Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 8

GĦANJA 130 Aħfer

Kif Tistaʼ Taħfer Bħalma Jagħmel Ġeħova?

Kif Tistaʼ Taħfer Bħalma Jagħmel Ġeħova?

“Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”KOL. 3:13.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Dan l-artiklu se jurina x’nistgħu nagħmlu biex naħfru lil xi ħadd li weġġagħna.

1-2. (a) Meta jistaʼ tkun diffiċli ħafna biex naħfru? (b) Denise kif uriet il-maħfra?

 INT issibha diffiċli biex taħfer? Ħafna nies isibuha diffiċli speċjalment jekk xi ħadd ikun għamel jew qal xi ħaġa li weġġgħethom ħafna. Imma hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nieqfu nħossuna mweġġgħin u naħfru. Ara xi ġralha oħt jisimha Denise, a li wriet maħfra f’sitwazzjoni diffiċli. Fl-2017, hi u l-familja tagħha marru jaraw il-Kwartieri Ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Huma u sejrin lura d-dar, raġel li kien qed isuq tilef il-kontroll u ħabat ġo fihom. Bid-daqqa, Denise ntilfet minn sensiha. Meta reġgħet ġiet f’tagħha, saret taf li t-tfal tagħha weġġgħu sew u r-raġel tagħha, Brian, kien miet. Meta taħseb dwar x’ġara, Denise tgħid, “Bid-dwejjaq li kelli ħassejtni mkissra u mħawda.” Iktar tard, hi saret taf li min ħabat fihom ma kienx taħt l-effett tad-drogi jew fis-sakra. Allura, talbet lil Ġeħova biex jgħinha tħossha kalma.

2 Ir-raġel li ħabat fihom ġie arrestat u telaʼ l-qorti minħabba li bi żball qatel lir-raġel taʼ Denise. Kieku l-qorti sabitu ħati kien se jidħol il-ħabs. Il-qorti qalet lil Denise li dak li tgħid quddiem l-imħallef kien se jeffettwa ħafna jekk ir-raġel imurx il-ħabs jew le. Denise tgħid: “Peress li kelli nerġaʼ nitkellem dwar dak li ġrali ħassejtni qisu xi ħadd reġaʼ fetaħli l-ferita.” Allura ftit ġimgħat wara li r-raġel ġie arrestat, Denise kellha titlaʼ l-qorti u titkellem quddiem raġel li ġabilha ħafna wġigħ. Hi x’għamlet? Denise talbet lill-imħallef biex juri ħniena miegħu. b Meta waqfet titkellem, l-imħallef beda jibki. Hu qal: “Ili 25 sena mħallef u qatt ma smajt xi ħaġa bħal din. Qatt ma kelli l-familja tal-vittma titlobni nuri qalb tajba mal-persuna li weġġgħethom. Qatt ma rajt imħabba u maħfra bħal din.”

3. X’għen lil Denise biex taħfer?

3 X’għen lil Denise biex taħfer? Hi ħasbet sew dwar kif Ġeħova jaħfer lilna. (Mik. 7:18) Meta nifhmu kif Ġeħova jaħfrilna, aħna se napprezzaw u nkunu rridu naħfru lil oħrajn.

4. Ġeħova x’jixtieq? (Efesin 4:32)

4 Ġeħova jixtieqna nimitawh. (Aqra Efesin 4:32.) Allura aħna rridu naħfru mill-qalb anki lil dawk li jweġġgħuna. (Slm. 86:5; Luqa 17:4) F’dan l-artiklu se nitkellmu dwar tliet affarijiet li se jgħinuna naħfru iktar.

TINJORAX KIF TKUN QED TĦOSSOK

5. Skont Proverbji 12:​18, meta xi ħadd iweġġagħna kif nistgħu nħossuna?

5 Meta xi ħadd jgħid jew jagħmel xi ħaġa li biha jweġġagħna, aħna nħossuha ħafna, speċjalment jekk ikun xi ħabib jew xi ħadd tal-familja. (Slm. 55:​12-14) L-uġigħ li nħossu nistgħu nqabbluh ma’ daqqa taʼ sikkina. (Aqra Proverbji 12:18.) Meta persuna tweġġagħna forsi nipprovaw ma nagħtux kas kif inkunu qed inħossuna. Imma dan mhux tajjeb għax inkunu qisna qed inħallu s-sikkina fil-ferita. B’mod simili, jekk ma nagħtux kas kif inkunu qed inħossuna mhux se jonqos l-uġigħ li nkunu qed inħossu.

