Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 46

Qed tieħu ħsieb “it-tarka kbira tal-fidi” tiegħek?

Qed tieħu ħsieb “it-tarka kbira tal-fidi” tiegħek?

“Aqbdu f’idejkom it-​tarka kbira tal-​fidi.”—EFES. 6:16.

GĦANJA 119 Irid ikollna l-​fidi

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Skont Efesin 6:16, għala għandna bżonn “tarka kbira tal-​fidi”? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

GĦANDEK int “tarka kbira tal-​fidi”? (Aqra Efesin 6:16.) Dażgur li għandek. Bħalma tarka kbira tipproteġi l-​biċċa l-​kbira tal-​ġisem, il-​fidi tiegħek tipproteġik minn affarijiet ħżiena f’din id-​dinja, bħall-​immoralità, il-​vjolenza, u kull ħaġa oħra li mhijiex fi qbil mal-​livelli t’Alla.

2 Però, aħna qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” u għalhekk il-​fidi tagħna se tibqaʼ tiġi ttestjata. (2 Tim. 3:1) Kif tistaʼ teżamina t-​tarka tal-​fidi tiegħek biex tkun ċert li hi b’saħħitha? U x’tistaʼ tagħmel biex iżżomm qabda soda mat-​tarka tal-​fidi tiegħek? Ejja niddiskutu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet.

EŻAMINA SEW IT-​TARKA TIEGĦEK

Wara battalja, is-​suldati kienu jagħmlu ċert li t-​tarka tagħhom tkun f’kundizzjoni tajba (Ara paragrafu 3)

3. X’kienu jagħmlu s-​suldati lit-​tarki tagħhom, u għala?

3 Fi żminijiet Bibliċi, is-​suldati spiss kellhom it-​tarki tagħhom miksijin bil-​ġilda. Huma kienu jieħdu ħsieb il-​ġilda tat-​tarka tagħhom billi jidilkuha biż-​żejt. Kif ukoll kienu jiċċekkjaw li l-​biċċiet tal-​ħadid ma jkollhomx sadid. Jekk suldat kien jinduna li t-​tarka tiegħu ma kinitx f’kundizzjoni tajba, hu kien jagħmel ċert li jirranġaha ħalli fil-​battalja li jmiss dejjem tkun lesta. Dan l-​eżempju kif japplika għall-​fidi tagħna?

4. Għala għandek teżamina sew it-​tarka tal-​fidi tiegħek, u kif għandek tagħmel dan?

4 Bħas-​suldati li semmejna, int għandek regolarment teżamina sew u tieħu ħsieb it-​tarka tal-​fidi tiegħek ħalli dejjem tkun preparat għall-​battalja. Bħala Kristjani, aħna qegħdin f’battalja spiritwali u l-​għedewwa tagħna jinkludu spirti mill-​agħar. (Efes. 6:10-​12) Ħadd ma jistaʼ jieħu ħsieb it-​tarka tal-​fidi tiegħek għalik. Kif tistaʼ tkun ċert li l-​fidi tiegħek se tkun b’saħħitha biżżejjed meta tiġi ttestjata? L-​ewwel, għandek titlob lil Alla għall-​għajnuna. Imbagħad, trid tuża l-​Kelma t’Alla ħalli teżamina lilek innifsek biex tara lilek innifsek kif jarak Ġeħova. (Ebr. 4:12) Il-​Bibbja tgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess.” (Prov. 3:5, 6) B’dan f’moħħok, aħseb f’deċiżjonijiet li ħadt riċentement. Pereżempju, iffaċċjajt problema serja taʼ flus? Ftakart fil-​wegħda taʼ Ġeħova f’​Ebrej 13:5: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx”? Din il-​wegħda tatek il-​fiduċja li Ġeħova se jgħinek? Jekk iva, dan juri li int qed iżżomm it-​tarka tal-​fidi tiegħek f’kundizzjoni tajba.

5. X’għandek mnejn tiskopri x’ħin teżamina l-​fidi tiegħek?

5 Għandu mnejn tkun sorpriż b’dak li tiskopri meta teżamina sew il-​fidi tiegħek. Taf tiskopri dgħufijiet li ma kontx taf bihom. Pereżempju, għandu mnejn tinduna li l-​ansjetà żejda, il-​gideb, u l-​iskuraġġiment qed jagħmlu ħsara lill-​fidi tiegħek. Jekk dan ġara lilek, x’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi l-​fidi tiegħek milli ssirilha iktar ħsara?

