Ir-realtà kerha tal-mewt
IMMAĠINAK qed tara film dwar xi ħadd famuż, forsi xi mużiċist li int tammira. Il-film jibda b’xeni mit-tfulija tiegħu, tarah qed jitgħallem idoqq u jipprattika fuq li jipprattika. Imbagħad tarah jagħmel kunċerti, jivvjaġġa f’ħafna pajjiżi, u jsir famuż mad-dinja kollha. Imma hekk kif il-film joqrob lejn tmiemu, tarah jixjieħ u mbagħad imut.
Dan il-film hu storja vera taʼ xi ħadd reali li issa hu mejjet. Kemm jekk l-individwu kien mużiċist, xjentist, atleta, jew xi ħadd famuż ieħor, l-istorja bażikament kienet se tkun l-istess. L-individwu jistaʼ jkun li wettaq ħafna affarijiet, imma aħseb dwar kemm setaʼ wettaq iktar li kieku ma xjaħx u miet!
Kerha kemm hi kerha, din hi r-realtà li hemm għalina lkoll. (Ekkleżjasti 9:5) Nipprovaw kemm nipprovaw, m’aħniex kapaċi neħilsu mill-effetti tax-xjuħija u l-mewt. Apparti minn hekk, ħajjitna tistaʼ tispiċċa ħesrem b’xi aċċident jew b’xi marda kiefra. Bħalma hu deskritt fil-Bibbja, aħna bħaċ-ċpar taʼ filgħodu li “jidher għal ftit u mbagħad jgħib.”—Ġakbu 4:14.
Għal xi wħud, il-ħajja tant tidher inċerta u bla skop li jirraġunaw, “ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” (1 Korintin 15:32) Imma ma taqbilx li jekk tgħix b’dan il-mod tkun qed taċċetta r-realtà kerha tal-mewt? Illum jew għada, u speċjalment meta tkun għaddej minn xi tbatija, int taf tistaqsi, ‘Din il-ħajja biss hemm?’ Fejn tistaʼ ssib it-tweġiba?
Ħafna llum iduru lejn ix-xjenza. Il-progress fix-xjenza u fil-mediċina għamluha possibbli li l-bniedem jgħix iktar. U xi xjentisti qed jaħdmu biex itawlu l-ħajja saħansitra iktar. Ikun xi jkun ir-riżultat tal-isforzi tagħhom, xorta nistaqsu: Għala nixjieħu u mmutu? Hemm tama li l-mewt, l-għadu tagħna, tiġi eliminata? L-artikli li ġejjin se jikkunsidraw dawn is-suġġetti u jwieġbu l-mistoqsija, Din il-ħajja biss hemm?