Meta xi ħadd mill-miżżewġin ma jibqax leali
META jkun hemm nuqqas taʼ lealtà fiż-żwieġ, il-persuna traduta tistaʼ tħossha mkissra. Hu minnu li hemm min iħoss li jistaʼ jaħfer lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ li ma kinitx leali u jerġaʼ jkollu relazzjoni tajba magħha. * Imma kemm jekk jibqgħu flimkien u kemm jekk le, li hu żgur hu li min isir jaf li s-sieħeb jew is-sieħba tiegħu qalbithielu jgħaddi minn tbatija kbira. Dawn l-uħud kif jistgħu jkampaw mal-emozzjonijiet taʼ wġigħ?
VERSI TAL-BIBBJA LI JISTGĦU JKUNU T’GĦAJNUNA
Minkejja l-uġigħ taʼ qalb, ħafna persuni innoċenti sabu faraġ mill-Iskrittura. Huma tgħallmu li Alla jara d-dmugħ tagħhom u jħoss l-uġigħ tagħhom.—Malakija 2:13-16.
“Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.”—Salm 94:19.
“Hekk kif qrajt dak il-vers, immaġinajt lil Ġeħova jtaffili l-uġigħ bil-ħlewwa, bħalma kieku jagħmel missier kollu mogħdrija,” jiftakar Bill.
“Maʼ xi ħadd leali int se taġixxi b’lealtà.”—Salm 18:25.
“Ir-raġel tiegħi ma kienx leali,” tispjega Carmen, li r-raġel tagħha kien ilu jaqlibhielha xhur sħaħ. “Imma jien stajt nafda fil-lealtà taʼ Ġeħova. Hu qatt mhu se jiddiżappuntani.”
“Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki . . . ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.”—Filippin 4:6, 7.
“Qrajt dawn il-versi darba wara l-oħra,” tgħid Sasha. “Hekk kif kont nitlob u nitlob, Alla tani l-paċi f’ħajti.”
Dawk kollha li ġew kwotati hawn fuq xi kultant kienu jħossuhom qalbhom maqtugħa. Imma huma fdaw lil Alla Ġeħova u kisbu s-saħħa mill-Kelma tiegħu. Bill poġġieha b’dan il-mod: “Il-fidi tiegħi tatni skop fil-ħajja meta kollox kien donnu tar mar-riħ. Għalkemm għal xi żmien imxejt ‘fil-wied taʼ dlam ċappa,’ Alla kien miegħi.”—Salm 23:4.
^ Għal diskussjoni dwar jekk għandekx taħfer jew le, ara s-serje fl-Awake! tat-22 t’April 1999 bit-titlu, “When a Mate Is Unfaithful.”