IPPROTEĠI LILEK INNIFSEK MILL-​ANSJETÀ ŻEJDA, IL-​GIDEB, U L-​ISKURAĠĠIMENT

6. Liema tip taʼ ansjetà hi tajba?

6 Hemm tipi taʼ ansjetà li huma tajbin. Pereżempju, huwa tajjeb għalina li nkunu rridu nogħġbu lil Ġeħova u Ġesù. (1 Kor. 7:32) Jekk nagħmlu dnub serju, aħna nkunu ansjużi biex nirranġaw il-​ħbiberija tagħna m’Alla. (Salm 38:18) Nistgħu nkunu ansjużi wkoll li nogħġbu lir-​raġel jew lill-​mara tagħna, u li nieħdu ħsieb lill-​membri tal-​familja u ħutna l-​Kristjani.—1 Kor. 7:33; 2 Kor. 11:28.

7. (a) Kif tistaʼ ansjetà żejda tagħmel ħsara lill-​fidi tagħna? (b) Skont Proverbji 29:25, għala m’għandniex nibżgħu min-​nies?

7 Mill-​banda l-​oħra, ansjetà żejda tistaʼ tagħmel ħsara lill-​fidi tagħna. Pereżempju, forsi noqogħdu l-​ħin kollu ninkwetaw jekk għandniex biżżejjed ikel u ħwejjeġ. (Mt. 6:31, 32) Allura, forsi niffokaw fuq li jkollna iktar affarijiet materjali. Nistgħu anki niżviluppaw imħabba għall-​flus. Jekk inħallu dan jiġri, il-​fidi tagħna f’Ġeħova se tiddgħajjef u l-​ħbiberija tagħna miegħu se tiġi effettwata ħażin. (Mk. 4:19; 1 Tim. 6:10) Jew nistgħu nsiru ansjużi żżejjed dwar x’jaħsbu n-​nies dwarna. Imbagħad nistgħu nibdew nibżgħu li jwaqqgħuna għaċ-​ċajt jew jippersegwitawna. Biex nipproteġu lilna nfusna minn dan il-​periklu, għandna nitolbu lil Ġeħova jagħtina l-​fidi u l-​kuraġġ biex ma nibżgħux minn x’jistgħu jaħsbu n-​nies dwarna.—Aqra Proverbji 29:25; Luqa 17:5.

(Ara paragrafu 8) *

8. X’għandna nagħmlu dwar il-​gideb tal-​apostati?

8 Satana, “missier il-​gidba,” juża lil dawk taħt il-​kontroll tiegħu biex ixerred gideb dwar Ġeħova u dwar ħutna. (Ġw. 8:44) Pereżempju, l-​apostati jippubblikaw gideb u jgħawġu fatti dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq websajts, it-​televixin, u mezzi tal-​midja oħra. Dan il-​gideb qiegħed ġol-​“vleġeġ tan-​nar” taʼ Satana. (Efes. 6:16) X’għandna nagħmlu jekk xi ħadd jibda jitkellem magħna dwar gideb bħal dan? Ma rridux nisimgħu! Għala le? Għax aħna għandna fidi f’Ġeħova u nafdaw lil ħutna. Infatti, aħna qatt ma nikkomunikaw mal-​apostati. Aħna ma nħallu lil ħadd u xejn, inkluż il-​kurżità, iġegħelna niddiskutu magħhom.

9. L-​iskuraġġiment kif jistaʼ jeffettwana?

9 L-​iskuraġġiment jistaʼ jdgħajfilna l-​fidi tagħna. Aħna ġieli nħossuna skuraġġiti minħabba l-​problemi tagħna, u ċertament m’għandniex ninjorawhom. Imma m’għandniex inħalluhom jiħdulna moħħna. Għax jekk inħallu dan jiġri, nistgħu ninsew l-​affarijiet sbieħ kollha li Ġeħova wegħedna. (Riv. 21:3, 4) Tant nistgħu niskuraġġixxu ruħna li niddgħajfu u nieqfu naqdu lil Ġeħova. (Prov. 24:10) Imma dan m’għandux għalfejn jiġri lilna.

10. X’nitgħallmu mill-​ittra li kitbet oħt?

10 Ikkunsidra kif oħt mill-​Istati Uniti qed tieħu ħsieb il-​fidi tagħha waqt li tieħu ħsieb żewġha li għandu marda serja. F’ittra lill-​kwartieri ġenerali, hi kitbet: “Ġieli s-​sitwazzjoni tagħna kienet stressanti u taʼ skuraġġiment, imma t-​tama tagħna hi qawwija. Jiena napprezza ħafna l-​informazzjoni inkuraġġanti li qegħdin nirċievu biex insaħħu l-​fidi tagħna. Vera għandna bżonn dawn il-​pariri u l-​inkuraġġiment. Jgħinuna nibqgħu naqdu lil Ġeħova u nissaportu l-​provi li Satana juża biex idgħajfuna.” Minn din l-​oħt nitgħallmu li nistgħu negħlbu l-​iskuraġġiment! Kif? Billi nqisu l-​provi tagħna bħala opportunità biex nopponu lil Satana. Irid ikollna fiduċja li Ġeħova se jinkuraġġina, waqt li napprezzaw l-​ikel spiritwali li hu jipprovdi.

