Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 2

GĦANJA 19 L-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej

Lest għall-Iktar Ġurnata Importanti tas-Sena?

Lest għall-Iktar Ġurnata Importanti tas-Sena?

“Ibqgħu agħmlu dan biex tiftakru fija.”LQ. 22:19.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Ara għala t-Tifkira hi speċjali, kif tistaʼ tkun ippreparat għaliha, u kif tistaʼ tgħin lil oħrajn jattendu.

1. It-Tifkira għala hi l-iktar ġurnata importanti tas-sena? (Luqa 22:​19, 20)

 IT-TIFKIRA tal-mewt taʼ Ġesù hi l-iktar ġurnata importanti fis-sena għan-nies taʼ Ġeħova. Din hi l-unika okkażjoni li Ġesù kkmandana biex niftakru fiha. (Aqra Luqa 22:​19, 20.) Hemm ħafna raġunijiet għala nħarsu ’l quddiem għat-Tifkira. Ejja naraw ftit minnhom.

2. Għala nħarsu ’l quddiem għat-Tifkira?

2 It-Tifkira tgħinna noqogħdu naħsbu dwar kemm hu importanti s-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Tfakkarna kif nistgħu nuru li napprezzaw dak li għamel. (2 Kor. 5:​14, 15) Ittina wkoll iċ-ċans li nkunu mal-aħwa u “ninkuraġġixxu lil xulxin.” (Rum. 1:12) Ħafna aħwa li m’għadhomx jiġu l-laqgħat se jattendu t-Tifkira. L-aħwa tant jilqgħuhom bi mħabba li xi wħud minnhom jiddeċiedu biex jerġgħu jiġu lura. U ħafna nies interessati tant jieħdu pjaċir b’dak li jaraw u jisimgħu li jibdew jistudjaw il-Bibbja. Dawn huma xi raġunijiet għala t-Tifkira hi speċjali għalina.

3. It-Tifkira kif tgħaqqad lill-aħwa mad-dinja kollha? (Ara l-istampa.)

3 Aħna nħarsu ’l quddiem ukoll għat-Tifkira għax dakinhar inkunu magħqudin mal-aħwa kollha madwar id-dinja. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jiltaqgħu meta tkun nieżla x-xemx. Kollha kemm aħna nisimgħu taħdita li turi kemm hu importanti s-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù. Aħna nkantaw żewġ għanjiet biex infaħħru lil Ġeħova, ngħaddu l-ħobż u l-inbid, u mill-qalb ngħidu “ammen” għal erbaʼ talbiet. F’24 siegħa, il-kongregazzjonijiet kollha se jkunu għamlu l-istess ħaġa. Immaġina kemm ikunu ferħanin Ġeħova u Ġesù meta jaraw l-aħwa kollha madwar id-dinja jfaħħruhom b’dan il-mod.

It-Tifkira tgħaqqad l-aħwa mad-dinja kollha (Ara paragrafu 3) f


4. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

4 F’dan l-artiklu, se niddiskutu dawn il-mistoqsijiet: X’nistgħu nagħmlu biex nuru li napprezzaw it-Tifkira? Kif nistgħu ngħinu lil uħud interessati jibbenefikaw mit-Tifkira? Kif nistgħu ngħinu lill-aħwa li m’għadhomx jattendu l-laqgħat? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinuna nkunu lesti għal din l-okkażjoni importanti ħafna.

X’NISTGĦU NAGĦMLU BIEX NURU LI NAPPREZZAW IT-TIFKIRA?

5. (a) Għala għandna naħsbu fuq kemm hi importanti l-fidwa? (Salm 49:​7, 8) (b) X’tgħallimt mill-vidjow Ġesù Għala Miet?

5 Mod kif nuru li napprezzaw it-Tifkira hu billi naħsbu dwar kemm hu importanti s-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù Kristu. M’hemm xejn li nistgħu nagħmlu biex neħilsu lilna nfusna mid-dnub u mill-mewt. (Aqra Salm 49:​7, 8; ara l-vidjow Ġesù Għala Miet?) a Allura, Ġeħova bagħat lil Ġesù biex imut għalina u jsalvana, u dan kien sagrifiċċju kbir għalihom. (Rum. 6:23) Iktar ma naħsbu fuq is-sagrifiċċju li għamlu Ġeħova u Ġesù għalina iktar se napprezzawh. F’dan l-artiklu, se naraw xi affarijiet diffiċli li Ġeħova u Ġesù kienu lesti li jagħmlu għalina. Imma l-ewwel se naraw x’inhi l-fidwa, u għala kellna bżonnha.

