ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 4
Ġeħova Jbierek l-Isforzi Biex Nattendu t-Tifkira
“Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—LQ. 22:19.
GĦANJA 19 L-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1-2. Għala mmorru t-Tifkira kull sena?
KWAŻI 2,000 sena ilu Ġesù miet għalina, u dan għamilha possibbli biex ikollna l-ħajja taʼ dejjem. Fil-lejl qabel ma miet, Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jiftakru s-sagrifiċċju li għamel. Huma jagħmlu dan f’okkażjoni speċjali permezz tal-ħobż u l-inbid.—1 Kor. 11:23-26.
2 Aħna nobdu l-kmand taʼ Ġesù għax inħobbuh ħafna. (Ġw. 14:15) Kull sena fi żmien it-Tifkira, aħna nuru li napprezzaw dak li għamel Ġesù. Dan nagħmluh billi nieħdu l-ħin biex nitolbu u naħsbu fuq xi tfisser il-mewt tiegħu għalina. U aħna nieħdu pjaċir noħorġu iżjed fuq il-ministeru biex nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies biex jiġu għal din l-okkażjoni speċjali. Aħna determinati li ma nħallu xejn iwaqqafna milli mmorru t-Tifkira.
3. X’se niddiskutu f‘dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu se naraw kif in-nies taʼ Ġeħova jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jattendu t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù. Se niddiskutu kif huma (1) jagħmlu t-Tifkira kif għallimhom Ġesù, (2) jistiednu lil oħrajn biex jattendu wkoll, u (3) jattendu t-Tifkira minkejja sitwazzjonijiet diffiċli.
NAGĦMLU T-TIFKIRA KIF GĦALLIMNA ĠESÙ
4. Liema mistoqsijiet jiġu mweġbin fit-Tifkira, u għala dawn it-tweġibiet huma importanti għalina? (Luqa 22:19, 20)
4 Kull sena fit-Tifkira, aħna nisimgħu taħdita bbażata fuq il-Bibbja li tagħtina tweġibiet ċari għal ħafna mistoqsijiet. Aħna nitgħallmu għala n-nies għandhom bżonn il-fidwa u kif il-mewt taʼ raġel wieħed tħallas għad-dnubiet taʼ ħafna nies. Aħna niftakru xi jfissru l-ħobż u l-inbid u min għandu jieħu minnhom. (Aqra Luqa 22:19, 20.) U naħsbu dwar il-futur mill-isbaħ li jistaʼ jkollhom dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Is. 35:5, 6; 65:17, 21-23) Kemm hu importanti li napprezzaw dawn il-veritajiet! Biljuni taʼ nies ma jifhmux dawn l-affarijiet u ma japprezzawx kemm hu importanti s-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Barra minn hekk, huma ma jagħmlux it-Tifkira tal-mewt tiegħu kif għallem lid-dixxipli tiegħu. Għala?
5. Wara li ħafna mill-appostli mietu, in-nies kif bdew jiftakru fil-mewt taʼ Ġesù?
5 Wara li l-biċċa l-kbira tal-appostli taʼ Ġesù mietu, Kristjani foloz daħlu fil-kongregazzjoni. (Mt. 13:24-27, 37-39) Huma qalu “affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Waħda mill-“affarijiet mgħawġin” li għallmu dawn il-Kristjani foloz kienet li Ġesù ma mietx “darba għal dejjem biex iġorr id-dnubiet taʼ ħafna.” Minflok, huma għallmu li Ġesù għandu jmut għal darba wara l-oħra. (Ebr. 9:27, 28) Illum ħafna nies jemmnu dan it-tagħlim falz. Huma jmorru l-knisja kull ġimgħa u xi kultant kuljum biex jitqarbnu. b Nies taʼ reliġjonijiet oħra ma jiftakrux fil-mewt taʼ Ġesù daqshekk spiss, imma ma jifhmux eżatt xi jfisser is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Xi wħud jistaqsu, ‘Ifisser li bil-mewt taʼ Ġesù, id-dnubiet tiegħi vera jistgħu jinħafru?’ Għala jsaqsu din il-mistoqsija? Għax xi nies ikkonvinċewhom li d-dnubiet tagħhom ma jistgħux jinħafru permezz tal-mewt taʼ Ġesù. Id-dixxipli taʼ Ġesù kif għenu lin-nies jifhmu x’inhu s-sagrifiċċju taʼ Ġesù u kif għandhom jiftakru fil-mewt tiegħu?