Qiegħed int tieħu ħsieb “it-​tarka kbira tal-​fidi” tiegħek? (Ara paragrafu 11) *

11. Biex naraw għandniex fidi b’saħħitha, liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna?

11 Tara int li l-​fidi tiegħek għandha bżonn tkun iktar b’saħħitha? Matul dawn l-​aħħar ftit xhur, irnexxielek ma ċċedix għall-​ansjetà żejda? Irrifjutajt li tismaʼ u tiddiskuti mal-​apostati dwar il-​gideb li jxerrdu? U kont kapaċi tkampa mal-​iskuraġġiment? Jekk iva, mela l-​fidi tiegħek qiegħda f’kundizzjoni tajba. Imma għandna nibqgħu għassa għax Satana għandu armi oħra li jipprova juża kontrina. Ejja naraw x’inhi waħda minnhom.

IMĦABBA GĦAL AFFARIJIET MATERJALI TISTAʼ TAGĦMEL ĦSARA

12. X’jistaʼ jiġri jekk ninkwetaw iżżejjed dwar l-​affarijiet materjali?

12 L-​imħabba għal affarijiet materjali tistaʼ ġġegħelna naljenaw u nittraskuraw it-​tarka tal-​fidi tagħna. L-​appostlu Pawlu qal: “Ebda raġel li jaqdi bħala suldat ma jinvolvi ruħu fin-​negozju tal-​ħajja ċivili, sabiex jikseb l-​approvazzjoni taʼ min ingaġġah [jew, daħħlu] bħala suldat.” (2 Tim. 2:4) Fil-​fatt, suldati Rumani ma setgħux jagħmlu xogħol ieħor. X’setaʼ ġara li kieku suldat injora dan?

13. Suldat għala ma kellux jinvolvi ruħu f’xogħol ieħor?

13 Immaġina din ix-​xena. Grupp taʼ suldati jqattgħu n-​nofstanhar taʼ filgħodu jittrennjaw bix-​xwabel tagħhom, imma wieħed minnhom mhux hemm. Hu qiegħed fil-​belt ibigħ l-​ikel. Filgħaxija, is-​suldati jqattgħu l-​ħin tagħhom jeżaminaw sew l-​armatura u jsinnu x-​xwabel tagħhom. Imma dak li għandu ħanut fil-​belt qed iqattaʼ ħinu jipprepara l-​ikel għall-​għada. L-​għada filgħodu, però, mingħajr mistenni l-​għadu jattakka. Min mis-​suldati se jkun preparat għall-​ġlied u min se jferraħ l-​iktar lill-​kmandant tiegħu? U kieku kont se tiġġieled f’dik il-​battalja lil min tkun tixtieq ħdejk, is-​suldat preparat jew il-​wieħed aljenat?

14. Bħala suldati taʼ Kristu, xi nqisu prezzjuż?

14 Aħna bħal dawk is-​suldati tajbin. L-​iktar ħaġa importanti għalina hi li nferrħu lill-​Kmandanti tagħna, Ġeħova u Kristu. Dan hu ħafna iktar prezzjuż għalina minn kwalunkwe ħaġa li jistaʼ jkollna fid-​dinja taʼ Satana. Aħna nagħmlu ċert li jkollna l-​ħin u l-​enerġija li għandna bżonn biex naqdu lil Ġeħova u biex inżommu t-​tarka tal-​fidi tagħna u l-​kumplament tal-​armatura spiritwali tagħna f’kundizzjoni tajba.

15. Xi twissija tana Pawlu, u għala?

15 Aħna għandna dejjem noqogħdu għassa! Għala? L-​appostlu Pawlu wissiena li “dawk li huma determinati li jsiru għonja” se ‘jiġu żvijati mill-​fidi.’ (1 Tim. 6:9, 10) L-​espressjoni ‘jiġu żvijati’ tfisser li nistgħu nsiru iktar u iktar iffokati fuq affarijiet li m’għandniex bżonn. Imbagħad nistgħu niżviluppaw “ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-​ħsara.” Minflok għandna niftakru li Satana qed juża dawn ix-​xewqat bħala armi biex idgħajjef il-​fidi tagħna.

