Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsija Sempliċi li Int Tistaʼ Ssaqsi

Mistoqsija Sempliċi li Int Tistaʼ Ssaqsi

Mary u r-raġel tagħha, John, a jgħixu f’pajjiż fejn jistgħu jitkellmu dwar il-verità ma’ ħafna nies li jiġu mill-​Filippini biex jgħixu u jaħdmu hemm. Matul il-pandemija tal-COVID-19, Mary bdiet ħafna studji tal-Bibbja mhux biss ma’ nies li kienu jgħixu f’pajjiżha, imma ma’ nies li kienu jgħixu f’pajjiżi oħra wkoll. Kif irnexxielha?

Mary kienet issaqsi lill-istudenti tal-Bibbja tagħha, “Taf lil xi ħadd li jixtieq jistudja l-Bibbja?” Meta huma kienu jgħidulha iva, hi kienet tgħidilhom, “Tistaʼ tlaqqagħni magħhom?” Jekk issaqsi din il-mistoqsija sempliċi, ħafna drabi jaf ikollok riżultati tajbin. Għala? Għax spiss nies li jkunu qed jieħdu pjaċir b’dak li jitgħallmu mill-Bibbja, ikunu jixtiequ jgħidu lil tal-familja u lill-ħbieb li jħobbu wkoll. L-istudenti tal-Bibbja taʼ Mary x’għamlu meta staqsiethom din il-mistoqsija?

Waħda mill-istudenti tal-Bibbja taʼ Mary, jisimha Jasmin, qaltilha li kellha erbat iħbieb oħra li xtaqu jistudjaw il-Bibbja. Waħda minn dawn il-ħbieb, jisimha Kristine, vera kienet qed tieħu pjaċir b’dak li kienet qed titgħallem u xtaqet li tistudja darbtejn f’ġimgħa. Meta Mary staqsiet lil Kristine, “Taf lil xi ħadd ieħor li jixtieq jistudja l-Bibbja?,” Kristine qaltilha, “Iva, għandi ħbieb li huma interessati.” Fi ftit ġimgħat, Kristine laqqgħet lil Mary m’erbgħa mill-ħbieb tagħha, u xi ftit minn dawn il-ħbieb laqqgħuha ma’ nies oħrajn li xtaqu jistudjaw il-Bibbja.

Kristine xtaqet li l-familja tagħha fil-​Filippini jitgħallmu l-verità mill-Bibbja wkoll. Allura, tkellmet mat-tifla tagħha Andrea. Għall-ewwel, Andrea ħasbet li x-Xhieda taʼ Ġeħova huma setta, ma jemmnux f’Ġesù, u jużaw it-Testment il-Qadim biss. Imma wara l-ewwel studju, indunat li dak li kienet taħseb dwar ix-Xhieda kien żbaljat. Kull meta kienet titgħallem xi ħaġa ġdida, kienet tgħid, “Jekk qiegħda fil-Bibbja, bilfors li hi vera!”

Maż-żmien, Andrea laqqgħet lil Mary ma’ żewġt iħbieb tagħha u maʼ waħda li kienet taħdem magħha, u dawn bdew jistudjaw. Barra minn hekk, Andrea kellha zija jisimha Angela nieqsa mid-dawl. Meta Andrea kienet tkun qed tagħmel l-istudju, hi kienet toqgħod tismaʼ mingħajr ma Mary tkun taf. Imbagħad darba Angela saqsiet lil Mary biex tibda tistudja l-Bibbja. Hi vera kienet qed tieħu pjaċir b’dak li kienet qed titgħallem. Fil-fatt f’xahar wieħed biss tgħallmet ħafna skritturi bl-amment u riedet tistudja erbaʼ darbiet f’ġimgħa! Bl-għajnuna taʼ Andrea hi bdiet tattendi l-laqgħat permezz tal-videoconference.

Meta Mary saret taf li r-raġel taʼ Kristine, Joshua, kien ikun qed jismaʼ meta kienu jkunu qed jagħmlu l-istudju, Mary staqsietha jekk jixtieqx jistudja hu wkoll. Joshua qal, “Jien ħa noqgħod nismagħkom biss, imma ssaqsunix mistoqsijiet. Jekk tistaqsu xi ħaġa nitlaq.” Imma fl-ewwel ħames minuti tal-istudju, hu saqsa iktar mistoqsijiet minn Kristine, u xtaq jibda jistudja l-Bibbja hu wkoll.

Il-mistoqsija sempliċi taʼ Mary wasslet biex jinbdew ħafna studji tal-Bibbja. Hi għamlet arranġamenti biex aħwa oħra jkomplu l-istudju ma’ xi ftit mill-istudenti. B’kollox, Mary bdiet 28 studju tal-Bibbja f’erbaʼ pajjiżi differenti.

L-ewwel studenta li semmejna f’din l-esperjenza, Jasmin, tgħammdet f’April tal-2021. Kristine tgħammdet f’Mejju tal-2022 u reġgħet marret il-​Filippini biex tkun mal-familja tagħha. Żewġ studenti oħra li kienu ltaqgħu ma’ Mary permezz taʼ Kristine tgħammdu wkoll. Angela tgħammdet ftit xhur wara u issa qed taqdi bħala pijuniera regulari. Ir-raġel taʼ Kristine, Joshua, it-tifla tagħhom, Andrea, u xi studenti oħra wkoll qed jagħmlu progress tajjeb.

Fi żmien il-Kristjani tal-bidu kien hemm ħafna nies li qalu lill-familja u l-ħbieb x’kienu qed jitgħallmu dwar Ġesù. (Ġw. 1:​41, 42a; Atti 10:​24, 27, 48; 16:​25-33) Għax ma tistaqsix lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek u oħrajn interessati jekk jafux lil xi ħadd li jixtieq jistudja l-Bibbja? Anki inti jaf issib iktar studenti tal-Bibbja jekk issaqsi din il-mistoqsija sempliċi.

a L-ismijiet ġew mibdulin.