Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 47

Lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mil-ktieb tal-Levitiku

Lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mil-ktieb tal-Levitiku

“L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa.”—2 TIM. 3:16.

GĦANJA 98 L-​Iskrittura—Imnebbħa minn Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Il-​Kristjani llum għala għandhom ikunu interessati fil-​ktieb tal-​Levitiku?

L-​APPOSTLU Pawlu fakkar lill-​ħabib tiegħu Timotju li “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa.” (2 Tim. 3:16) Dan jinkludi l-​ktieb tal-​Levitiku. Int x’taħseb dwar dan il-​ktieb tal-​Bibbja? Xi wħud forsi jħarsu lejh bħala ktieb li fih lista taʼ regoli li ma japplikawx għal-​lum. Imma l-​Kristjani veri jħarsu lejh b’mod ieħor.

2 Għalkemm il-​ktieb tal-​Levitiku nkiteb madwar 3,500 sena ilu, hu parti mill-​kitba mnebbħa minn Ġeħova “għall-​istruzzjoni tagħna.” (Rum. 15:4) Levitiku jgħinna nifhmu kif Ġeħova jaħseb u jħossu dwar ċerti affarijiet. Għalhekk, aħna għandna nkunu ħerqanin biex nistudjawh. Fil-​fatt, hemm ħafna lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minn dan il-​ktieb ispirat. Ejja nikkunsidraw erbgħa minnhom.

KIF NIKSBU L-​APPROVAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

3. Għala kienu jiġu offruti sagrifiċċji kull sena f’Jum it-​Tpattija?

3 L-​ewwel lezzjoni: Hemm bżonn li jkollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova biex is-​sagrifiċċji tagħna jiġu aċċettati. Kull sena f’Jum it-​Tpattija, in-​nazzjon taʼ Iżrael kien jinġabar flimkien u l-​qassis il-​kbir kien joffri sagrifiċċji tal-​annimali. Dawk is-​sagrifiċċji għenu lill-​Iżraelin biex jiftakru li kellhom bżonn jitnaddfu mid-​dnub. Imma qabel ma l-​qassis il-​kbir kien jieħu d-​demm tas-​sagrifiċċju fl-​Iktar Qaddis f’dik il-​ġurnata, l-​ewwel kellu jagħmel xi ħaġ’oħra. Din kienet saħansitra iktar importanti mill-​maħfra tad-​dnubiet tan-​nazzjon.

(Ara paragrafu 4) *

4. Bħalma jissemma f’​Levitiku 16:12, 13, x’kien jagħmel il-​qassis il-​kbir meta kien jidħol l-​ewwel darba fl-​Iktar Qaddis f’Jum it-​Tpattija? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

4 Aqra Levitiku 16:12, 13. Ġib ix-​xena taʼ Jum it-​Tpattija quddiem għajnejk: Il-​qassis il-​kbir kien jidħol fit-​tabernaklu. F’dik il-​ġurnata, din kienet l-​ewwel darba minn tliet darbiet li kellu jidħol fl-​Iktar Qaddis. Hu kien iżomm reċipjent mimli b’inċens ifuħ u reċipjent tad-​deheb mimli ġamar tan-​nar. Hu kien jieqaf ftit quddiem il-​purtiera li kienet tgħatti d-​daħla tal-​Iktar Qaddis. B’rispett kbir, kien jidħol fl-​Iktar Qaddis u jieqaf quddiem l-​arka tal-​patt. B’mod simboliku, kien ikun wieqaf quddiem Alla Ġeħova nnifsu! Issa l-​qassis bil-​galbu kien iferraʼ l-​inċens qaddis fuq il-​ġamar tan-​nar, u l-​kamra kienet timtela b’riħa tfuħ. * Iktar tard kien jerġaʼ jidħol fl-​Iktar Qaddis bid-​demm tal-​offerti tad-​dnub. Innota li kien jaħraq l-​inċens qabel ma kien jippreżenta d-​demm tal-​offerti tad-​dnub.

