SUĠĠETT PRINĊIPALI | META XI ĦADD MAĦBUB IMUT
Il-mejtin se jerġgħu jgħixu!
Forsi tiftakar li Gail, li ssemmiet qabel f’din is-serje t’artikli, tiddubita jekk xi darba hix se tirkupra mill-mewt tar-raġel tagħha, Rob. Madankollu, hi qed tħares ’il quddiem biex terġaʼ tarah fid-dinja l-ġdida mwiegħda t’Alla. “L-iskrittura favorita tiegħi,” tgħid hi, “hi Rivelazzjoni 21:3, 4.” Din tgħid: “Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”
Gail tgħid: “Din il-wegħda tagħtina tama għall-futur. Kemm inħoss mogħdrija għal dawk in-nies li tilfu lil xi ħadd maħbub imma ma jafux dwar din it-tama taʼ li jerġgħu jarawh.” Gail taġixxi fi qbil mat-twemmin tagħha billi tagħmel xogħol volontarju bħala evanġelizzatriċi full-time, u taqsam mal-ġirien tagħha l-wegħda t’Alla taʼ futur meta “ma jkunx hemm iżjed mewt.”
‘Ma titwemminx!’ forsi tgħid. Imma kkunsidra l-eżempju taʼ wieħed raġel jismu Ġob. Hu kien marad serjament. (Ġob 2:7) Għalkemm Ġob xtaq li jmut, xorta kellu l-fidi fil-qawwa t’Alla biex jirxoxtah għall-ħajja fuq l-art. B’fiduċja qal: “O li fil-Qabar kont taħbini . . . Int issejjaħli, u jien inwieġbek. Għal xogħol idejk int tixxennaq.” (Ġob 14:13, 15) Ġob kien fiduċjuż li Alla kien se jħoss in-nuqqas tiegħu u li kien se jixxennaq biex jirxoxtah.
Dalwaqt, Alla se jagħmel proprju dan—għal Ġob u nies oħra bla għadd—meta din l-art tkun mibdula f’ġenna. (Luqa 23:42, 43) Il-Bibbja tikkonferma f’Atti 24:15 li “se jkun hemm irxoxt.” Ġesù jassigurana: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Ġob se jara dik il-wegħda titwettaq. Se jkollu l-prospett li jerġaʼ jikseb l-“enerġija taż-żgħożija” u ġismu jibqaʼ “iktar frisk milli fiż-żgħożija” għal dejjem. (Ġob 33:24, 25) L-istess se jiġri lil dawk kollha li jwieġbu b’apprezzament għall-provvediment taʼ ħniena li jagħti Alla taʼ rxoxt għall-ħajja fuq l-art.
Jekk int ġarrabt it-telfa taʼ xi ħadd għażiż għalik, l-informazzjoni li ddiskutejna forsi ma jneħħulekx in-niket tiegħek għalkollox. Imma billi timmedita fuq il-wegħdi t’Alla misjubin fil-Bibbja, tistaʼ ssib tama vera u s-saħħa biex tibqaʼ għaddej.—1 Tessalonikin 4:13.
Tixtieq titgħallem iżjed dwar kif tkampa man-niket? Jew għandek xi mistoqsijiet relatati, bħal “Alla għala jippermetti l-ħażen u t-tbatija?” Jekk jogħġbok żur il-Websajt tagħna, jw.org/mt, biex tara kif il-Bibbja tagħti tweġibiet prattiċi u taʼ faraġ.