil Ġeħova li jħobb lil kulħadd.—1 Tim. 2:3, 4; 2 Kor. 6:11-13.

URI ĦNIENA

13. F’​Ġenesi 19:15, 16, x’għamlu l-​anġli meta Lot baqaʼ jitnikker, u għala?

13 Fi żmien importanti fil-​ħajja tiegħu, Lot ma obdiex mill-​ewwel dak li qallu Ġeħova. Żewġ anġli żaru lil Lot u qalulu biex joħroġ lill-​familja tiegħu minn Sodoma. Għala? Huma qalulu: “Dan il-​post se nagħmluh ħerba.” (Ġen. 19:12, 13) L-​għada filgħodu, Lot u l-​familja tiegħu kienu għadhom id-​dar. Allura l-​anġli reġgħu wissewh. Imma Lot “baqaʼ jitnikker.” Forsi aħna naħsbu li Lot ma kienx jimpurtah x’kien qed jgħidlu Ġeħova jew li kien diżubbidjenti. Però, Ġeħova ma qatax qalbu minnu. “Minħabba l-​mogħdrija taʼ Ġeħova għalih,” l-​anġli qabdu lilu u lill-​familja minn idhom u ħarġuhom ’il barra mill-​belt.—Aqra Ġenesi 19:15, 16.

14. Ġeħova għala jistaʼ jkun li wera ħniena maʼ Lot?

14 Ġeħova jistaʼ jkun li wera ħniena maʼ Lot għal diversi raġunijiet. Forsi Lot kien qed jibżaʼ minn nies barra l-​belt u għalhekk ma telaqx mill-​ewwel. Kien hemm ukoll perikli oħra. Lot x’aktarx kien jaf dwar żewġ slaten li kienu waqgħu f’ħofor mimlijin bil-​qatran, f’wied fil-​viċin. (Ġen. 14:8-12) U bħala raġel tal-​familja u missier, Lot żgur li kien inkwetat dwar il-​familja tiegħu. Apparti minn hekk, Lot kien sinjur, allura jaf kellu dar sabiħa f’Sodoma. (Ġen. 13:5, 6) Ovvjament, l-​ebda waħda minn dawn ir-​raġunijiet ma kienet raġuni tajba biex Lot ma jobdix lil Ġeħova mill-​ewwel. Minkejja dan, Ġeħova ma ffokax fuq l-​iżbalji taʼ Lot, imma ffoka fuq it-​tajjeb tiegħu, tant li qal li kien “raġel sewwa.”—2 Pt. 2:7, 8.

Meta nisimgħu lil oħrajn, aħna nistgħu nifhmu aħjar kif nuruhom ħniena (Ara paragrafi 15-16) *

15. Minflok niġġudikaw l-​azzjonijiet taʼ xi ħadd, x’għandna nagħmlu?

15 Minflok tiġġudika l-​azzjonijiet taʼ xi ħadd, agħmel dak kollu li tistaʼ biex tifhem kif qed iħossu. Veronica, oħt fl-​Ewropa, hekk ipprovat tagħmel. Hi tgħid, “Kien hemm oħt li dejjem tidher li tkun f’burdata ħażina u kienet tħobb tinqataʼ għaliha. Ġieli, kont nibżaʼ nkellimha. Imma mbagħad ħsibt, ‘Kieku jien kont fis-​sitwazzjoni tagħha, inkun nixtieq xi ħabiba?’ Allura ddeċidejt li nistaqsiha kif kienet qed tħossha. U hi bdiet tiftaħ qalbha miegħi! Issa nifhimha aħjar.”

16. Għala għandna nitolbu lil Ġeħova biex nifhmu lil ħutna aħjar?

16 L-​iktar persuna li jifhimna hu Ġeħova. (Prov. 15:11) Allura itolbu jgħinek tara f’oħrajn dak li jara hu u biex tifhem kif turi ħniena magħhom. It-​talb għen lil oħt jisimha Anzhela tifhem lil oħrajn aħjar. Kien hemm oħt fil-​kongregazzjoni tagħha li kienet qed issibha diffiċli tingwalaha magħha. Anzhela tammetti: “Kien ikun faċli li nikkritika u nevita lil din l-​oħt. Imma mbagħad tlabt lil Ġeħova biex jgħinni nifhimha.” Ġeħova wieġeb it-​talba tagħha? Hi tgħid: “Ħriġna fil-​ministeru flimkien u wara tkellimna għal ħafna ħin. Smajtha bi mħabba. Issa nħobbha iktar, u determinata li nkompli ngħinha.”

17. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

17 Aħna ma nistgħux naħsbu li xi wħud minn ħutna jistħoqqilhom li nuru ħniena magħhom u oħrajn le. Ilkoll kemm huma jiffaċċjaw problemi bħal Ġona, Elija, Ħagar, u Lot. Xi drabi, huma ġabu l-​problemi b’idejhom stess. Imma, ir-​realtà hi, li lkoll kemm aħna xi darba għamilna dan. Mela Ġeħova hu ġust meta jitlobna biex inħossu għal xulxin. (1 Pt. 3:8) Meta nobdu lil Ġeħova, aħna nsaħħu l-​unità kbira li għandna bħala familja madwar id-​dinja. Mela, jalla nkunu determinati li nisimgħu sew lil ħutna, insiru nafuhom, u nuruhom ħniena.

GĦANJA 87 Ejjew! Sibu serħan

^ par. 5 Minħabba li aħna imperfetti, spiss malajr niġġudikaw lin-​nies u l-​motivi tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, “Ġeħova jara l-​qalb.” (1 Sam. 16:7) F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif bi mħabba hu tratta lil Ġona, Elija, Ħagar, u Lot. Dan se jgħinna biex nimitaw lil Ġeħova fil-​mod kif nittrattaw lil ħutna.

^ par. 52 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Ħu kbir fl-​età qed jirrita ruħu minħabba li ħu żagħżugħ wasal tard għal-​laqgħa imma wara jsir jaf li hu ġie tard għax ħabat bil-​karozza.

^ par. 54 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Għall-​ewwel, l-​indokratur tal-​grupp jaħseb li l-​oħt tippreferi toqgħod għaliha, iktar tard sar jaf li hi mistħija u ma tħosshiex komda meta jkun hemm ħafna nies li ma tafx sew.

^ par. 56 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Meta oħt qattgħet il-​ħin biex issir taf aħjar lil oħt fil-​kongregazzjoni, hi rrealizzat li din ma tbatix bil-​burdata bħalma ħasbet għall-​ewwel.