5. X’nistgħu nitgħallmu minn kif kien jintuża l-​inċens f’Jum it-​Tpattija?

5 X’nistgħu nitgħallmu minn kif kien jintuża l-​inċens f’Jum it-​Tpattija? Il-​Bibbja turi li t-​talb aċċettat tal-​aduraturi leali taʼ Ġeħova hu bħal inċens. (Salm 141:2; Riv. 5:8) Ftakar li l-​qassis il-​kbir kien jieħu l-​inċens quddiem Ġeħova b’rispett kbir. B’mod simili, meta aħna nitolbu lil Ġeħova, nagħmlu dan b’rispett kbir. Aħna veru napprezzaw li l-​Ħallieq tal-​univers jippermettilna li mmorru quddiemu bit-​talb u nersqu qrib tiegħu, bħal tifel maʼ missieru. (Ġak. 4:8) Hu jaċċettana bħala l-​ħbieb tiegħu! (Salm 25:14) Aħna tant napprezzaw dan il-​privileġġ li qatt ma rridu niddiżappuntawh.

6. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġesù mill-​fatt li l-​qassis il-​kbir kien jaħraq l-​inċens qabel ma offra s-​sagrifiċċji?

6 Ftakar li l-​qassis il-​kbir kellu jaħraq l-​inċens qabel ma setaʼ joffri s-​sagrifiċċji. B’dan il-​mod, hu kien jagħmel ċert li kellu l-​approvazzjoni t’Alla meta kien joffri s-​sagrifiċċji. X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù kellu jagħmel xi ħaġa importanti qabel ma setaʼ joffri ħajtu bħala sagrifiċċju. Din kienet iktar importanti milli jipprovdi salvazzjoni għan-​nies. X’kellu jagħmel? Hu kellu jobdi lil Ġeħova lealment matul ħajtu kollha fuq l-​art biex Ġeħova jaċċetta s-​sagrifiċċju tiegħu. B’dan il-​mod, Ġesù ta prova illi li tagħmel l-​affarijiet bil-​mod taʼ Ġeħova hu l-​aqwa mod kif tgħix. Ġesù ta prova wkoll li Missieru għandu d-​dritt li jmexxi u li l-​mod kif imexxi hu ġust.

7. Ġesù għala għoġob lil Ġeħova bil-​mod kif għex ħajtu kollha fuq l-​art?

7 Matul ħajtu kollha fuq l-​art, Ġesù obda b’mod perfett il-​livelli tajbin taʼ Ġeħova. L-​ebda tentazzjoni jew prova ma setgħet tnaqqas ix-​xewqa li jiddefendi l-​mod kif kien imexxi Missieru. Lanqas il-​fatt li kien jaf li kien se jiffaċċja mewta taʼ wġigħ. (Flp. 2:8) Meta ffaċċja provi, Ġesù talab “b’għajat qawwi u dmugħ.” (Ebr. 5:7) It-​talb sinċier tiegħu wera li kien leali lejn Ġeħova u dan għenu jkun iktar determinat li jobdih. Għal Ġeħova, it-​talb taʼ Ġesù kien bħall-​inċens ifuħ. Ġesù għoġob ħafna lil Ġeħova bil-​mod kif għex, u ħajtu kollha tat prova li Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi.

8. Kif nistgħu nimitaw il-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art?

8 Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nagħmlu l-​almu tagħna biex nobdu lil Ġeħova u nkunu leali lejh. Ukoll, bħal Ġesù, meta niffaċċjaw provi nistgħu nitolbu lil Ġeħova b’mod sinċier biex jgħinna ħalli b’hekk inkunu nistgħu nogħġbuh. Billi nagħmlu affarijiet bħal dawn, inkunu qed nuru li nappoġġjaw il-​mod kif Alla jmexxi. Aħna nirrealizzaw li Ġeħova mhux se jaċċetta t-​talb tagħna jekk nagħmlu affarijiet li hu jikkundanna. Madankollu, jekk ngħixu skont il-​livelli tiegħu, nistgħu nkunu fiduċjużi li t-​talb mill-​qalb tagħna se jkun bħal inċens ifuħ għal Ġeħova. U nistgħu nkunu ċerti li l-​integrità u l-​lealtà b’ubbidjenza tagħna jogħġbu lil Missierna tas-​sema.—Prov. 27:11.