6. X’fehmu grupp taʼ studenti tal-Bibbja?
6 Fl-1870, grupp taʼ studenti tal-Bibbja li kienu mmexxijin minn Charles Taze Russell għamlu studju fil-fond tal-Iskrittura. Huma xtaqu jkunu jafu xi jfisser eżatt is-sagrifiċċju taʼ Ġesù u kif setgħu jibqgħu jiftakruh. Sal-aħħar tal-1872, huma fehmu li Ġesù miet bħala fidwa għall-bnedmin kollha. Dak li tgħallmu ma żammewhx għalihom biss. Minflok, huma qasmuh m’oħrajn permezz taʼ kotba, gazzetti, u rivisti. Wara ftit, huma bdew jiltaqgħu għat-Tifkira darba fis-sena bħalma kienu jagħmlu l-Kristjani tal-bidu.
7. Kif qed nibbenefikaw minn dak li studjaw il-Kristjani ħafna snin ilu?
7 Illum aħna qed nibbenefikaw minn dak li studjaw dawk il-Kristjani ħafna snin ilu. Kif? Ġeħova għenna nifhmu xi jfisser is-sagrifiċċju taʼ Ġesù u x’se jagħmel għalina u għall-bnedmin kollha. (1 Ġw. 2:1, 2) Tgħallimna wkoll li l-Bibbja tispjega żewġ tamiet għal nies li jogħġbu lil Alla, għal xi wħud ħajja fis-sema li ma tispiċċa qatt u għal miljuni taʼ nies oħrajn ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Aħna nersqu eqreb taʼ Ġeħova meta naħsbu kemm iħobbna u kemm nibbenefikaw mis-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù. (1 Pt. 3:18; 1 Ġw. 4:9) Għalhekk, bħal dawk l-aħwa leali tal-passat, aħna nistiednu lil oħrajn biex jagħmlu t-Tifkira magħna kif għallimna Ġesù.
NISTIEDNU LIL OĦRAJN GĦAT-TIFKIRA
8. In-nies taʼ Ġeħova x’għamlu biex jistiednu lil oħrajn għat-Tifkira? (Ara l-istampa.)
8 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ilhom jistiednu lin-nies għat-Tifkira għal ħafna snin. Mill-1881, l-aħwa fl-Istati Uniti bdew jiġu mistidnin biex jiltaqgħu flimkien f’dar taʼ ħu f’Allegheny, Pennsylvania, għal din l-okkażjoni speċjali. Iktar tard, kull kongregazzjoni għamlet it-Tifkira għaliha. Fl-1940, il-pubblikaturi setgħu jistiednu lil dawk kollha li juru interess. Fl-1960, Betel ipprintjat l-inviti għall-kongregazzjonijiet għall-ewwel darba. Minn dakinhar ’l hawn ġew imqassmin biljuni taʼ inviti tat-Tifkira. Għala naħdmu iebes biex nistiednu lil oħrajn?
9-10. Min jibbenefika mill-isforzi li nagħmlu biex nistiednu lil oħrajn għat-Tifkira? (Ġwanni 3:16)
9 Raġuni waħda għala nistiednu lil oħrajn għat-Tifkira hi biex dawk li jiġu għall-ewwel darba jitgħallmu dwar dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina. (Aqra Ġwanni 3:16.) Aħna nittamaw li dak li jaraw u jisimgħu matul it-Tifkira jimmotivahom biex ikunu jridu jitgħallmu iktar u jsiru qaddejja taʼ Ġeħova. Imma mhux huma biss jibbenefikaw.