6. X’inhi l-fidwa, u għala kellna bżonnha?

6 Fidwa hi l-prezz li tħallas biex terġaʼ tixtri xi ħaġa. L-ewwel raġel, Adam, kien perfett. Imma meta dineb, hu tilef iċ-ċans li hu u t-tfal tiegħu jgħixu għal dejjem. Ġesù offra l-ħajja perfetta tiegħu bħala sagrifiċċju biex ikun jistaʼ jerġaʼ jixtri dak li tilef Adam. Meta kien fuq l-art, Ġesù “m’għamel ebda dnub, u ma nstabx qerq f’fommu.” (1 Pt. 2:22) Meta miet, hu kien perfett bħalma kien Adam qabel dineb. Allura, bis-sagrifiċċju tiegħu, Ġesù setaʼ jħallas il-prezz għal dak li tilef Adam.—1 Kor. 15:45; 1 Tim. 2:6.

7. Liema sfidi kellu Ġesù meta kien fid-dinja?

7 Meta kien fid-dinja, Ġesù dejjem obda lil Ġeħova anki meta kien diffiċli. Ġesù kien tifel perfett, u l-ġenituri tiegħu kienu imperfetti. Imma hu xorta obdiehom. (Lq. 2:51) Meta kien żagħżugħ, kellu joqgħod attent li ma jċedix għall-pressjoni minn oħrajn biex ma jobdix lill-ġenituri jew ma jibqax leali lejn Ġeħova. Imbagħad meta kiber, kellu joqgħod attent biex ma jċedix għat-tentazzjonijiet taʼ Satana biex jidneb u ma jibqax jaqdi lil Alla. (Mt. 4:​1-11) Satana kien determinat li jġiegħel lil Ġesù jidneb ħalli ma jkunx jistaʼ jħallas il-fidwa.

8. Liema sfidi oħra kellu Ġesù?

8 Meta kien fuq l-art, Ġesù kellu iktar sfidi. L-għedewwa tiegħu ppersegwitawh u pprovaw joqtluh. (Lq. 4:​28, 29; 13:31) Hu kellu jissaporti l-iżbalji tad-dixxipli tiegħu. (Mk. 9:​33, 34) Meta kien għaddej ġuri, in-nies ittorturawh u waqqgħuh għaċ-ċajt. Imbagħad qatluh b’mewta taʼ ħafna wġigħ u qisuh bħala kriminal. (Ebr. 12:​1-3) Meta kien fuq iz-zokk tat-tortura, hu kien waħdu u ma kellux il-protezzjoni taʼ Ġeħova. bMt. 27:46.

9. Kif tħossok dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù? (1 Pietru 1:8)

9 Ġesù bata ħafna biex imut għalina. Meta naħsbu dwar is-sagrifiċċji kollha li Ġesù kien lest li jagħmel għalina, aħna se nħobbuh ħafna.—Aqra l-1 Pietru 1:8.

10. Ġeħova x’kien lest li jagħmel għalina?

10 Ġeħova x’kien lest li jagħmel biex Ġesù jagħti ħajtu bħala fidwa? Ġeħova u Ġesù huma l-iżjed missier u tifel close taʼ xulxin. (Prov. 8:30) Mela, immaġina kif ħassu Ġeħova meta ra lil Ġesù jgħaddi mill-problemi meta kien fuq l-art. Żgur li ħassu mweġġaʼ meta ra lil Ibnu jiġi trattat ħażin u qed ibati.

11. Ġeħova kif ħassu meta qatlu lil Ġesù? Agħti eżempju.

11 Il-ġenituri li tilfu tifel jew tifla jafu xi wġigħ iġġib din it-telfa. Aħna nemmnu li se jkun hemm irxoxt, imma xorta nweġġgħu ħafna meta jmut xi ħadd li nħobbu. Dan l-eżempju jgħinna nifhmu kif Ġeħova ħassu meta ra lil Ibnu l-maħbub ibati u jmut fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 wara Kristu (WK). cMt. 3:17.