AĦNA NAQDU LIL ĠEĦOVA GĦAX GRATI LEJH U NĦOBBUH

(Ara paragrafu 9) *

9. Għala kienu jiġu offruti s-​sagrifiċċji taʼ sħubija?

9 It-​tieni lezzjoni: Aħna naqdu lil Ġeħova għax aħna grati lejh. Se nitgħallmu din il-​lezzjoni waqt li neżaminaw is-​sagrifiċċji taʼ sħubija li għamlu l-​Iżraelin. * Fil-​ktieb tal-​Levitiku, nitgħallmu li Iżraeli setaʼ joffri sagrifiċċji taʼ sħubija “biex jesprimi radd il-​ħajr.” (Lev. 7:11-​13, 16-​18) Hu m’għamilx din l-​offerta għax kellu jagħmel dan imma għax ried hu. Mela din kienet offerta volontarja li persuna kienet tagħmel għax tħobb lil Alla Ġeħova. Il-​wieħed li kien jagħmel l-​offerta, il-​familja tiegħu, u l-​qassisin kienu jieklu l-​laħam tal-​annimal sagrifikat. Imma xi partijiet tal-​annimal kienu jingħataw biss lil Ġeħova. Liema partijiet?

(Ara paragrafu 10) *

10. Is-​sagrifiċċji taʼ sħubija li jiddeskrivi Levitiku 3:6, 12, 14-​16, kif inhuma simili għal kif Ġesù qeda lil Ġeħova?

10 It-​tielet lezzjoni: Aħna nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova għax inħobbuh. Ġeħova qies ix-​xaħam bħala l-​aqwa parti tal-​annimal. Hu qal ukoll li l-​organi vitali, inkluż il-​kliewi, kellhom valur speċjali. (Aqra Levitiku 3:6, 12, 14-​16.) Ġeħova kien ikun ferħan ħafna meta Iżraeli b’mod volontarju kien joffrilu dawk il-​partijiet tal-​annimal u x-​xaħam. Iżraeli li għamel offerta bħal din wera xewqa kbira biex jagħti l-​aħjar lil Alla. B’mod simili, Ġesù minn jeddu ta lil Ġeħova l-​aħjar tiegħu billi għamel dak kollu li setaʼ biex jaqdi lil Ġeħova għax kien iħobbu. (Ġw. 14:31) Ġesù kellu mħabba profonda għal-​liġi t’Alla u kienet l-​għaxqa tiegħu li jagħmel ir-​rieda t’Alla. (Salm 40:8) Min jaf kemm Ġeħova tgħaxxaq jara lil Ġesù jaqdih daqshekk mill-​qalb!

L-imħabba għal Ġeħova timmotivana nagħtuh l-aqwa tagħna (Ara paragrafi 11-12) *

11. Is-​servizz tagħna lil Ġeħova kif inhu bħas-​sagrifiċċji taʼ sħubija, u dan il-​fatt kif jistaʼ jfarraġna?

11 Is-​servizz tagħna lil Ġeħova hu bħal dawk is-​sagrifiċċji taʼ sħubija għax b’dan il-​mod inkunu qed nuruh kif inħossuna dwaru. Aħna nagħtu l-​aqwa tagħna lil Ġeħova, u nagħmlu dan għax inħobbuh b’qalbna kollha. Min jaf kemm Ġeħova jkun ferħan meta jara miljuni t’aduraturi li minn jeddhom jaqduh għax iħobbu ħafna lilu u l-​livelli tiegħu. Aħna nistgħu nsibu faraġ f’li niftakru li Ġeħova ma jarax u jqis taʼ valur biss dak li nagħmlu imma anke b’liema mottiv nagħmluh. Pereżempju, jekk għandek iż-​żmien u m’għadekx tistaʼ tagħmel daqskemm tixtieq, kun ċert li Ġeħova jifhem il-​limitazzjonijiet tiegħek. Forsi tħoss li ma tistax tagħmel ħafna għal Ġeħova, imma hu jara l-​imħabba profonda li għandek u li timmotivak tagħmel dak li tistaʼ. Hu mill-​qalb jaċċetta l-​aħjar li tistaʼ tagħtih.

12. Ġeħova kif kien iħossu dwar is-​sagrifiċċji taʼ sħubija, u dan kif jinkuraġġina?

