Żgħażagħ, il-Ħallieq tagħkom iridkom tkunu ferħanin
“[Hu] jissodisfalek għomrok b’dak li hu tajjeb.”—SALM 103:5.
1, 2. Għala jkun għaqli li tismaʼ mill-Ħallieq tiegħek meta tkun qed tagħżel x’se tagħmel b’ħajtek? (Ara l-ewwel stampi.)
JEKK int żagħżugħ jew żagħżugħa, probabbilment tingħata ħafna pariri dwar il-futur tiegħek. L-għalliema, il-guidance teachers, jew oħrajn forsi jgħidulek li għandek bżonn edukazzjoni għolja jew karriera li se tgħinek tagħmel ħafna flus. Imma Ġeħova jagħtik parir differenti. Bla dubju, hu jridek tagħmel l-aħjar li tistaʼ fl-iskola, u b’hekk tkun tistaʼ taqlaʼ flus biżżejjed biex tgħix. (Kolossin 3:23) Imma hu jaf ukoll li meta tkun żagħżugħ, int għandek bżonn tieħu deċiżjonijiet importanti li se jeffettwaw il-futur tiegħek. Għalhekk, hu jipprovdi prinċipji biex jiggwidak u jgħinek tgħix b’mod li jogħġob lilu f’dawn l-aħħar jiem.—Mattew 24:14.
2 Tinsiex, Ġeħova jaf kollox. Hu jaf x’se jiġri fil-futur, u jaf eżatt kemm hu qrib it-tmiem taʼ din is-sistema. (Isaija 46:10; Mattew 24:3, 36) Ġeħova jaf ukoll lilek. Hu jaf x’se jagħmlek ferħan u mdejjaq. Il-pariri tan-nies għandhom mnejn jinstemgħu tajbin, imma jekk mhumiex ibbażati fuq il-Kelma t’Alla, mhumiex verament għaqlin.—Proverbji 19:21.
L-GĦERF JIĠI BISS MINGĦAND ĠEĦOVA
3, 4. Adam u Eva u t-tfal tagħhom kif ġew effettwati meta semgħu minn parir ħażin?
3 Il-pariri ħżiena ilhom jeżistu minn żmien żemżem. Satana kien l-ewwel wieħed li ta parir ħażin lin-nies. Hu qal lil Eva li hi u Adam kienu se jkunu iktar ferħanin jekk jiddeċiedu għalihom infushom kif jgħixu. (Ġenesi 3:1-6) Imma Satana kien egoist! Hu ried li Adam u Eva, kif ukoll it-tfal li kien se jkollhom, jobdu u jqimu lilu, u mhux lil Ġeħova. Imma Satana ma kien għamel xejn għalihom. Kien Ġeħova li tahom kulma kellhom. Hu tahom lil xulxin, il-ġnien sabiħ fejn jgħixu, u ġisem perfett li setaʼ jibqaʼ għal dejjem.
4 B’dispjaċir, Adam u Eva m’obdewx lil Alla. Billi għamlu dan, qatgħu lilhom infushom mill-Wieħed li kien tahom il-ħajja. Ir-riżultat kien diżastruż. Bħal fjuri li jinqatgħu minn maʼ pjanta, Adam u Eva bil-mod xjaħu u mietu. Anki t-tfal tagħhom batew, u dan jinkludi lilna lkoll. (Rumani 5:12) Il-biċċa l-kbira tan-nies illum jinjoraw dak li jgħid Alla u jagħmlu biss dak li jridu. (Efesin 2:1-3) B’liema riżultat? Il-Bibbja tgħid li “m’hemm ebda għerf” meta n-nies jopponu lil Ġeħova.—Proverbji 21:30.
5. Ġeħova dwar xiex kien ċert, u kellu raġun?
5 Ġeħova kien ċert li kien se jkun hawn nies, inkluż ħafna żgħażagħ, li kienu se jkunu jridu jafuh u jaqduh. (Salm 103:17, 18; 110:3) Dawn iż-żgħażagħ huma prezzjużi ħafna għal Ġeħova! Int wieħed minnhom? Mela żgur li qed tgawdi ħafna affarijiet tajbin mingħand Alla, u dan iżidlek il-ferħ f’ħajtek. (Aqra Salm 103:5; Proverbji 10:22) Issa se niddiskutu erbgħa minn dawn l-affarijiet. Dawn huma l-ikel spiritwali, l-aħjar tip taʼ ħbieb, miri taʼ ġid, u libertà vera.
