Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 7

GĦANJA 51 Lil Alla aħna ddedikati!

X’Nitgħallmu min-Nażiriti?

X’Nitgħallmu min-Nażiriti?

Hu qaddis għal Ġeħova l-jiem kollha li jkun Nażirit.”NUM. 6:8.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif in-Nażiriti jistgħu jgħallmuna nkunu kuraġġużi u lesti li nagħmlu sagrifiċċji għal Ġeħova.

1. Il-qaddejja taʼ Ġeħova matul is-snin x’kienu lesti li jagħmlu?

 INTI tħobbu ħafna lil Ġeħova? Żgur li iva! Mhux int biss tħossok hekk. Anki fil-passat ħafna ħassewhom bħalek. (Salm 104:​33, 34) Huma għamlu s-sagrifiċċji biex jaqdu lil Ġeħova. Xi wħud minnhom kienu Iżraelin jgħidulhom Nażiriti. Min kienu, u x’nistgħu nitgħallmu minnhom?

2. (a) Min kienu n-Nażiriti? (Numri 6:​1, 2) (b) Xi Iżraelin għala ddeċidew li jsiru Nażiriti?

2 Il-kelma “Nażirit” bl-Ebrajk tfisser “Xi Ħadd Magħżul” jew “Dedikat għal Xogħol Speċjali.” In-Nażiriti kienu Iżraelin li għamlu xi sagrifiċċji biex jaqdu lil Ġeħova b’mod speċjali. Il-Liġi taʼ Mosè qalet li raġel jew mara setgħet tagħmel wegħda speċjali biex tgħix bħala Nażirit għal xi żmien. a (Aqra Numri 6:​1, 2.) Meta xi ħadd isir Nażirit kellu jagħmel affarijiet li l-Iżraelin l-oħra ma kellhomx għalfejn jagħmlu. Mela xi Iżraelin għala għażlu li jsiru Nażiriti? Wisq probabbli għax kienu jħobbu ħafna lil Ġeħova u kienu japprezzaw l-affarijiet tajbin li tahom.—Dt. 6:5; 16:17.

3. In-nies t’Alla kif huma bħan-Nażiriti?

3 Meta “l-liġi tal-Kristu” ħadet post il-Liġi taʼ Mosè, in-nies t’Alla ma setgħux jibqgħu jsiru Nażiriti. (Gal. 6:2; Rum. 10:4) Imma bħan-Nażiriti, in-nies taʼ Ġeħova għadhom jixtiequ jaqduh b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, b’moħħhom kollu, u b’saħħithom kollha. (Mk. 12:30) Meta niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova, aħna nkunu qed nagħmlu wegħda li se naqduh. Biex inżommu dik il-wegħda, irridu nagħmlu li jixtieq Ġeħova u nagħmlu sagrifiċċji biex naqduh. Aħna se nitgħallmu kif in-Nażiriti żammew il-wegħda tagħhom. b (Mt. 16:24) Dan se jgħinna biex aħna nżommu l-wegħda tagħna wkoll.

KUN LEST LI TAGĦMEL SAGRIFIĊĊJI

4. Skont Numri 6:​3, 4, x’sagrifiċċji kienu jagħmlu n-Nażiriti?

4 Aqra Numri 6:​3, 4. In-Nażiriti ma setgħux jixorbu alkoħol u jieklu affarijiet bħal għeneb u żbib. Għan-nies taʼ madwarhom kien normali li jikluhom għax ma kien fihom xejn ħażin. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li l-inbid hu rigal mingħand Alla “li jferraħ qalb in-nies.” (Salm 104:​14, 15) Imma avolja dawn l-affarijiet setgħu jagħmlu l-ħajja isbaħ, in-Nażiriti kienu lesti li ma jiħdux minnhom. c

Int lest li tagħmel sagrifiċċji bħalma għamlu n-Nażiriti? (Ara paragrafi 4-6)


5. Madián u Marcela x’sagrifiċċji għażlu li jagħmlu, u għala?

5 Bħan-Nażiriti, aħna wkoll nagħmlu sagrifiċċji biex naqdu lil Ġeħova iktar. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Madián u Marcela. d Din il-koppja kellhom ħajja komda. Madián kellu xogħol tajjeb u kellhom appartament sabiħ. Imma huma xtaqu jagħmlu iktar għal Ġeħova. Biex jagħmlu hekk, iddeċidew li jagħmlu xi bidliet. Huma qalu: “Bdejna nonfqu inqas flus. Morna ngħixu f’appartament iżgħar u begħna l-karozza li kellna.” Madián u Marcela ma kellhomx għalfejn jagħmlu dawn is-sagrifiċċji, imma għażlu li jagħmluhom biex jaqdu iżjed lil Ġeħova. Issa jħossuhom ferħanin bid-deċiżjonijiet li ħadu.

