X’jismu Alla?
Meta tipprova ssir taf lil xi ħadd, aktarx li l-ewwel ħaġa li tagħmel hi li tistaqsi, “X’jismek?” Kieku kellek tistaqsi din il-mistoqsija lil Alla, x’jgħid hu?
“Jien Ġeħova. Dak hu ismi.”—Isaija 42:8.
Huwa dan l-isem ġdid għalik? Jistaʼ jkun, għax ħafna tradutturi tal-Bibbja ma tantx jużaw isem Alla, jekk biss jużawh. Ħafna drabi jpoġġu t-titlu “MULEJ” minfloku. Iżda isem Alla fil-fatt jidher xi 7,000 darba fit-test tal-lingwa oriġinali tal-Bibbja. L-isem fih erbaʼ konsonanti Ebrajċi, li huma ekwivalenti għal JĦWH jew JHVH, u matul l-istorja ġie tradott “Jehovah” bl-Ingliż.
L-isem t’Alla jidher bosta drabi fit-test Ebrajk u jinsab f’ħafna traduzzjonijiet
GĦALA L-ISEM T’ALLA HU IMPORTANTI
L-isem hu importanti għal Alla nnifsu. Ħadd ma ta isem lil Alla; hu għażlu għalih innifsu. Ġeħova ddikjara: “Dan hu ismi għal dejjem, u din hi t-tifkira tiegħi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (Eżodu 3:15) Fil-Bibbja, isem Alla jidher iktar spiss minn kwalunkwe titlu ieħor li għandu, bħal Dak li Jistaʼ Kollox, Missier, Mulej, jew Alla, u iktar spiss minn ismijiet persunali oħra, bħal Abraham, Mosè, David, jew Ġesù. Iktar minn hekk, hi r-rieda taʼ Ġeħova li ismu jkun magħruf. Il-Bibbja tgħid: “Biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:18.
L-isem hu importanti għal Ġesù. Fit-talba li hi magħrufa bħala t-talba tal-Missierna, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu bil-ħrara lil Alla: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Ġesù nnifsu talab lil Alla: “Missier, igglorifika lil ismek.” (Ġwanni 12:28) Ġesù għamilha prijorità f’ħajtu li jigglorifika isem Alla; minħabba f’hekk setaʼ jgħid fit-talb: “Għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu.”—Ġwanni 17:26.
L-isem hu importanti għal dawk li jafu lil Alla. In-nies t’Alla fil-passat fehmu li l-protezzjoni u s-salvazzjoni tagħhom kienu jmorru id f’id mal-isem uniku t’Alla. “Isem Ġeħova hu torri b’saħħtu. Fih jidħol jiġri l-ġust u jingħata l-protezzjoni.” (Proverbji 18:10) “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32) Il-Bibbja turi li isem Alla kien se jiddistingwi lil dawk li kienu jaqduh. “Għax il-popli kollha, min-naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna, min-naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Mikea 4:5; Atti 15:14.
X’JIRRIVELA DAN L-ISEM
L-isem jidentifika lil Alla b’mod uniku. Ħafna studjużi jikkonkludu li l-isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Alla Ġeħova għenna nifhmu xi jfisser ismu meta kellem lil Mosè u rrefera għalih innifsu b’dan il-kliem: “JIEN SE NSIR DAK LI RRID INSIR.” (Eżodu 3:14) Għalhekk, isem Alla jgħidilna iktar mis-sempliċi fatt li hu l-Ħallieq tal-affarijiet kollha. Ismu jesprimi l-abbiltà li hu jġiegħel lilu nnifsu kif ukoll il-ħolqien tiegħu jsir dak kollu li hemm bżonn isir biex jitwettaq l-iskop tiegħu. Filwaqt li t-titli jistgħu jiddeskrivu l-pożizzjoni, l-awtorità, jew il-qawwa t’Alla, ismu biss, Ġeħova, jirrappreżenta dak kollu li hu u li jistaʼ jsir.
L-isem jirrivela kemm Alla hu interessat fina. It-tifsir tal-isem t’Alla jagħti x’jifhem li hu jibqaʼ juri affezzjoni lejn il-ħolqien tiegħu, li jinkludi lilna. Iktar minn hekk, il-fatt li Alla għamel lil ismu magħruf juri li hu jridna nsiru nafuh. Wara kollox, hu ħa l-inizjattiva biex jgħidilna ismu ħafna żmien ilu, qabel ma twelidna jew saħansitra ħsibna dwaru. B’mod ċar, Alla ma jridniex inqisuh bħala xi alla ’l bogħod minna u li ma jistax ikollna relazzjoni qrib miegħu, imma bħala Persuna reali, xi ħadd li nistgħu nersqu qrib lejh.—Salm 73:28.
Li nużaw isem Alla jirrivela kemm jinteressana minnu. Biex nagħtu eżempju, għandek mnejn tgħid lil xi ħadd li tixtieq tagħmel ħbieb miegħu biex jindirizzak b’ismek. Kif tħossok kieku dak l-individwu b’mod persistenti jirrifjuta li jagħmel dan? Maż-żmien aktarx li titħasseb jekk dak l-individwu jridx verament ikun ħabib tiegħek. U l-istess ħaġa maʼ Alla. Ġeħova qal lill-bnedmin x’jismu u jinkuraġġina biex nużaw dak l-isem. Meta nagħmlu hekk, nuru lil Ġeħova li rridu nersqu eqreb tiegħu. Hu saħansitra jinnota lil “dawk li jaħsbu fuq [jew, “jgħożżu”, Il-Bibbja, Saydon] ismu.”—Malakija 3:16.
Li nitgħallmu dwar l-isem t’Alla hu l-ewwel pass importanti biex insiru nafuh. Imma m’għandniex nieqfu hemm. Għandna bżonn insiru nafu lill-Persuna wara dak l-isem. Irridu nitgħallmu x’tip taʼ persuna hu.
X’JISMU ALLA? Alla jismu Ġeħova. Dan l-isem b’mod uniku jidentifika lil Alla bħala Persuna, bħala l-wieħed li jistaʼ jwettaq l-iskop tiegħu