ĠEĦOVA JAGĦTIK L-IKEL SPIRITWALI
6. Għala għandu jimpurtak dwar il-bżonn spiritwali tiegħek, u Ġeħova xi pprovda biex jgħinek?
6 L-annimali m’għandhomx il-bżonn spiritwali, jiġifieri, huma ma jħossux il-bżonn li jkunu jafu l-Ħallieq tagħhom. Imma aħna differenti. (Mattew 4:4) Meta nisimgħu minn Alla, aħna niksbu l-fehma, l-għerf, u l-ferħ. Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Alla jagħtina l-Bibbja u juża “l-ilsir leali u għaqli” biex jagħtina l-pubblikazzjonijiet li jgħinuna nsaħħu l-fidi tagħna. (Mattew 24:45) Aħna nsejħu dawn il-pubblikazzjonijiet ikel spiritwali għax jagħtu n-nutrimenti lill-fidi tagħna u jsaħħu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Aħna ngawdu varjetà kbira taʼ ikel spiritwali!—Isaija 65:13, 14.
7. L-ikel spiritwali mingħand Alla kif jgħinek?
7 L-ikel spiritwali jistaʼ jagħtik l-għerf u l-abbiltà biex taħseb b’mod ċar, u dawn jistgħu jipproteġuk b’ħafna modi. (Aqra Proverbji 2:10-14.) Pereżempju, dawn il-kwalitajiet se jgħinuk tagħraf il-gideb, bħall-gidba li m’hemmx Ħallieq jew il-gidba li l-flus u l-affarijiet materjali se jagħmluk ferħan. Dawn il-kwalitajiet se jgħinuk ukoll tevita xewqat jew drawwiet li jagħmlulek il-ħsara. Għalhekk, agħmel dak kollu li tistaʼ biex issir għaref u taħseb b’mod ċar. Imbagħad se tara għalik innifsek li Ġeħova jħobbok u jrid l-aħjar għalik.—Salm 34:8; Isaija 48:17, 18.
8. Għala għandek tersaq qrib Alla issa, u dan kif se jgħinek fil-futur?
8 Dalwaqt, kull ħaġa fid-dinja taʼ Satana se tiġi meqruda. Ġeħova biss se jkun jistaʼ jipproteġina u jipprovdilna l-affarijiet li għandna bżonn, u dan jistaʼ jinkludi l-ikla li jkun imiss. (Ħabakkuk 3:2, 12-19) Allura issa huwa ż-żmien li tersaq qrib Ġeħova u ssaħħaħ il-fiduċja tiegħek fih. (2 Pietru 2:9) Jekk tagħmel dan, imbagħad jiġri x’jiġri madwarek, int se tħossok bħalma ħassu David, li qal: “Qegħedt lil Ġeħova quddiemi l-ħin kollu. Bih fuq leminti, m’iniex se nitħarrek.”—Salm 16:8.
ĠEĦOVA JAGĦTIK L-AĦJAR TIP TAʼ ĦBIEB
9. (a) Bħalma naqraw f’Ġwanni 6:44, x’jagħmel Ġeħova? (b) X’hemm speċjali meta tiltaqaʼ maʼ Xhieda oħra?
9 Meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li mhux fil-verità, kemm tkun taf dwaru verament? Forsi tkun taf x’jismu u kif jidher, imma probabbilment xejn iktar. Iżda dan ikun differenti meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li hu fil-verità. Int taf li hu jħobb lil Ġeħova. Taf li Ġeħova ra xi ħaġa tajba fih u ġibdu lejh biex ikun parti mill-familja li tqimu. (Aqra Ġwanni 6:44.) Ikun minn fejn ikun jew trabba kif trabba, int tkun diġà taf ħafna dwaru, u hu jkun jaf ħafna dwarek!
10, 11. X’għandhom komuni n-nies taʼ Ġeħova, u dan kif jeffettwak?
10 Hekk kif tiltaqaʼ maʼ Xhud ieħor, int taf li diġà għandkom l-iktar affarijiet Sofonija 3:9) Dan ifisser li t-tnejn temmnu f’Alla, tgħixu bl-istess livelli morali, u għandkom l-istess tama għall-futur. Dawn l-affarijiet jgħinukom tafdaw lil xulxin u tibnu ħbiberija b’saħħitha li se tibqaʼ għal dejjem.
importanti komuni bejnietkom. Int taf li anki jekk titkellmu lingwa differenti, intom titkellmu l-istess “lingwa pura” tal-verità. (11 Għalhekk, meta tqim lil Ġeħova, int tistaʼ tgħid li għandek l-aqwa tip taʼ ħbieb. Int għandek ħbieb madwar id-dinja kollha, anki jekk għadek ma ltqajtx magħhom! Tistaʼ taħseb f’xi ħadd li mhux Xhud taʼ Ġeħova u li jgawdi dan l-istess rigal prezzjuż?