6. Il-Kristjani llum għala jagħmlu s-sagrifiċċji? (Ara l-istampa.)

6 Illum in-nies taʼ Ġeħova huma ferħanin jagħmlu sagrifiċċji biex ikollhom iktar ħin ħalli jaqduh iżjed. (1 Kor. 9:​3-6) Ġeħova ma jridniex nagħmlu s-sagrifiċċji taʼ bilfors. U l-affarijiet li ħa nċedu mhumiex ħżiena fihom infushom. Pereżempju, xi wħud huma lesti li ma jkollhomx dar tagħhom, xogħol li jixtiequ huma, jew pet. Xi wħud iddeċidew li jibqgħu single għal xi żmien jew ma jkollhomx tfal mal-ewwel. Oħrajn marru jaqdu fejn hemm iktar bżonn avolja kellhom jitilqu l-familja u l-ħbieb. Ħafna minna nagħmlu sagrifiċċji bħal dawn għax nixtiequ nagħtu l-aħjar tagħna lil Ġeħova. Kun ċert li Ġeħova japprezza ħafna s-sagrifiċċji li tagħmel, kemm jekk kbar kif ukoll jekk żgħar.—Ebr. 6:10.

KUN LEST LI TKUN DIFFERENTI

7. Għala setgħet tkun diffiċli għal Nażirit biex iżomm il-wegħda tiegħu? (Numri 6:5) (Ara l-istampa.)

7 Aqra Numri 6:5. In-Nażiriti kienu jagħmlu wegħda li ma jaqtgħux xagħarhom. Dan kien mod biex juru kemm kienu lesti li jobdu lil Ġeħova. Jekk xi ħadd kien ikun Nażirit għal żmien twil, xagħarhom tant kien jitwal li oħrajn kienu jindunaw li hu Nażirit. Jekk oħrajn kienu jirrispettawh u jinkuraġġuh biex iżomm il-wegħda tiegħu, kienet tkun iktar faċli għal Nażirit biex ikun differenti. Imma kien hemm xi żminijiet meta xi Iżraelin ma kinux jissapportjaw u japprezzaw lin-Nażiriti. Fi żmien il-profeta Għamos, xi Iżraelin apostati baqgħu jippruvaw ‘jagħtu l-inbid lin-Nażiriti biex jixorbuh,’ wisq probabbli biex iġegħluhom jiksru l-wegħda tagħhom. (Għam. 2:12) Allura, żgur li n-Nażiriti kellhom ikunu kuraġġużi ħafna biex iżommu l-wegħda tagħhom u jkunu differenti mill-oħrajn.

Nażirit li kien iżomm il-wegħda tiegħu kien lest li juri li hu differenti minn oħrajn (Ara paragrafu 7)


8. L-esperjenza taʼ Benjamin kif tinkuraġġik?

8 Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna wkoll nistgħu nuru kuraġġ u nkunu differenti avolja jistaʼ jkollna karattru mistħi. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Benjamin, tifel taʼ għaxar snin fin-Norveġja. Minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, l-iskola tiegħu organizzat attività biex juru s-sapport tagħhom għan-nies tal-Ukrajna. It-tfal ġew mitluba biex ikantaw kanzunetta u jilbsu bil-kuluri tal-bandiera tal-Ukrajna. Biex ma jiħux sehem, Benjamin iddeċieda li joqgħod ’il bogħod mill-oħrajn waqt l-okkażjoni. Imma l-għalliema tiegħu ratu u b’leħen għoli qaltlu: “Ejja ħdejna issa. Qed nistennewk!” Benjamin b’kuraġġ resaq lejn l-għalliema tiegħu u qalilha: “Jien newtrali u ma niħux sehem f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-politika. Fil-fatt, ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova qegħdin il-ħabs għax ma jridux imorru għall-gwerra.” L-għalliema fehmet lil Benjamin u qaltlu li m’għandux għalfejn jipparteċipa taʼ bilfors. Imma sħabu tal-klassi bdew jistaqsu għala ma kienx qiegħed magħhom. Benjamin tant beżaʼ li kien ħa jibda jibki. Imma b’kuraġġ hu reġaʼ rrepeta dak li qal lill-għalliema tiegħu lil sħabu tal-klassi. Wara, Benjamin qal lill-ġenituri tiegħu li ħass lil Ġeħova jgħinu biex jiddefendi dak li jemmen fih.