12 X’nistgħu nitgħallmu mis-​sagrifiċċji taʼ sħubija? Hekk kif in-​nar kien jaħraq l-​aqwa partijiet tal-​annimal, kien jitlaʼ d-​duħħan ’il fuq u dan kien jogħġob lil Ġeħova. Mela int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jieħu pjaċir bik ukoll meta minn jeddek tagħmel l-​aħjar tiegħek biex taqdih. (Kol. 3:23) Aħseb kemm Ġeħova hu ferħan bik. Ġeħova jgħożż dak kollu li tagħmel għalih u se jiftakru għal dejjem, sew jekk tistaʼ tagħmel ħafna u sew jekk ftit.—Mt. 6:20; Ebr. 6:10.

ĠEĦOVA JBIEREK LILL-​ORGANIZZAZZJONI TIEGĦU

13. Skont Levitiku 9:23, 24, Ġeħova kif wera li approva l-​arranġament tal-​qassisin?

13 Ir-​rabaʼ lezzjoni: Ġeħova qed ibierek il-​parti tal-​art tal-​organizzazzjoni tiegħu. Ikkunsidra x’ġara fl-​1512 QK meta t-​tabernaklu twaqqaf fil-​parti t’isfel tal-​Muntanja Sinaj. (Eżo. 40:17) Mosè mexxa ċerimonja biex jaħtar lil Aron u lil uliedu subien bħala qassisin. Il-​poplu taʼ Iżrael inġabar biex jara lill-​qassisin joffru l-​ewwel sagrifiċċji tagħhom tal-​annimali. (Lev. 9:1-​5) Ġeħova kif wera li approva l-​qassisin il-​ġodda? Waqt li Aron u Mosè bierku lin-​nies, Ġeħova bagħat nar mis-​sema biex jaħraq kompletament is-​sagrifiċċju fuq l-​artal.—Aqra Levitiku 9:23, 24.

14. Għala hu importanti għalina llum li Ġeħova approva s-​saċerdozju mil-​linja taʼ Aron?

14 In-​nar mis-​sema x’wera? Dan wera li Ġeħova appoġġja bis-​sħiħ is-​saċerdozju mil-​linja taʼ Aron. Meta l-​Iżraelin raw din l-​evidenza ċara li Ġeħova kien qed jappoġġja lill-​qassisin, fehmu li anke huma kellhom jappoġġjawhom. Hu dan importanti għalina llum? Iva! Is-​saċerdozju f’Iżrael kien jirrappreżenta saċerdozju ħafna ikbar u li kien iktar importanti. Kristu, l-​ikbar Qassis il-​Kbir, għandu saċerdozju rjali taʼ 144,000, li se jaqdu miegħu fis-​sema.—Ebr. 4:14; 8:3-5; 10:1.

Ġeħova qed ibierek u jiggwida lill-​organizzazzjoni tiegħu. Aħna nappoġġjawha b’qalbna kollha (Ara paragrafi 15-17) *

15-16. Ġeħova kif juri li japprova lill-​“ilsir leali u għaqli”?

15 Fl-​1919, Ġeħova ħatar grupp żgħir t’aħwa rġiel midlukin bħala “l-​ilsir leali u għaqli.” Dan l-​ilsir jieħu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar u lis-​segwaċi taʼ Kristu jagħtihom “l-​ikel fiż-​żmien xieraq.” (Mt. 24:45) Qegħdin aħna naraw b’mod ċar l-​evidenza li Alla japprova lill-​ilsir leali u għaqli?

16 Satana u d-​dinja tiegħu jagħmlu minn kollox biex iwaqqfu x-​xogħol tal-​ilsir leali. Kieku l-​ilsir ma kellux l-​għajnuna taʼ Ġeħova kien ikun impossibbli li jagħmel dan ix-​xogħol. Minkejja żewġ gwerer dinjin, persekuzzjoni kontinwa, kriżi ekonomika globali, u trattament inġust, l-​ilsir leali u għaqli kompla jipprovdi ikel spiritwali għas-​segwaċi taʼ Kristu fuq l-​art. Aħseb dwar l-​abbundanza taʼ ikel spiritwali b’xejn li għandna disponibbli llum f’iktar minn 900 lingwa! Din hi prova ċara li Alla qed jappoġġja l-​ilsir. Ix-​xogħol tal-​ippritkar hu prova oħra li hemm il-​barka taʼ Ġeħova. L-​aħbar tajba verament qed tiġi ppritkata “fl-​art abitata kollha.” (Mt. 24:14) Bla dubju, Ġeħova qed jiggwida u jbierek b’mod ġeneruż lill-​organizzazzjoni tiegħu.