ĠEĦOVA JGĦINEK TAGĦMEL MIRI TAʼ ĠID
12. Liema miri taʼ ġid tistaʼ tagħmel?
12 Aqra Ekkleżjasti 11:9, 10; 12:1. Għandek xi miri li qed tipprova tilħaq? Forsi għamilt mira li taqra l-Bibbja kuljum jew li tagħti kummenti jew taħditiet aħjar fil-laqgħat. Jew forsi qed tipprova tuża l-Bibbja b’mod iktar effettiv fil-ministeru. Kif tħossok meta tinnota li qed tagħmel progress jew oħrajn jinnotaw dan u jgħidulek? Int probabbilment tħossok ferħan, u hekk għandek tħossok! Għala? Għax int qed tagħmel dak li Ġeħova jridek tagħmel, bħalma għamel Ġesù.—Salm 40:8; Proverbji 27:11.
13. Li naqdu lil Alla għala huwa aħjar milli niffokaw fuq miri f’din id-dinja?
13 Meta tiffoka fuq is-servizz tiegħek lil Ġeħova, int tkun qed tagħmel xogħol li se jagħmlek ferħan u jagħtik skop f’ħajtek. Pawlu kiteb: “Ibqgħu sodi, titħarrkux, waqt li dejjem ikollkom ħafna x’tagħmlu fix-xogħol tal-Mulej, għax tafu li t-taħbit tagħkom fil-Mulej m’huwiex għalxejn.” (1 Korintin 15:58) Imma meta n-nies jiffokaw fuq miri f’din id-dinja, bħal li jagħmlu l-flus jew li jsiru famużi, huma ma jkunux verament ferħanin. Anki jekk ikollhom suċċess, ħafna drabi jħossu nuqqas taʼ ferħ u sodisfazzjon. (Luqa 9:25) Nitgħallmu dan mill-eżempju tas-Sultan Salamun.—Rumani 15:4.
14. X’tistaʼ titgħallem mill-esperiment taʼ Salamun?
14 Salamun, wieħed mill-iktar irġiel sinjuri u taʼ qawwa li qatt għex, għamel esperiment. Hu qal lilu nnifsu: “Ħa nipprova nieħu gost, u ngawdi wkoll affarijiet tajbin.” (Ekkleżjasti 2:1-10) Għalhekk, Salamun bena djar lussużi, iddisinja ġonna mill-isbaħ, u għamel dak kollu li xtaq. Kif ħassu wara? Ħassu sodisfatt u ferħan? Meta ħares lura lejn dak kollu li kien għamel, Salamun qal: “Ara, kollox kien frugħa.” Hu żied: “Ma kien hemm xejn taʼ vantaġġ.” (Ekkleżjasti 2:11) Se titgħallem int mill-esperiment taʼ Salamun?
L-ubbidjenza lejn Ġeħova hi taʼ benefiċċju għalina u tagħmilna verament liberi
15. Għala għandek bżonn il-fidi, u skont Salm 32:8 din kif se tgħinek?
15 Fil-ħajja, xi nies jitgħallmu biss wara li jagħmlu l-iżbalji u jbatu l-konsegwenzi. Ġeħova ma jridx li dan jiġri lilek. Hu jrid li int tismaʼ minnu u tobdih. Dan jinvolvi l-fidi, imma qatt mhu se jiddispjaċik għall-għażliet li tagħmel f’ħajtek minħabba l-fidi tiegħek. Ebrej 6:10) Għalhekk, aħdem iebes biex tibni fidi b’saħħitha. Imbagħad int se tagħmel għażliet tajbin f’ħajtek u se tara għalik innifsek li Missierek tas-sema jrid l-aħjar għalik.—Aqra Salm 32:8.
U Ġeħova qatt mhu se jinsa ‘l-imħabba li wrejt għal ismu.’ (ALLA JAGĦTIK IL-LIBERTÀ VERA
16. Għala għandna napprezzaw il-libertà u nużawha bil-għaqal?
16 Pawlu kiteb: “Fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-libertà.” (2 Korintin 3:17) Ġeħova jħobbha l-libertà, u hu ħalqek b’tali mod li int tkun tħobb il-libertà wkoll. Imma hu jridek tuża l-libertà tiegħek b’mod għaqli biex din tipproteġik. Forsi xi wħud tamparek jaraw il-pornografija, jieħdu sehem fl-immoralità sesswali, jirriskjaw ħajjithom f’xi sport estrem, jew jabbużaw mid-droga jew l-alkoħol. Għall-bidu, dawn l-affarijiet għandhom mnejn jidhru eċċitanti jew taʼ pjaċir, imma ħafna drabi jwasslu għal konsegwenzi koroh, bħal mard, vizzji, jew anki mewt. (Galatin 6:7, 8) Żgħażagħ li jieħdu sehem f’dawn l-affarijiet forsi jaħsbu li huma liberi, imma mhumiex.—Titu 3:3.