9. Kif nistgħu nferrħu qalb Ġeħova?

9 Peress li aħna nagħżlu li nobdu lil Ġeħova, in-nies jindunaw li aħna differenti minnhom. Għandna bżonn il-kuraġġ biex ngħidu lin-nies ix-xogħol jew l-iskola li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. Iktar ma l-attitudni tan-nies tmur mill-ħażin għall-agħar, iktar se nsibuha diffiċli biex nobdu l-prinċipji tal-Bibbja u naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn. (2 Tim. 1:8; 3:13) Imma żomm f’moħħok, li meta b’kuraġġ turi li int differenti minn dawk li ma jaqdux lil Ġeħova, tkun qed ‘tferraħlu qalbu.’—Prov. 27:11; Mal. 3:18.

ŻOMM LIL ĠEĦOVA L-EWWEL F’ĦAJTEK

10. Il-kmand li hemm f’​Numri 6:​6, 7, għala setaʼ kien diffiċli għan-Nażiriti biex jobduh?

10 Aqra Numri 6:​6, 7. In-Nażiriti ma setgħux jersqu lejn persuna mejta. Forsi dan ma jidhirx bħala li hu sagrifiċċju kbir. Imma żgur kienet tkun diffiċli għalihom meta xi ħadd minn tal-familja kien imut. Id-drawwa kienet li matul il-funeral, tal-familja jkunu qrib taʼ dak li miet. (Ġw. 19:​39, 40; Atti 9:​36-40) Imma Nażirit ma setax jagħmel hekk. In-Nażiriti kienu juru fidi kbira billi jżommu mal-wegħda tagħhom meta kienu jinqalgħu sitwazzjonijiet bħal dawn fil-familja. Ġeħova żgur ta s-saħħa lil dawn il-qaddejja leali meta kienu jgħaddu minn dawn l-isfidi.

11. Ħu jew oħt xi trid tkun determinata li tagħmel meta jinqalgħu sitwazzjonijiet fil-familja? (Ara l-istampa.)

11 Bħala Kristjani, aħna nieħdu l-wegħda li għamilna lil Ġeħova li naqduh għal dejjem bis-serjetà. Dan jaffettwa d-deċiżjonijiet u l-affarijiet li nagħmlu meta jinqalgħu sitwazzjonijiet fil-familja. Aħna naħdmu iebes biex nieħdu ħsieb lill-familja tagħna, imma qatt ma npoġġu dak li jixtiequ huma qabel dak li jixtieq Ġeħova. (Mt. 10:​35-37; 1 Tim. 5:8) Xi kultant, forsi jkollna nieħdu deċiżjonijiet li ma jogħġbux lil tal-familja, imma lil Ġeħova jagħmluh ferħan.

Int lest li tagħmel dak li jixtieq Ġeħova anki meta jkun diffiċli ħafna? (Ara paragrafu 11) e


12. X’għamel ħu jismu Alexandru f’sitwazzjoni diffiċli?

12 Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Alexandru u l-mara tiegħu, Dorina. Wara li studjaw il-Bibbja għal sena, Dorina ddeċidiet li tieqaf, u riedet li Alexandru jieqaf ukoll. Imma hu bil-kalma fehemha li kien ħa jibqaʼ jistudja. Dorina ma ħaditx pjaċir u ppruvat iġġiegħlu jieqaf. Alexandru qal li pprova jifhem għala kienet qed tħossha hekk, imma ma kinitx faċli. Xi kultant, meta kienet tikkritikah u tkellmu b’mod aħrax, hu kien iħossu qed jaqtaʼ qalbu. Imma hu xorta waħda kompla jpoġġi lil Ġeħova l-ewwel u kompla juri mħabba u rispett lejn il-mara tiegħu. Minħabba l-eżempju tajjeb tiegħu, hi ddeċidiet li terġaʼ tibda tistudja l-Bibbja u maż-żmien tgħammdet.—Ara l-vidjow Alexandru u Dorina Vacar: “L-imħabba Tistabar fit-Tul u Qalbha Tajba” fis-serje “Il-Verità Tbiddel il-Ħajjiet” fuq jw.org.

