Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif tistaʼ tibbenefika mill-fatt li Alla jimpurtah minnek

Kif tistaʼ tibbenefika mill-fatt li Alla jimpurtah minnek

Alla ħalaq lil ġisimna bil-​kapaċità meraviljuża li jfejjaq lilu nnifsu. Meta ssir qatgħa, barxa, jew ferita f’ġisem f’saħħtu, dan “jibda proċess ikkumplikat biex ifejjaq il-​ġrieħi, kemm kbar u anke żgħar.” (Johns Hopkins Medicine) Il-​ġisem mill-​ewwel jagħmel xi ħaġa biex iwaqqaf id-​demm milli jibqaʼ ħiereġ, ifejjaq il-​ferita, u jsaħħaħ it-​tessut (tissue).

IKKUNSIDRA: Jekk il-​Ħallieq ħalaq lil ġisimna b’mod li jistaʼ jfejjaq il-​ġrieħi fiżiċi, m’għandniex inkunu fiduċjużi fil-​wegħda tiegħu li se jgħinna nirkupraw minn weġgħat emozzjonali wkoll? Is-​salmista kiteb: “Qed ifejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-​ġrieħi li juġgħuhom.” (Salm 147:3) Imma jekk int għaddejt minn trawma jew qed tbati emozzjonalment, kif tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jinfaxxalek il-​ġrieħi tiegħek—kemm issa u anke fil-​futur?

DAK LI L-​BIBBJA TGĦALLIMNA DWAR L-​IMĦABBA T’ALLA

Alla jwiegħed: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.” (Isaija 41:10) Persuna li taf li Ġeħova jimpurtah minnha għandha l-​paċi tal-​moħħ u s-​saħħa biex tkampa maʼ diversi sfidi. L-​appostlu Pawlu ddeskriva din il-​kalma ġewwinija bħala “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” Pawlu żied jgħid: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”—Filippin 4:4-7, 9, 13.

L-​Iskrittura tgħinna nibnu l-​fidi fil-​wegħdi li Ġeħova għandu għall-​futur tal-​bnedmin. Pereżempju, Rivelazzjoni 21:4, 5 tgħidilna x’ħa jagħmel u għala nistgħu nafdaw li ħa jagħmel hekk:

  • Hu se ‘jixxotta kull demgħa’ minn għajnejn il-​bnedmin. Ġeħova se jġib fix-​xejn it-​tbatija u l-​ansjetà kollha tagħna. Se jneħħi anke affarijiet li ninkwetaw fuqhom u li għal oħrajn jistgħu jidhru insinifikanti.

  • Is-​Sultan li Jistaʼ Kollox, li hu “bil-​qiegħda fuq it-​tron” fil-​glorja tas-​smewwiet, se juża l-​qawwa u l-​awtorità tiegħu biex iwaqqaf it-​tbatija u jagħtina l-​għajnuna li għandna bżonn.

  • Ġeħova jagħti garanzija li l-​wegħdi tiegħu huma ‘żguri u veri.’ Dan ifisser li tant il-​wegħdi tiegħu se jseħħu li hu jiggarantixxi b’ismu u r-​reputazzjoni tiegħu stess bħala l-​Alla l-​veru.

“‘Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.’ U Dak li kien bil-​qiegħda fuq it-​tron qal: ‘Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.’ Qalli wkoll: ‘Ikteb, għax dan il-​kliem hu żgur u veru.’”—Rivelazzjoni 21:4, 5.

Kemm l-​univers fiżiku u anke l-​Bibbja jirrivelaw il-​personalità u l-​kwalitajiet taʼ Missierna tas-​sema. Filwaqt li l-​ħolqien jistidinna b’mod indirett biex insiru nafu lil Alla bħala Ħabib tal-​qalb, il-​Bibbja tagħmel din l-​istedina diretta: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:8) Atti 17:27 jgħid: “M’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”

Meta tieħu l-​ħin biex issir taf lil Alla, int se ssir iktar konvint li ‘jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) X’inhuma l-​benefiċċji prattiċi taʼ fiduċja bħal din f’Ġeħova?

Ikkunsidra l-​każ taʼ Toru mill-​Ġappun. Hu ġie mrobbi minn omm Kristjana, imma sar parti mid-​dinja vjolenti tal-​yakuza, il-​Mafja Ġappuniża. Hu jgħid, “Kont naħseb li Alla kien jobgħodni. Kont inħoss li l-​imwiet taʼ dawk taʼ madwari, speċjalment taʼ dawk li kont inħobb, kienu kastig għalija.” Toru jammetti li minħabba dak li kien jiġri madwaru u l-​mod kif kien jirraġuna sar “persuna bla qalb u ma jħoss xejn għal ħaddieħor.” Hu jiftakar li l-​ambizzjoni tiegħu kienet, “Nixtieq immut żgħir wara li noqtol lil xi ħadd famuż iktar minni ħalli nagħmel isem għalija nnifsi.”

Madankollu, meta Toru u l-​mara tiegħu, Hannah, studjaw il-​Bibbja, Toru għamel bidliet drastiċi f’ħajtu u fl-​attitudni tiegħu. Hannah tgħid, “Jien rajt lir-​raġel tiegħi jinbidel quddiem għajnejja stess.” Issa, b’ċertezza, Toru jgħid, “Hemm Alla li veru jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna. Hu ma jrid lil ħadd imut, u hu lest li jaħfer lil dawk li veru jindmu mill-​iżbalji tagħhom. Hu jismagħna meta ngħidulu affarijiet li ma nistgħu ngħiduhom lil ħadd iżjed ħliefu u li ħadd mhu se jifhimhom. Dalwaqt, Ġeħova se jneħħi l-​problemi, it-​tbatija, u l-​uġigħ kollu. Anke issa, hu jgħinna b’modi li ma nistennewx. Hu jħobbna u jgħinna meta nkunu imdejqin.”—Salm 136:23.

Bħalma turina l-​esperjenza taʼ Toru, li nkunu nafu li Alla jistaʼ—u dalwaqt se—jelimina għalkollox l-​uġigħ taʼ qalb u jimsaħ kull demgħa, mhux biss jagħtina tama żgura għall-​futur imma wkoll jgħinna biex ikollna ħajja aħjar issa. Iva, anke f’dinja mimlija tbatija, int tistaʼ tibbenefika mill-​fatt li Alla jimpurtah minnek.