Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta jmut xi ħadd għażiż

Meta jmut xi ħadd għażiż

“Ħassejtni li ma nistaʼ nagħmel xejn meta ħija l-​kbir miet ħabta u sabta. Għaddew ix-​xhur imma meta niftakar fih inħoss uġigħ kbir bħallikieku qed naqlaʼ daqqiet taʼ sikkina. Xi kultant, kont inkun irrabjata wkoll. Għala ħija kellu jmut? U kont inħossni ħatja li ma qattajtx iktar ħin miegħu.”—Vanessa, l-​Awstralja.

JEKK int tlift lil xi ħadd li tħobb fil-​mewt, anki int forsi kellek ħafna emozzjonijiet differenti. Forsi ħassejtek imnikket, waħdek, u li ma tistaʼ tagħmel xejn. Jistaʼ jkun li ħassejtek ukoll irrabjat, ħati, u mbeżżaʼ. Forsi għaddielek minn moħħok dwar jekk il-​ħajja hix taʼ min jgħixha.

Kun ċert li l-​fatt li tħossok imnikket ma jfissirx li int dgħajjef. Imma dan juri kemm il-​persuna kienet importanti għalik. Madankollu, hu possibbli li tħoss xi ftit serħan mill-​uġigħ li jġib miegħu n-​niket?

KIF XI WĦUD KAMPAW

Filwaqt li l-​uġigħ li qed tħoss donnu jidher li mhu se jgħaddi qatt, int tistaʼ ssib xi ftit tal-​faraġ billi tapplika s-​suġġerimenti li ġejjin:

ĦU Ż-​ŻMIEN LI GĦANDEK BŻONN BIEX TITNIKKET

Mhux kulħadd jitnikket bl-​istess mod jew għall-​istess tul taʼ żmien. Xorta waħda, li tibki jistaʼ jgħinek tesperjenza xi ftit serħan mill-​uġigħ. Vanessa, li ssemmiet qabel, tgħid: “Jien kont ninfaqaʼ nibki; kelli bżonn intaffi l-​uġigħ.” Sofía, li mititilha oħtha ħabta u sabta, tgħid: “Hu taʼ wġigħ li taħseb dwar dak li jkun ġara. Hu bħallikieku tkun qed titfaʼ l-​melħ fuq il-​ferita. L-​uġigħ ikun kważi insapportabbli, imma dan jgħin biex il-​ferita tfiq.”

TKELLEM DWAR DAK LI TAĦSEB U TĦOSS

Nistgħu nifhmu li xi kultant tkun tixtieq toqgħod waħdek. Imma n-​niket minħabba mewt hu tqil wisq biex iġġorru waħdek. Jared, li għandu 17-​il sena u li tilef lil missieru, jiftakar: “Kont nitkellem dwar dak li kont inħoss m’oħrajn. Niddubita kemm kien jagħmel sens dak li kont ngħid imma kont inħossni aħjar meta nesprimi ruħi.” Janice, li ssemmiet fl-​ewwel artiklu, issemmi benefiċċju ieħor: “Li nitkellem m’oħrajn kien taʼ faraġ kbir. Kont inħoss li qed niġi mifhuma u ma kontx inħossni daqstant waħdi.”

AĊĊETTA L-​GĦAJNUNA

Tabiba qalet: “Meta n-​nies li jkunu mnikkta minħabba mewt iħallu l-​ħbieb u l-​qraba jgħinuhom wara li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż, spiss ikun iktar faċli għalihom li jkampaw man-​niket u jegħlbuh.” Ħalli lill-​ħbieb ikunu jafu x’jistgħu jagħmlu biex jgħinuk; aktarx li huma jkunu jixtiequ jgħinuk imma forsi ma jkunux jafu kif.—Proverbji 17:17.

ERSAQ EQREB LEJN ALLA

Tina tgħid: “Meta r-​raġel tiegħi miet għal għarrieda minħabba l-​kanċer, ma stajtx inkompli niftaħ qalbi miegħu, allura kont ngħid kollox lil Alla. Kull ġurnata kont nibdieha billi nitolbu jgħinni ħalli nkun nistaʼ nkampa maʼ dak il-​jum. Alla għenni b’iktar modi milli nistaʼ nsemmi.” Tarsha, li kellha 22 sena meta mietet ommha, tgħid: “Il-​fatt li kont naqra l-​Bibbja kuljum kien ifarraġni. Kien jagħtini xi ħaġa inkuraġġanti fuq xiex naħseb.”

IMMAĠINA L-​IRXOXT

Tina tkompli tgħid: “Għall-​ewwel, it-​tama tal-​irxoxt ma tantx kienet tfarraġni għax jien kelli bżonn lil żewġi, u wliedi lil missierhom, dak il-​ħin stess. Madankollu, issa, erbaʼ snin wara, jien inżomm sod maʼ din it-​tama. Hi bħal ħabel taʼ salvataġġ għalija. Inġib quddiem għajnejja li nerġaʼ narah u dan iġibli paċi u ferħ!”

X’aktarx li m’intix se tħossok aħjar b’mod immedjat. Minkejja dan, l-​esperjenza taʼ Vanessa tistaʼ tkun taʼ faraġ. Hi tgħid, “Taħseb li se tibqaʼ mdejjaq għal dejjem, imma bil-​mod il-​mod se tħossok aħjar.”

Ftakar li għalkemm tistaʼ tibqaʼ tħoss vojt f’qalbek, il-​ħajja xorta hi taʼ min jgħixha. Bl-​għajnuna kollha mħabba t’Alla, int xorta tistaʼ tgawdi ħbiberiji mill-​aqwa u jkollok skop f’ħajtek. U Alla dalwaqt se jirxoxta lill-​mejtin. Hu jrid li int tkun tistaʼ terġaʼ tgħannaq miegħek lill-​għeżież tiegħek. U mbagħad l-​uġigħ li għandek f’qalbek ikun fieq għal dejjem!