6. X’nistgħu nagħmlu meta xi ħadd iweġġagħna?

6 Meta xi ħadd iweġġagħna għall-ewwel jaf inħossuna rrabjati. Anki l-Bibbja tgħid li nistgħu nħossuna hekk. Imma tgħidilna wkoll li m’għandniex nibqgħu rrabjati. (Slm. 4:4; Efes. 4:26) Għala? Għax dak li nagħmlu wara jiddependi minn kif inkunu qed inħossuna. U jekk inkunu rrabjati, il-biċċa l-kbira ma nagħmlux affarijiet tajbin. (Ġak. 1:20) Meta jiġrilek xi ħaġa, ma tistax tikkontrolla kif tħossok imma tistaʼ tiddeċiedi tibqax irrabjat jew le.

Ma tistax tikkontrolla kif tħossok imma tistaʼ tiddeċiedi tibqax irrabjat jew le

7. Meta xi ħadd iweġġagħna, liema emozzjonijiet oħra nistgħu nħossu?

7 Meta jweġġagħna xi ħadd jistaʼ jkun li nħossu emozzjonijiet oħra minbarra r-rabja. Pereżempju, oħt jisimha Ann tgħid: “Meta kont għadni żgħira, missieri telaq lil ommi u żżewweġ lill-mara li kienet tieħu ħsiebi. Ħassejt li kien abbandunani. U meta kellu t-tfal ħassejt li ħaduli posti u li lili ma ridnix iżjed.” Oħt jisimha Georgette qalet kif ħassitha meta saret taf li r-raġel tagħha kellu mara oħra. “Konna ilna nafu lil xulxin minn meta konna għadna żgħar u anki konna pijunieri flimkien. Kont vera mdejqa.” Oħt oħra jisimha Naomi tgħid: “Meta r-raġel tiegħi qalli li kien qed jara l-pornografija bil-moħbi, ħassejtni li kien ittradieni u kont vera mweġġgħa. Qatt ma ħsibt li kien se jagħmel xi ħaġa bħal din.”

8. (a) Għala għandna naħfru lil oħrajn? (b) Kif nibbenefikaw meta naħfru? (Ara l-kaxxa “ X’Tistaʼ Tagħmel Jekk Xi Ħadd Għaddiek minn Trawma?”)

8 Aħna ma nistgħux nikkontrollaw x’jgħid jew jagħmel ħaddieħor imma nistgħu nikkontrollaw dak li nagħmlu aħna. L-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li naħfru, għax inħobbu lil Ġeħova u hu hekk jixtieqna nagħmlu. Jekk nibqgħu rrabjati u ma naħfrux, hemm ċans li nagħmlu affarijiet bla sens u nagħmlu ħsara lilna nfusna. (Prov. 14:​17, 29, 30) Aħseb dwar x’qalet oħt jisimha Christine. Hi tgħid: “Meta nibqaʼ rrabjata, inkun nidher għax ma nitbissimx u lanqas niekol sew. Ma nkunx nistaʼ norqod sew u jkun diffiċli biex nikkontrolla kif inkun qed inħossni. Dan jeffettwa kif inkellem lir-raġel tiegħi u lill-ħbieb.”

9. Għala m’għandniex nibqgħu rrabjati?

9 Anki jekk il-persuna li weġġgħetna ma jiddispjaċihiex, aħna xorta nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex inħossuna aħjar. Georgette, li semmejna qabel, qalet x’għamlet: “Kellu jgħaddi ż-żmien biex jirnexxili ma nibqax irrabjata għar-raġel li kelli. Meta għamilt hekk ħassejtni fil-paċi.” Meta ma nibqgħux irrabjati, se jgħinna nittrattaw lil oħrajn b’mod tajjeb. Inkunu qed ngħinu lilna nfusna wkoll, għax se nħossuna aħjar u nkunu nistgħu nkomplu b’ħajjitna. (Prov. 11:17) Imma x’tistaʼ tagħmel jekk għadek m’intix lest li taħfer?