17, 18. (a) L-ubbidjenza lejn Alla kif tagħmilna verament liberi? (b) B’liema mod kienu Adam u Eva iktar liberi min-nies illum?
17 Mill-banda l-oħra, l-ubbidjenza lejn Ġeħova hi taʼ benefiċċju għalina. Din tajba għal saħħitna u tagħmilna verament liberi. (Salm 19:7-11) U meta tuża l-libertà tiegħek bil-għaqal, jiġifieri, meta tagħżel li tobdi l-liġijiet u l-prinċipji perfetti t’Alla, int turi kemm lil Alla u kemm lill-ġenituri tiegħek li int persuna responsabbli. Il-ġenituri tiegħek probabbilment se jafdawk iktar u jagħtuk iktar libertà. U Ġeħova jwiegħed li dalwaqt se jagħti lill-qaddejja leali kollha tiegħu libertà perfetta, li l-Bibbja ssejħilha “l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.
18 Din hija t-tip taʼ libertà li gawdew Adam u Eva. Fil-ġnien tal-Għeden, kien hemm biss ħaġa waħda li Alla qalilhom li ma jistgħux jagħmlu. Ma kellhomx jieklu mill-frott taʼ siġra partikolari. (Ġenesi 2:9, 17) Taħseb li Alla kien inġust jew strett iżżejjed meta tahom din il-liġi? Dażgur li le! Aħseb f’kemm liġijiet għamlu n-nies u sforzaw lil oħrajn biex jobdu. Imma Ġeħova lil Adam u Eva liġi waħda biss tahom.
19. X’qed jgħallmuna Ġeħova u Ġesù li se jgħinna nsiru liberi?
19 Ġeħova hu għaref ħafna fil-mod kif jittrattana. Minflok ma jagħtina ħafna liġijiet, hu bil-paċenzja jgħallimna nobdu l-liġi tal-imħabba. Hu jgħallimna ngħixu fi qbil mal-prinċipji tiegħu u nobogħdu dak li hu ħażin. (Rumani 12:9) Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ibnu, Ġesù, għenna nifhmu għala n-nies jagħmlu affarijiet ħżiena. (Mattew 5:27, 28) U fid-dinja l-ġdida, bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù se jibqaʼ jgħallimna nqisu t-tajjeb u l-ħażin bil-mod kif iqishom hu. (Ebrej 1:9) Ġesù se jagħtina wkoll ġisem u moħħ perfett. Immaġina kif se nħossuna meta lanqas biss se jkollna xewqa li nagħmlu affarijiet ħżiena u m’aħniex se nbatu minħabba li aħna imperfetti. Imbagħad, fl-aħħar se ngawdu “l-libertà glorjuża” li Ġeħova jwegħedna.
20. (a) Ġeħova kif juża l-libertà tiegħu? (b) Int kif tistaʼ timitah?
20 Fid-dinja l-ġdida, il-libertà tagħna xorta se jkollha l-limiti. B’liema mod? Aħna dejjem se jkollna bżonn niġu mmotivati mill-imħabba tagħna għal Alla u oħrajn. Meta nħallu l-imħabba tiggwidana, aħna nkunu qed nimitaw lil Ġeħova. Għalkemm Ġeħova għandu l-libertà assoluta, hu jagħżel li jħalli l-imħabba tiggwidah f’kull ħaġa li jagħmel, inkluż il-mod kif jittrattana. (1 Ġwanni 4:7, 8) Allura, jagħmel sens li aħna nistgħu nkunu tassew liberi meta nimitaw lil Alla biss.
21. (a) Kif ħassu David dwar Ġeħova? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
21 Tapprezza int l-affarijiet tajbin kollha li tak Ġeħova? Hu tak l-ikel spiritwali, l-aħjar tip taʼ ħbieb, miri taʼ ġid, it-tama taʼ libertà perfetta fil-futur, u ħafna rigali sbieħ oħra. (Salm 103:5) Aktarx tħossok bħal David meta f’Salm 16:11 talab: “Int tgħarrafni t-triq tal-ħajja. B’wiċċek timlieni bil-ferħ; fuq lemintek nitgħaxxaq għal dejjem.” Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu veritajiet prezzjużi oħra minn Salm 16. Dawn se jgħinuk tara kif int jistaʼ jkollok l-aqwa ħajja possibbli!