Alla juri empatija?
DAK LI JGĦALLIMNA L-ĦOLQIEN
L-empatija tiġi mfissra bħala “l-abbiltà li tifhem xi jkun qed iħoss jew jesperjenza xi ħadd billi timmaġinak fis-sitwazzjoni tiegħu,” jew bħalma jgħid il-Malti, tidħol fiż-żarbun taʼ dak li jkun. Dr. Rick Hanson li hu espert tas-saħħa mentali jgħid li l-empatija hi xi ħaġa li nitwieldu biha.
IKKUNSIDRA: Aħna għala għandna l-abbiltà li nuru l-empatija, kwalità li ma ssibx bħalha f’ebda speċi oħra? Il-Bibbja tispjega li Alla ħalaq lill-bnedmin fix-xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:26) Aħna maħluqin fix-xbieha t’Alla fis-sens li nistgħu nirriflettu l-personalità tiegħu u b’hekk nistgħu nuru sa ċertu punt il-kwalitajiet mill-aħjar tiegħu. Għaldaqstant, meta l-empatija tqanqal lin-nies biex jgħinu lil oħrajn, huma jkunu qed jirriflettu l-empatija tal-Ħallieq kollu mogħdrija tagħhom, Alla Ġeħova.—Proverbji 14:31.
DAK LI L-BIBBJA TGĦALLIMNA DWAR L-EMPATIJA T’ALLA
Alla għandu empatija għalina u jobgħod jarana nbatu. Rigward il-poplu taʼ Iżrael tal-qedem li ssaportew skjavitù ħarxa fl-Eġittu u mbagħad 40 sena diffiċli fid-deżert, il-Bibbja tgħid: “Kulmeta kienu mnikktin hu kien imnikket.” (Isaija 63:9) Innota li Alla mhux sempliċement kien konxju tan-niket tagħhom. Hu kien qed iħoss l-uġigħ tagħhom. Jien “naf tajjeb kemm qed isofru,” qal hu. (Eżodu 3:7) Alla jgħid: “Għax dak li qed imisskom qed imiss il-mimmi t’għajnejja.” (Żakkarija 2:8) Meta oħrajn iweġġgħuna, hu jħoss l-uġigħ tagħna.
Il-Bibbja taċċertana li għalkemm forsi nikkundannaw lilna nfusna u nħossu li ma jistħoqqilniex l-empatija t’Alla, “Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.” (1 Ġwanni 3:19, 20) Alla jafna aħjar milli nafu lilna nfusna. Hu konxju bis-sħiħ taʼ kull ċirkustanza, ħsieb, u sentiment li jkollna. Hu juri empatija magħna.
Nistgħu nduru lejn Alla għall-faraġ, l-għerf, u l-appoġġ b’fiduċja li se jgħin lil dawk imnikktin
L-Iskrittura taċċertana
-
“Int issejjaħ, u Ġeħova jwieġeb; tgħajjat għall-għajnuna, u hu jgħid, ‘Hawn jien!’”—ISAIJA 58:9.
-
“‘Għax jien naf il-ħsibijiet li qed naħseb dwarkom,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘ħsibijiet taʼ paċi, mhux taʼ ħsara, sabiex nagħtikom futur u tama. U ssejħuli u tiġu titolbuni, u jien nismagħkom.’”—ĠEREMIJA 29:11, 12.
-
“Poġġi fi flixkun tal-ġild id-dmugħ tiegħi. M’huwiex dan fil-ktieb tiegħek?”—SALM 56:8.
ALLA JINNOTANA, JIFHIMNA, U JĦOSS GĦALINA
Il-fatt li nkunu nafu li Alla għandu empatija għalina, jistaʼ jgħinna nkampaw mad-diffikultajiet? Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Maria:
“Ħassejt li l-ħajja kienet diffiċli u mhux ġusta wara li esperjenzajt uġigħ kbir minħabba li tlift lil ibni taʼ 18-il sena. Hu kien għamel sentejn jiġġieled mal-marda tal-kanċer. Kont irrabjata maʼ Ġeħova talli ma intervjeniex u ma fejqux!
“Sitt snin wara, ħabiba mill-aħjar fil-kongregazzjoni tiegħi u li turi mogħdrija qagħdet tismagħni hekk kif ftaħt qalbi magħha u għedtilha li kont inħoss li Ġeħova ma jħobbnix. Wara li għamlet sigħat tismagħni mingħajr ma waqqfitni, hi kkwotatli vers li ħalla impatt fuqi. Dan kien l-1 Ġwanni 3:19, 20, li jgħid ‘Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.’ Hi spjegatli li Ġeħova jifhem in-niket tagħna.
“Minkejja dan, sibtha bi tqila biex ma nibqax irrabjata. Imbagħad qrajt Salm 94:19, li jgħid: ‘Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.’ Ħassejt li dan il-vers kien miktub għalija! Eventwalment, tgħidx kemm bdejt inħossni aħjar minħabba l-fatt li stajt nitkellem maʼ Ġeħova dwar in-niket tiegħi u għax kont naf li qed jismagħni u jifhimni.”
Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Alla jifhimna u jħoss għalina! Imma, allura, għala hawn tant tbatija? Hu dan kastig mingħand Alla minħabba xi ħaġa ħażina li nkunu għamilna? Se jagħmel xi ħaġa Alla biex itemm it-tbatija kollha? Dawn l-affarijiet se jiġu kkunsidrati fl-artikli li jmiss.