Kif Tkun Ħabib Veru
ĠIELI ħassejt li m’hemm ħadd biex jgħinek meta jkollok problema? Il-ħajja llum hi “diffiċli u perikoluża,” u minħabba f’hekk, nistgħu nħossuna waħedna u mdejqin. (2 Tim. 3:1) Imma l-Bibbja tgħid li meta jkollna problema hemm nies li jistgħu jgħinuna. Fil-fatt, titkellem dwar “ħabib veru . . . li tistaʼ tistrieħ fuqu meta tħossok imdejjaq.”—Prov. 17:17.
KIF JGĦINUK IL-ĦBIEB VERI
L-appostlu Pawlu kien idur il-kongregazzjonijiet u jivvjaġġa ma’ ħafna mill-ħbieb tiegħu. (Kol. 4:7-11) Meta kien il-ħabs f’Ruma, huma għenuh billi għamlu affarijiet li hu ma setax jagħmel. Pereżempju, Epafroditu ta lil Pawlu xi affarijiet li kienu bagħtulu l-aħwa minn Filippi. (Flp. 4:18) U Tikiku ħa l-ittri taʼ Pawlu lil kongregazzjonijiet differenti. (Kol. 4:7; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż.) B’hekk, grazzi għall-għajnuna tal-ħbieb tiegħu, Pawlu setaʼ jkompli jinkuraġġixxi lill-aħwa anki meta kien arrestat fid-dar u iktar tard kien il-ħabs. Inti kif tistaʼ tkun ħabib veru?
Illum, hemm ħafna aħwa li juru kif ħbieb veri jistgħu jgħinu lil xulxin. Aħseb dwar x’għamlet oħt biex tgħin lil pijuniera regulari fi Spanja jisimha Elisabet. Meta omm Elisabet mardet b’kanċer li ma setgħetx tfiq minnu, l-oħt bagħtitilha ħafna messaġġi inkuraġġanti mill-Bibbja. Elisabet tgħid: “Il-messaġġi kienu jagħmluni ferħana, għax kienu jfakkruni li xi ħadd qed jaħseb fija u kienu jtuni s-saħħa biex nagħmel l-affarijiet li kelli bżonn nagħmel f’dik il-ġurnata.”—Prov. 18:24.
Aħna nistgħu nsaħħu l-ħbiberiji tagħna mal-aħwa billi ngħinuhom f’affarijiet spiritwali. Pereżempju, tistaʼ twassal lil xi ħu jew oħt kbira fl-età għal-laqgħa jew għas-service? Jekk tgħin b’modi bħal dawn, se tkunu tistgħu tinkuraġġixxu lil xulxin. (Rum. 1:12) Imma hemm aħwa li ma jistgħux joħorġu mid-dar. Kif nistgħu ngħinuhom?
KUN ĦABIB VERU GĦAL AĦWA LI MA JISTGĦUX JOĦORĠU MID-DAR
Xi aħwa ma jistgħux imorru għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna minħabba problemi taʼ saħħa jew ċirkustanzi oħra. Aħseb dwar ħu jismu David, li marad b’kanċer jgħidulu limfoma. Hu għamel iktar minn sitt xhur jirċievi l-kura. F’dak iż-żmien, hu u l-mara tiegħu Lidia kienu jaqbdu għal-laqgħat mid-dar.
L-aħwa fil-kongregazzjoni kif għenuhom? Wara kull laqgħa, xi aħwa li kienu jkunu fis-Sala tas-Saltna kienu jitkellmu ma’ David u Lidia bil-videoconference. Barra minn hekk, meta kienu jikkummentaw, l-aħwa kienu jibagħtulhom
messaġġi biex jgħidulhom li ħadu pjaċir jisimgħuhom. Dan kif għen lil David u Lidia? Huma ħassew li l-aħwa jħobbuhom.Ħaġ’oħra li tistaʼ tgħin lil uħud li ma jistgħux joħorġu mid-dar hi li nippritkaw magħhom. Jekk tagħmel xi ftit bidliet fl-iskeda tiegħek biex taħdem magħhom tkun qed turihom li ma nsejthomx. (Prov. 3:27) Tistaʼ tiftiehem ġurnata magħhom biex tippritkaw flimkien bl-ittri u bit-telefown? L-anzjani jistgħu jagħmlu arranġament biex l-aħwa li ma jistgħux joħorġu mid-dar ikunu jistgħu jaqbdu għall-grupp tas-service bil-videoconference. David u Lidia apprezzaw ħafna li l-kongregazzjoni tagħhom kellha dan l-arranġament. David jgħid, “Vera kien inkuraġġanti li nkunu mal-aħwa għal diskussjoni qasira u talba.” Jekk ikun possibbli tistaʼ wkoll issaqsi lil ħu jew oħt li ma jistgħux joħorġu mid-dar biex tieħu student tal-Bibbja d-dar tagħhom u tagħmlu l-istudju flimkien.
Meta nqattgħu l-ħin ma’ aħwa li ma jistgħux joħorġu mid-dar, se nsiru nafu l-kwalitajiet sbieħ tagħhom. B’hekk, se nsiru iktar ħbieb tagħhom. Pereżempju, meta nkunu qed nippritkaw magħhom u naraw kif jgħallmu l-Bibbja lil oħrajn u jgħinuhom jersqu qrib Ġeħova, se nammirawhom iktar. U meta tgħin lill-aħwa jippritkaw jew biex imorru għal-laqgħat se jkollok iktar ħbieb.—2 Kor. 6:13.
Meta Pawlu għadda minn żmien diffiċli, il-ħabib tiegħu Titu mar jarah. Dan għen lil Pawlu biex iħossu aħjar. (2 Kor. 7:5-7) L-eżempju taʼ Titu jfakkarna li nistgħu ninkuraġġixxu lill-aħwa b’dak li ngħidulhom, meta nqattgħu l-ħin magħhom, u ngħinuhom.—1 Ġw. 3:18.
KUN ĦABIB VERU META L-AĦWA JIĠU PERSEGWITATI
L-aħwa fir-Russja huma eżempju tajjeb għalina taʼ nies li għenu lil xulxin. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Sergey u l-mara tiegħu, Tatyana. Il-pulizija fittxewlhom id-dar u mbagħad ħaduhom l-għassa għall-interrogazzjoni. Wara ħallew lil Tatyana tmur lura d-dar. Sergey jgħid: “Meta waslet id-dar, oħt kuraġġuża mill-ewwel marret taraha. Imbagħad ġew iżjed aħwa jgħinuha tnaddaf id-dar.”
Sergey ikompli jgħid: “L-iskrittura taʼ Proverbji 17:17 minn dejjem kienet togħġobni. Din tgħid: ‘Ħabib veru juri mħabba l-ħin kollu. Hu bħal ħu li tistaʼ tistrieħ fuqu meta tħossok imdejjaq.’ F’dan iż-żmien taʼ persekuzzjoni kelli bżonnhom ħafna l-ħbieb, u jien rajt li dak li jgħid Proverbji hu veru. Ġeħova tani ħbieb kuraġġużi u li għenuni.” a
Iktar ma ngħaddu minn żmien diffiċli iktar se jkollna bżonn il-ħbieb. Waqt iż-żmien taʼ tbatija kbira se jkollna bżonnhom ħafna iktar. Mela ejja naħdmu kemm nistgħu biex inkunu ħbieb veri minn issa!—1 Pt. 4:7, 8.
a Ara l-artiklu “Jehovah Has Provided Friends Who Are Fearlessly at My Side” fuq jw.org.