Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Hulda Rnexxielha Tagħmel li Xtaqet

Hulda Rnexxielha Tagħmel li Xtaqet

FIL-GŻIRA żgħira taʼ Sangir Besar, fl-Indoneżja, joqogħdu tliet aħwa nisa. Xi snin ilu kienu qed jaħdmu flimkien fuq il-bajja. In-nies tal-gżira jafuhom għax dawn it-tliet aħwa jħobbu jippritkaw u jgħinu lin-nies jifhmu l-Bibbja. Imma issa fuq il-bajja kienu qed jagħmlu xi ħaġa differenti.

Il-gżira taʼ Sangir Besar, fin-naħa taʼ fuq tal-Indoneżja

Bdew ifittxu ġebel kbir fl-ilma u jtellgħuhom fuq il-bajja. Ftit mill-ġebel li sabu kien kbir daqs ballun tal-futbol. Imbagħad l-aħwa poġġew bilqiegħda fuq banketta u kissru l-ġebel f’biċċiet iżgħar mill-bajd tat-tiġieġ. Wara poġġew il-ġebel f’barmil u kellhom jitilgħu xi taraġ biex jaslu fejn joqogħdu. Imbagħad poġġewhom f’basktijiet kbar biex jitgħabbew fit-trakkijiet u jintużaw biex jagħmlu t-toroq.

Hulda qed tiġbor il-ġebel

Oħt minnhom jisimha Hulda. Hi setgħet iddum iktar f’dan ix-xogħol mill-oħrajn. Normalment, hi kienet tuża l-flus li taqlaʼ biex tieħu ħsieb il-familja tagħha. Imma din id-darba xtaqet tuża ftit mill-flus għal xi ħaġa oħra. Hi xtaqet tixtri tablet biex tkun tistaʼ tuża l-JW Library®. Hulda kienet taf li l-vidjows u l-affarijiet li fiha l-JW Library se jgħinuha biex tipprietka u tistudja u tifhem il-Bibbja aħjar.

Għal xahar u nofs, kuljum Hulda ħadmet sagħtejn iktar mill-oħrajn tkisser il-ġebel. Fl-aħħar kellha biżżejjed flus biex tixtri tablet.

Hulda bit-tablet

Hulda qalet: “Ix-xogħol għejjieni ħafna u kont muġugħa, imma meta stajt nuża t-tablet il-ġdid fuq il-ministeru u biex nipprepara għal-laqgħat, malajr insejt l-għeja u l-uġigħ.” Hi qalet ukoll li waqt il-pandemija setgħet tuża t-tablet biex taqbad għal-laqgħat u biex tipprietka mal-kongregazzjoni. Kemm aħna ferħanin li Hulda setgħet tagħmel dak li xtaqet.