X’TISTAʼ TAGĦMEL BIEX MA TIBQAX IRRABJAT

10. Iż-żmien kif jistaʼ jgħinna ma nibqgħux irrabjati? (Ara wkoll l-istampi.)

10 X’tistaʼ tagħmel biex ma tibqax irrabjat jew imweġġaʼ? Ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tħalli ż-żmien jgħaddi. Meta xi ħadd iweġġaʼ fiżikament ikollu bżonn iż-żmien biex ifiq. B’mod simili, jistaʼ jkollna bżonn iż-żmien biex ma nibqgħux irrabjati u nkunu lesti li naħfru lil xi ħadd.—Ekk. 3:3; 1 Pt. 1:22.

Meta xi ħadd iweġġaʼ fiżikament ikollu bżonn iż-żmien biex ifiq, u l-istess meta xi ħadd iweġġagħna (Ara paragrafu 10)


11. It-talb kif jgħinek tkun lest li taħfer?

11 Itlob lil Ġeħova biex jgħinek taħfer. c Ann, li semmejna qabel, tgħid kif it-talb għenha: “Jien tlabt lil Ġeħova jaħfer lili u lill-familja tiegħi għal dak li stajna għedna jew għamilna. Imbagħad ktibt ittra lil missieri u l-mara tiegħu u għedtilhom li kont ħfirtilhom.” Imma hi tammetti li dan ma kienx faċli. Hi tgħid: “Jien nixtieq li peress li pprovajt nimita lil Ġeħova, missieri u l-mara tiegħu jkunu jixtiequ jitgħallmu iżjed dwaru.”

12. Għala għandna nafdaw f’Ġeħova? (Proverbji 3:​5, 6)

12 Afda f’Ġeħova, għax dak li tħoss mhux dejjem ikun tajjeb. (Aqra Proverbji 3:​5, 6.) Ġeħova dejjem ikun jaf x’inhu l-aħjar għalina. (Isa. 55:​8, 9) Hu qatt mhu se jgħidilna nagħmlu xi ħaġa li tweġġagħna. Allura, meta jgħidilna biex naħfru lil oħrajn nistgħu nkunu ċerti li hu għall-ġid tagħna. (Slm. 40:4; Isa. 48:​17, 18) Imma jekk noqogħdu fuq dak li nkunu qed inħossu forsi qatt ma jirnexxilna naħfru. (Prov. 14:12; Ġer. 17:9) Naomi, li semmejna qabel, tgħid: “Għall-ewwel, bdejt naħseb li ma kellix għalfejn naħfirlu lir-raġel talli ra l-pornografija. Kont nibżaʼ li kien se jinsa kemm kien weġġagħni u jerġaʼ jagħmel l-istess. Bdejt naħseb li Ġeħova kien jifhem kif qed inħossni. Imma billi Ġeħova kien jifhimni ma jfissirx li kien jaqbel miegħi. Hu jaf kif inħossni u li jieħu ż-żmien biex ma nibqax inħossni rrabjata, imma hu jridni naħfer ukoll.” d

FITTEX IT-TAJJEB F’MIN WEĠĠGĦEK

13. Skont Rumani 12:​18-21, xi rridu nagħmlu?

13 Meta naħfru lil xi ħadd li jkun weġġagħna mhux biżżejjed li ma nitkellmux fuq dak li ġara. Jekk min weġġagħna hu ħu jew oħt irridu nipprovaw nagħmlu paċi. (Mat. 5:​23, 24) Minflok nibqgħu rrabjati, għandna nkunu qalbna tajba u naħfru. (Aqra Rumani 12:​18-21; 1 Pt. 3:9) X’jistaʼ jgħinna?