12. X’nistgħu nagħmlu fil-ġimgħat taʼ qabel it-Tifkira?

12 Minn issa sat-Tifkira pprova studja iżjed dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù fl-istudju persunali jew tal-familja. Uża l-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova jew pubblikazzjonijiet oħra biex titgħallem iżjed dwar il-fidwa. d Uża wkoll l-iskeda tal-qari tal-Bibbja li jkun hemm fil-Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. U dakinhar tat-Tifkira tinsiex tara l-vidjow speċjali tal-Qima taʼ Filgħodu. Meta aħna nuru li napprezzaw it-Tifkira, se nkunu nistgħu ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw ukoll.—Esd. 7:10.

GĦIN LIL OĦRAJN JIBBENEFIKAW

13. X’inhi l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu biex ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw mit-Tifkira?

13 Kif nistgħu ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw mit-Tifkira? L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hi li nistidnuhom biex jiġu. Nistgħu nistiednu lin-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru. Nistgħu wkoll nagħmlu lista taʼ nies li nafu. Dawn jistgħu jkunu tal-familja, li naħdmu magħhom, tal-iskola, jew nies oħra li nafu. Jekk m’għandniex biżżejjed inviti pprintjati nistgħu nibagħtulhom link għall-invit fuq il-website. Jaf nibqgħu sorpriżi kemm ikun hemm nies li jaċċettaw l-istedina.—Ekk. 11:6.

14. Uri x’differenza jagħmel invit persunali.

14 Meta tistieden lil xi ħadd għat-Tifkira, jistaʼ jħossu iktar motivat biex jiġi. Oħt li kellha r-raġel mhux fil-verità baqgħet sorpriża meta darba qalilha li se jmur magħha għat-Tifkira. Għala kienet sorpriża? Għax hi kienet stidnitu ħafna drabi imma qatt ma mar. Xi nbidel din id-darba? Ir-raġel qalilha li anzjan fil-kongregazzjoni li kien jafu tah invit. Dik is-sena, ir-raġel mar għat-Tifkira u baqaʼ jattendi għal ħafna snin wara.

15. Xi rridu niftakru meta nistiednu lin-nies għat-Tifkira?

15 Tinsiex li meta nistiednu n-nies għat-Tifkira jistaʼ jkollhom xi mistoqsijiet, speċjalment jekk qatt ma ġew il-laqgħat tagħna. Allura, nagħmlu tajjeb li naħsbu dwar x’mistoqsijiet jistgħu jsaqsuna u kif inwiġbuhom. (Kol. 4:6) Pereżempju, jistgħu jsaqsu: ‘X’jiġri waqt il-laqgħa?’ ‘Kemm iddum?’ ‘X’għandi nilbes?’ ‘Irrid inħallas biex nidħol?’ ‘Se tiġbru flus?’ Meta nistiednu lil xi ħadd għat-Tifkira nistgħu nsaqsuh, “Għandek xi mistoqsijiet?” u mbagħad inwiġbuhomlu. Biex ngħinuh jifhem x’jiġri fil-laqgħat, nistgħu nużaw il-vidjows Ftakar fil-Mewt taʼ Ġesù u X’jiġri fis-Sala tas-Saltna? U f’lezzjoni 28 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! hemm ħafna punti tajbin li nistgħu naqsmu miegħu.

16. Dawk li jiġu t-Tifkira liema mistoqsijiet oħra jistaʼ jkollhom?

16 Wara li jiġu t-Tifkira, xi wħud interessati jistaʼ jkollhom iktar mistoqsijiet. Xi wħud jistgħu jsaqsu għala ftit jew ħadd ma ħa mill-ħobż u l-inbid. Jistgħu jsaqsu wkoll kemm-il darba nagħmlu t-Tifkira. Forsi jkunu jixtiequ jsiru jafu jekk il-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova jkunux kollha l-istess bħat-Tifkira. Il-kelliemi fit-taħdita jsemmihom dawn l-affarijiet, imma xi ħadd ġdid forsi jkollu bżonn iktar dettalji. L-artiklu “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala josservaw l-Ikla tal-Mulej differenti minn reliġjonijiet oħrajn?” fuq jw.org jistaʼ jgħinna nwieġbu ftit minn dawn il-mistoqsijiet. Qabel, waqt, u wara t-Tifkira rridu nagħmlu li nistgħu biex ngħinu lil dawk li “lesti li jaċċettaw il-verità” biex jibbenefikaw mit-Tifkira.—Atti 13:48.