10 Aħna nistiednu wkoll lil dawk li m’għadhomx attivi fil-kongregazzjoni. Nagħmlu dan biex infakkruhom li Alla għadu jħobbhom. Ħafna jaċċettaw l-istedina tagħna, u aħna nieħdu pjaċir ħafna li narawhom. It-Tifkira tfakkarhom kemm kienu jieħdu pjaċir jaqdu lil Ġeħova fil-passat. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Monica. c Matul il-pandemija tal-COVID-19, hi reġgħet bdiet tipprietka. Wara li marret it-Tifkira fl-2021, hi qalet: “Din it-Tifkira kienet speċjali ħafna għalija. Għall-ewwel darba f’20 sena, jien kelli ċ-ċans li nistieden lin-nies għat-Tifkira. Għamilt dak kollu li stajt biex nistieden lil oħrajn għax napprezza ħafna dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalija.” (Salm 103:1-4) Sew jekk jaċċettaw u sew jekk le, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nistiednu lil oħrajn għat-Tifkira għax nafu li Ġeħova japprezza l-isforzi tagħna.
11. Ġeħova kif bierek l-isforzi li għamilna biex nistiednu lin-nies għat-Tifkira? (Ħaggaj 2:7)
11 Ġeħova vera bierek l-isforzi li għamilna biex nistiednu lin-nies għat-Tifkira. Fl-2021, minkejja r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, attendew għat-Tifkira 21,367,603, u din kienet l-iktar darba li attendew nies. Dan hu iktar mid-doppju taʼ kemm hawn Xhieda taʼ Ġeħova fid-dinja kollha! Bla dubju, Ġeħova ma jimpurtahx biss kemm jattendu nies. Hu interessat f’kull persuna li tattendi. (Lq. 15:7; 1 Tim. 2:3, 4) Nistgħu nkunu ċerti li meta aħna nistiednu lil oħrajn, Ġeħova se jgħinna nsibu lil dawk onesti.—Aqra Ħaggaj 2:7.
NATTENDU T-TIFKIRA ANKI META JKUN DIFFIĊLI
12. Għala jistaʼ jkun diffiċli biex nattendu t-Tifkira? (Ara l-istampa.)
12 Ġesù qalilna minn qabel li matul l-aħħar żminijiet se niffaċċjaw ħafna problemi differenti, bħal pereżempju oppożizzjoni mill-familja, persekuzzjoni, gwerer, mard li jittieħed, u ħafna oħrajn. (Mt. 10:36; Mk. 13:9; Lq. 21:10, 11) Xi kultant, dawn il-problemi jagħmluhielna diffiċli biex nattendu t-Tifkira. L-aħwa x’għamlu biex jegħlbu dawn l-isfidi, u Ġeħova kif għenhom?
13. Ġeħova kif bierek lil Artem għall-kuraġġ li wera biex jagħmel it-Tifkira waqt li kien fil-ħabs?
13 Il-ħabs. L-aħwa li qegħdin fil-ħabs minħabba l-fidi tagħhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jagħmlu t-Tifkira. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Artem. Fl-2020 fiż-żmien tat-Tifkira, hu kien f’ċella taʼ 17-il metru kwadru maʼ erbaʼ ħabsin oħra. Hu uża dak li kellu għall-ħobż u l-inbid. Hu ppjana biex jagħmel it-taħdita tat-Tifkira għalih. Imma l-ħabsin l-oħra kienu jpejpu u jitkellmu ħażin. Artem x’għamel? Hu staqsiehom jekk jistgħux jieqfu jpejpu u jitkellmu ħażin għal siegħa biss. B’sorpriża, huma qablu li ma jpejpux u ma jitkellmux ħażin waqt it-taħdita. Artem jgħid, “Ipprovajt ngħidilhom dwar it-Tifkira.” Huma ma ridux imma wara li semgħu u raw dak li għamel Artem, bdew jistaqsuh dwarha.
14. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif għamlu t-Tifkira minkejja l-pandemija tal-COVID-19?