14. X’għandna nipprovaw nagħmlu, u għala?

14 Ġeħova dejjem ifittex it-tajjeb fina, allura aħna għandna nimitawh u nfittxu t-tajjeb fil-persuna li weġġgħetna. (2 Kron. 16:9; Slm. 130:3) Jekk infittxu dak li hu ħażin fin-nies, il-ħażin se nsibu. Imma jekk infittxu t-tajjeb, se jkun iktar faċli li naħfrulhom. Pereżempju, ħu jismu Jarrod jgħid, “Meta jweġġagħni xi ħu, nipprova naħseb dwar il-kwalitajiet sbieħ li għandu u mhux dwar x’għamilli. B’hekk, ikun iktar faċli għalija biex naħfirlu.”

15. Għala jkun tajjeb li tgħid lil xi ħadd li ħfirtlu?

15 Xi ħaġa oħra li rridu nagħmlu hi li ngħidu lill-persuna li weġġgħetna li ħfirnielha. Dan għala hu importanti? Ara xi tgħid Naomi: “Meta r-raġel tiegħi saqsieni ħfirtlux, ma stajtx ngħidlu iva għax indunajt li mhux vera ħfirtlu. Maż-żmien irnexxieli ngħidlu li ħfirtlu. Meta ħfirtlu, ir-raġel beda jibki. Ma stajtx nemmen kemm kont qed ngħinu jħossu aħjar billi ħfirtlu. Anki jien ħassejtni fil-paċi. Wara rġajt bdejt nafdah, u issa rġajna sirna ħbieb.”

16. X’tgħallimt dwar il-maħfra?

16 Ġeħova jridna naħfru lil oħrajn, imma dan jistaʼ jkun diffiċli. (Kol. 3:13) Jekk ma tinjorax kif tkun qed tħossok u ma tibqax irrabjat se jirnexxilek. Imbagħad se tibdel il-mod kif taħseb u terġgħu ssiru ħbieb.—Ara l-kaxxa “ Tliet Affarijiet li Jgħinuk Biex Taħfer.”

AĦSEB DWAR GĦALA HU TAJJEB LI TAĦFER

17. Għala hu tajjeb li naħfru?

17 Għandna ħafna raġunijiet biex naħfru. Dawn huma xi ftit minnhom: l-ewwel, irridu nimitaw u nogħġbu lil Ġeħova, li dejjem lest biex jaħfer. (Luqa 6:36) It-tieni, inkunu qed nuru kemm napprezzaw li Ġeħova jaħfrilna. (Mat. 6:12) U t-tielet, se jkollna saħħa aħjar u jkollna ħbiberiji iktar b’saħħithom.

18-19. X’jistaʼ jiġri meta naħfru?

18 Meta naħfru lil oħrajn jistgħu jiġru affarijiet tajbin li ma nkunux qed nistennew. Pereżempju Denise, li semmejna qabel, ma kinitx taf li r-raġel li ħabat fihom kien se joqtol lilu nnifsu wara l-qorti. Imma Denise tant impressjonatu li ħafritlu li ddeċieda li jibda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova.

19 Aħna jaf inħossu li waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li jistaʼ jkollna nagħmlu hi li naħfru lil xi ħadd. Imma din tistaʼ tkun l-iktar ħaġa li ġġibilna ferħ ukoll. (Mat. 5:7) Allura, ejja nkomplu nagħmlu l-aħjar tagħna biex nimitaw il-mod kif Ġeħova jaħfer.

GĦANJA 125 “Henjin dawk li jħennu!”

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b F’sitwazzjonijiet bħal dawn, kull Kristjan għandu jiddeċiedi għalih xi jrid jagħmel.

c Ara l-vidjows tal-kanzunetti oriġinali “Aħfru lil xulxin,” “Forgive Freely,” u “Friends Again” fuq jw.org.

d Għalkemm li xi ħadd jara l-pornografija hu dnub u jweġġaʼ lill-persuna l-oħra, il-Bibbja ma tgħidx li l-persuna innoċenti tistaʼ tiddivorzja.