GĦIN LIL UĦUD LI M’GĦADHOMX JATTENDU L-LAQGĦAT

17. L-anzjani kif jistgħu jgħinu lil dawk li m’għadhomx jattendu l-laqgħat? (Eżekjel 34:​12, 16)

17 Anzjani, fi żmien it-Tifkira kif tistgħu tgħinu lil dawk li m’għadhomx jattendu l-laqgħat? Uruhom li jimpurtakom minnhom. (Aqra Eżekjel 34:​12, 16.) Qabel it-Tifkira, kunu ċerti li titkellmu ma’ kemm jistaʼ jkun minnhom. Għidulhom li jimpurtakom minnhom u li tixtiequ tgħinuhom f’kull m’hemm bżonn. Stidnuhom biex jiġu t-Tifkira. Ilqgħuhom mill-qalb. Wara t-Tifkira, żommu l-kuntatt ma’ dawn l-aħwa, u għinuhom biex ikunu jistgħu jerġgħu lura għand Ġeħova.—1 Pt. 2:25.

18. L-aħwa kollha kif jistgħu jgħinu lil dawk li m’għadhomx jiġu l-laqgħat? (Rumani 12:10)

18 Kollha kemm aħna nistgħu ngħinu lil dawk li m’għadhomx jiġu l-laqgħat u ġew għat-Tifkira. Kif? Billi nuruhom imħabba, qalb tajba, u rispett. (Aqra Rumani 12:10.) Tinsiex li setaʼ kien diffiċli għal dawn l-aħwa biex jerġgħu jiġu s-Sala. Forsi jibżgħu x’se jgħidulhom l-aħwa fil-kongregazzjoni jew x’se jaħsbu dwarhom. e Mela ssaqsihomx mistoqsijiet li jistgħu jġegħelhom jistħu jew tgħidilhom xi ħaġa li tistaʼ tweġġagħhom. (1 Tess. 5:11) Dawn għadhom ħutna. U aħna ferħanin li nistgħu nerġgħu naqdu lil Ġeħova magħhom!—Salm 119:176; Atti 20:35.

19. Għala jkun tajjeb li niftakru fil-mewt taʼ Ġesù?

19 Mhux taʼ b’xejn li Ġesù qalilna biex niftakru fil-mewt tiegħu kull sena! Meta mmorru t-Tifkira se nibbenefikaw b’ħafna modi, kemm aħna u kemm oħrajn. (Is. 48:​17, 18) Se nsiru nħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù iktar, u nuru kemm napprezzaw dak li għamlu għalina. Se nsaħħu l-ħbiberija tagħna ma’ ħutna. U nistgħu ngħinu lil oħrajn jitgħallmu li anki huma jistgħu jmorru tajjeb minħabba l-fidwa. Mela ejja nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inkunu preparati għall-iktar ġurnata importanti fis-sena—it-Tifkira!

KIF NISTGĦU . . .

  • nuru li napprezzaw it-Tifkira?

  • ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw mit-Tifkira?

  • ngħinu lil dawk li m’għadhomx jiġu l-laqgħat?

GĦANJA 18 Grati għall-fidwa

a Biex issib l-artikli u l-vidjows li jissemmew f’dan l-artiklu, mur fuq jw.org u ikteb it-titlu tagħhom fis-search box.

b Ara l-artiklu “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’​It-Torri tal-Għassa t’April 2021.

d Ara l-kaxxa “ Mistoqsijiet Xi Tfittex.”

e Ara l-istampi u l-kaxxa “ L-Aħwa Kif Irreaġixxew?” Ħu li m’għadux jattendi l-laqgħat jibżaʼ jidħol fis-Sala tas-Saltna, imma mbagħad jagħmel kuraġġ. L-aħwa jilqgħuh mill-qalb, u hu jieħu pjaċir magħhom.

f X’JURUNA L-ISTAMPI: Waqt li x-Xhieda taʼ Ġeħova f’pajjiż qed jagħmlu t-Tifkira, l-aħwa f’pajjiżi oħra qed jippreparaw għal din l-okkażjoni speċjali.