13. Kif nistgħu nuru mħabba għal Ġeħova u għall-familja?

13 Ġeħova ħalaq il-familja u jixtieq li aħna jkollna familja ferħana. (Efes. 3:​14, 15) Jekk irridu nkunu vera ferħanin irridu nagħmlu dak li jixtieq Ġeħova. Kun ċert li Ġeħova japprezza s-sagrifiċċji li tagħmel waqt li tieħu ħsieb il-familja u tittrattahom bi mħabba u b’rispett.—Rum. 12:10.

INKURAĠĠIXXU LIL XULXIN BIEX TKUNU BĦAN-NAŻIRITI

14. Lil min għandna nipprovaw ninkuraġġixxu bil-kliem tagħna?

14 Dawk li jridu jaqdu lil Ġeħova llum iridu jkunu lesti li jagħmlu sagrifiċċji għalih għax iħobbuh. Xi kultant ma jkunx faċli. Kif nistgħu ngħinu lil xulxin biex nagħmlu sagrifiċċji għal Ġeħova? Billi ngħidu kliem inkuraġġanti. (Ġob 16:5) Hemm xi aħwa fil-kongregazzjoni tiegħek li qegħdin jipprovaw jissimplifikaw ħajjithom biex jagħtu iktar lil Ġeħova? Taf lil xi żgħażagħ li għadhom l-iskola, u ma jibżgħux juru li huma differenti avolja diffiċli għalihom? Taf studenti tal-Bibbja jew aħwa oħra li qed isibuha diffiċli biex jibqgħu leali minħabba l-familja tagħhom? Kun lest biex tagħmel li tistaʼ biex tinkuraġġihom u tgħidilhom kemm napprezzaw il-kuraġġ tagħhom u dak li qed jagħmlu għal Ġeħova.—Flm. 4, 5, 7.

15. Xi aħwa kif għenu lil dawk li qed jaqdu fis-servizz full-time?

15 Kultant, inkunu nistgħu ngħinu lill-aħwa li qed jaqdu fis-servizz full-time. (Prov. 19:17; Ebr. 13:16) Oħt kbira fl-età, li toqgħod is-Sri Lanka, hekk xtaqet tagħmel. Hi kellha żieda fil-pensjoni u xtaqet tgħin żewġ pijunieri għax kellhom problema taʼ flus. Allura kull xahar kienet tgħinhom billi tħallsilhom il-kont tat-telefown. Kemm għandha attitudni sabiħa din l-oħt!

16. X’nistgħu nitgħallmu min-Nażiriti?

16 Nistgħu nitgħallmu ħafna affarijiet mill-eżempju tajjeb tan-Nażiriti! Imma dan jgħallimna xi ħaġa dwar Ġeħova wkoll. Hu jaf li aħna nixtiequ nogħġbuh u li lesti nagħmlu s-sagrifiċċji biex inżommu l-wegħda tagħna. Hu jtina l-privileġġ li nagħżlu aħna kif nuruh li nħobbuh. (Prov. 23:​15, 16; Mk. 10:​28-30; 1 Ġw. 4:19) L-arranġament tan-Nażiriti juri li Ġeħova jara s-sagrifiċċji li nagħmlu u japprezzahom. Jalla nkunu determinati biex nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna biex naqdu lil Ġeħova.

INT KIF TWIEĠEB?

  • In-Nażiriti b’liema mod kienu kuraġġużi u lesti li jagħmlu sagrifiċċji?

  • Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin biex nimitaw lin-Nażiriti?

  • L-arranġament tan-Nażiriti x’juri dwar Ġeħova?

GĦANJA 124 Dejjem leali

a Ġeħova għażel xi nies biex ikunu Nażiriti, imma ħafna minnhom kienu Iżraelin li għażlu li jaqdu bħala Nażiriti għal xi żmien.—Ara l-kaxxa “ Nażiriti Magħżulin minn Ġeħova.”

b Kultant, il-pubblikazzjonijiet tagħna qabblu lin-Nażiriti maʼ dawk li jaqdu fis-servizz full-time. Imma f’dan l-artiklu se naraw kif il-qaddejja dedikati kollha taʼ Ġeħova jistgħu jimitaw lin-Nażiriti.

c Milli jidher, biex in-Nażiriti jżommu l-wegħda tagħhom ma kellhomx jagħmlu xogħol speċjali.

d Ara l-artiklu “We Decided to Simplify Our Lives” fis-serje “Experiences of Jehovah’s Witnesses” fuq jw.org.

e X’TURINA L-ISTAMPA: Nażirit qiegħed fuq il-bejt jara l-funeral taʼ xi ħadd tal-familja. Biex iżomm il-wegħda li għamel lil Ġeħova, hu ma jistax jieħu sehem fil-funeral.