16. Minħabba dak li hu miktub f’​Marku 10:17-22, liema mistoqsijiet għandna naħsbu dwarhom?

16 Ejja ngħidu li għandna biżżejjed flus biex nixtru ħafna affarijiet materjali. Inkunu qegħdin nagħmlu ħażin jekk nixtru affarijiet għax nixtiquhom mhux għax verament għandna bżonnhom? Le mhux bilfors. Imma aħseb f’dawn il-​mistoqsijiet: Anki jekk naffordjaw li nixtru xi ħaġa, għandna l-​ħin u l-​enerġija li hemm bżonn biex nużawha u nżommuha f’kundizzjoni tajba? Jistaʼ jkun li nibdew inħobbu l-​affarijiet materjali wisq? Tistaʼ l-​imħabba tagħna għall-​affarijiet materjali ġġegħelna naġixxu bħal dak iż-​żagħżugħ li rrifjuta l-​istedina li għamillu Ġesù biex jagħmel iktar għal Alla? (Aqra Marku 10:17-22.) Kemm ikun aħjar jekk ngħixu ħajja sempliċi u nużaw il-​ħin prezzjuż u l-​enerġija tagħna biex nagħmlu r-​rieda t’Alla!

ŻOMM QABDA SODA MAT-​TARKA TAL-​FIDI TIEGĦEK

17. X’qatt ma rridu ninsew?

17 Ma rridux ninsew li aħna qegħdin f’battalja u li kuljum irridu nkunu lesti biex niġġieldu. (Riv. 12:17) Ħutna rġiel u nisa ma jistgħux iġorru t-​tarka tagħna tal-​fidi għalina. Aħna personalment irridu nżommu qabda soda mat-​tarka tagħna.

18. Fil-​qedem, is-​suldati għala kienu jżommu qabda soda mat-​tarka tagħhom?

18 Fil-​qedem, suldat kien ikun rispettat meta fil-​battalja kien kuraġġuż. Imma kien iħossu umiljat jekk imur lura d-​dar mingħajr it-​tarka tiegħu. L-​istorjografu Ruman Taċitu kiteb: “Jekk suldat kien iħalli warajh it-​tarka tiegħu, dan kien ikun diżunur kbir.” Din hi raġuni waħda għala s-​suldati kienu dejjem iżommu qabda soda mat-​tarka tagħhom.

Oħt Kristjana żżomm qabda soda mat-​tarka kbira tal-​fidi tagħha billi taqra l-​Kelma t’Alla u tapplika dak li tgħid, tattendi regolarment il-​laqgħat, u tieħu sehem fil-​ministeru (Ara paragrafu 19)

19. Kif nistgħu nżommu qabda soda mat-​tarka tal-​fidi tagħna?

19 Aħna nżommu qabda soda mat-​tarka tal-​fidi tagħna billi nattendu regolarment il-​laqgħat u billi nitkellmu dwar isem Ġeħova u Saltnatu m’oħrajn. (Ebr. 10:23-25) Ukoll, naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nitolbu lil Ġeħova jgħinna napplikaw dak li tgħidilna. (2 Tim. 3:16, 17) Imbagħad, l-​ebda arma li Satana juża kontrina mhu se tagħmlilna ħsara permanenti. (Is. 54:17) “It-​tarka kbira tal-​fidi” tagħna se tipproteġina. Se nkunu kuraġġużi u nirbħu l-​isfidi taʼ kuljum, flimkien maʼ ħutna. Ukoll, se jkollna l-​unur li nkunu fuq in-​naħa taʼ Ġesù meta hu se jirbaħ il-​gwerra tiegħu kontra Satana u s-​segwaċi tiegħu.—Riv. 17:14; 20:10.

GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”

^ par. 5 Biex jipproteġu lilhom infushom mill-​għadu, is-​suldati kellhom bżonn jistrieħu fuq it-​tarka tagħhom. Il-​fidi tagħna hi bħal tarka. U bħal tarka letterali, il-​fidi tagħna rridu nieħdu ħsiebha biex inkunu ċerti li tibqaʼ b’saħħitha. Dan l-​artiklu se jiddiskuti x’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li “t-​tarka kbira tal-​fidi” tagħna tibqaʼ f’kundizzjoni tajba.

^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Meta fuq it-​televixin jiġi rapport dwar apostati li jxerrdu gideb dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, familja Kristjana jitfu t-​televixin mill-​ewwel.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Iktar tard, waqt il-​qima bħala familja, il-​missier juża rakkonti fil-​Bibbja biex isaħħaħ il-​fidi tal-​familja tiegħu.