14 Il-pandemija tal-COVID-19. Minħabba l-pandemija, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma setgħux jiltaqgħu b’mod fiżiku għat-Tifkira. Imma dan ma waqqafhomx milli jagħmlu t-Tifkira. d Il-kongregazzjonijiet li kellhom aċċess għall-Internet għamlu t-Tifkira permezz tal-videoconference. Imma xi ngħidu għal dawk il-miljuni li ma kellhomx aċċess għall-Internet? F’xi pajjiżi, l-uffiċċji tal-fergħa għamlu arranġamenti biex in-nies ikunu jistgħu jaraw it-taħdita fuq it-televixin jew jisimgħuha fuq ir-radio. Barra minn hekk, xi fergħat irrekordjaw it-taħdita f’aktar minn 500 lingwa biex b’hekk dawk li jgħixu f’postijiet iżolati jkunu jistgħu jagħmlu t-Tifkira. U l-aħwa qassmu r-rekordings lil dawk l-aħwa li kellhom bżonnhom.
15. X’titgħallem mill-eżempju taʼ Sue?
15 L-oppożizzjoni mill-familja. Għal xi wħud, l-ikbar sfida biex jattendu t-Tifkira hi l-oppożizzjoni mill-familja. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Sue li qed tistudja l-Bibbja. Fl-2021, fil-ġurnata taʼ qabel it-Tifkira, Sue qalet lill-oħt li kienet qed tistudja magħha li mhux se tattendi t-Tifkira għax xi wħud mill-familja kienu kontriha. L-oħt qratilha Luqa 22:44. Imbagħad spjegatilha li meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, aħna rridu nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù billi nitolbu lil Ġeħova u nafdaw kompletament Fih. L-għada, Sue ppreparat il-ħobż u l-inbid u rat il-Qima taʼ Filgħodu għat-Tifkira fuq jw.org. Dik il-lejla, hi marret fil-kamra tagħha u qagħdet tismaʼ t-taħdita fuq il-mobile. Wara, Sue qalet lill-oħt li tistudja magħha: “Ilbieraħ inkuraġġejtni ħafna. Għamilt dak kollu li stajt biex nattendi t-Tifkira, u Ġeħova vera għenni. Ma nistax nispjegalek kemm qed inħossni ferħana u vera napprezza dak li Ġeħova għamel miegħi!” Taħseb li Ġeħova jistaʼ jgħin lilek ukoll meta tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli?
16. Għala aħna ċerti li Ġeħova se jbierek l-isforzi tagħna biex nattendu t-Tifkira? (Rumani 8:31, 32)
16 Ġeħova japprezza ħafna l-isforzi li nagħmlu biex nattendu t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù. Nistgħu nkunu ċerti li hu se jberikna meta nuru li aħna napprezzaw dak li għamel għalina. (Aqra Rumani 8:31, 32.) Mela ejja nkunu determinati li nattendu t-Tifkira din is-sena u matul iż-żmien tat-Tifkira nagħmlu iktar għal Ġeħova.
GĦANJA 18 Grati għall-fidwa
a It-Tlieta, 4 tʼApril 2023, miljuni taʼ nies madwar id-dinja se jattendu għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Ħafna se jiġu għall-ewwel darba. Oħrajn li kienu attivi fil-kongregazzjoni se jattendu għall-ewwel darba wara ħafna snin. U oħrajn se jkun diffiċli ħafna għalihom biex jattendu imma xorta se jiġu. Ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tiegħek, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jieħu pjaċir li għamilt l-isforz biex tattendi.
b In-nies jemmnu li waqt il-quddiesa, il-ħobż u l-inbid jinbidlu u jsiru l-ġisem u d-demm taʼ Kristu. Huma jaħsbu li l-ġisem u d-demm taʼ Ġesù jkunu sagrifikati kull darba li jitqarbnu.
c Xi ismijiet ġew mibdulin.
d Ara wkoll l-artikli “2021 Memorial Commemoration” fuq jw.org.