17. Kif nistgħu nuru li nappoġġjaw l-​organizzazzjoni li Ġeħova qed juża?

17 Ikun tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien grat li niġi assoċjat mal-​parti tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art?’ Ġeħova tana evidenza li hi ċara daqs il-​kristall daqskemm kien in-​nar litterali mis-​sema fiż-​żmien taʼ Mosè u Aron. Aħna veru għandna għal xiex inkunu grati. (1 Tess. 5:18, 19) Kif nistgħu nuru li nappoġġjaw l-​organizzazzjoni li Ġeħova qed juża? Billi nsegwu d-​direzzjoni bbażata minn fuq il-​Bibbja li ningħataw fil-​pubblikazzjonijiet tagħna, fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet. Barra minn hekk, nistgħu nuru l-​appoġġ tagħna billi jkollna kemm jistaʼ jkun sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim.—1 Kor. 15:58.

18. Int x’int determinat li tagħmel?

18 Ejja nkunu determinati li napplikaw il-​lezzjonijiet li tgħallimna mill-​ktieb tal-​Levitiku. Jalla jkollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova ħalli s-​sagrifiċċji tagħna jiġu aċċettati. Jalla naqdu lil Ġeħova għax aħna grati lejh. Jalla nkomplu nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova għax inħobbuh b’qalbna kollha. U jalla nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nappoġġaw l-​organizzazzjoni li hu qed ibierek illum. B’dawn il-​modi kollha, aħna nistgħu nuru lil Ġeħova li ngħożżu l-​privileġġ li għandna li naqduh bħala x-​Xhieda tiegħu!

GĦANJA 96 Il-​ktieb t’Alla stess—Teżor

^ par. 5 Il-​ktieb tal-​Levitiku fih liġijiet li Ġeħova ta lill-​Iżraelin tal-​qedem. Bħala Kristjani, aħna m’aħniex taħt dawk il-​liġijiet imma xorta jistgħu jgħinuna. F’dan l-​artiklu se niddiskutu lezzjonijiet importanti li nistgħu nitgħallmu mill-​ktieb tal-​Levitiku.

^ par. 4 L-​inċens li kien jiġi maħruq fit-​tabernaklu kien jiġi meqjus bħala sagru, u f’Iżrael tal-​qedem kien jintuża biss għall-​qima taʼ Ġeħova. (Eżo. 30:34-38) M’hemmx evidenza li turi li l-​Kristjani tal-​ewwel seklu kienu jaħarqu l-​inċens għal skopijiet reliġjużi.

^ par. 54 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: F’Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir Iżraeli kien jidħol fl-​Iktar Qaddis bl-​inċens u l-​faħam biex jimla l-​kamra b’riħa tfuħ. Iktar tard, kien jerġaʼ jidħol fl-​Iktar Qaddis bid-​demm tal-​offerti tad-​dnub.

^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Raġel Iżraeli jagħti nagħġa lil qassis bħala sagrifiċċju taʼ sħubija biex juri l-​gratitudni tal-​familja lil Ġeħova.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù wera l-​imħabba profonda tiegħu għal Ġeħova billi obda l-​kmandamenti t’Alla u billi għen lis-​segwaċi tiegħu biex jobduhom ukoll.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Minkejja l-​limitazzjonijiet fiżiċi tagħha, oħt imdaħħla fiż-​żmien tagħti l-​aħjar tagħha lil Ġeħova billi tagħti xhieda permezz tal-​ittri.

^ par. 62 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Fi Frar tal-​2019, Ħuna Gerrit Lösch tal-​Ġemgħa li Tiggverna jippreżenta t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida riveduta bil-​Ġermaniż lil udjenza grata u entużjastika. Illum, pubblikaturi fil-​Ġermanja, bħal dawn iż-​żewġ aħwa nisa, huma grati li jużaw il-​Bibbja l-​ġdida fil-​ministeru.