SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ANĠLI—X’TGĦID IL-BIBBJA DWARHOM?
L-anġli—Jistgħu jeffettwawlek ħajtek?
Darba minnhom, il-Ħadd waranofsinhar, Kenneth u Filomena, li jgħixu Curaçao, marru jżuru koppja miżżewġa li kienu qed jagħmlu studju tal-Bibbja magħhom.
“Meta wasalna,” jirrakkonta Kenneth, “kien jidher li m’hemm ħadd id-dar u lanqas il-karozza ma kienet hemm. Imma xi ħaġa ġegħlitni nċempel fuq il-mowbajl tal-mara.”
Il-mara wieġbet u spjegat li r-raġel tagħha kien xogħol. Imma malli indunat li Kenneth u Filomena kienu wara l-bieb, fetħitilhom u stidnithom jidħlu.
Mill-ewwel indunaw li kienet qiegħda tibki. Hekk kif Kenneth qal talba biex jibda l-istudju tal-Bibbja, il-mara reġgħet qabdet tibki. Allura Kenneth u Filomena staqsewha bil-ħlewwa jekk kienx ġara xi ħaġa.
Il-mara spjegat li hi kellha l-ħsieb li ttemm ħajjitha dakinhar stess u li meta ċempel Kenneth, hi kienet qed tikteb nota dwar dan lil żewġha. Hi qaltilhom li kienet tbati minn dipressjoni. Huma qasmu magħha versi mill-Bibbja biex jagħtuha faraġ, u dan l-inkuraġġiment salvalha ħajjitha.
“Irringrazzjajna lil Ġeħova talli ppermettielna ngħinu lil din il-mara ddisprata,” jgħid Kenneth, “u speċjalment talli qanqalna—forsi permezz taʼ anġlu jew tal-ispirtu qaddis Tiegħu—biex nagħmlu dik it-telefonata!” *
Għandhom raġun Kenneth u Filomena jemmnu li Alla interviena, kemm jekk permezz taʼ xi anġlu u kemm jekk permezz tal-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, Tiegħu? Jew kienet sempliċement kumbinazzjoni dik it-telefonata f’waqtha taʼ Kenneth?
Ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert. Imma li nafu hu li Alla juża l-anġli tiegħu biex jgħin lin-nies spiritwalment. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li Alla uża anġlu biex jidderieġi lill-evanġelizzatur Kristjan Filippu biex jgħin uffiċjal Etjopjan li kien qed ifittex għajnuna spiritwali.—Atti 8:26-31.
Diversi reliġjonijiet iħeġġu t-twemmin fi ħlejjaq spirti sopranaturali. Lil xi wħud jiddeskrivuhom bħala ħlejjaq li jagħmlu l-ġid jew li jaġixxu bħala anġli kustodji. Ħafna nies mhux biss jemmnu li l-anġli jeżistu imma li dawn il-ħlejjaq spirti jeffettwawlhom ħajjithom. Madankollu, hemm oħrajn li ma jemmnux li l-anġli jeżistu.
Jeżistu verament l-anġli? Jekk iva, allura x’inhi l-oriġini tagħhom? X’inhi l-verità dwar l-anġli? Jistgħu dawn jeffettwawlek ħajtek? Ejja naraw l-evidenza.
^ par. 8 Ġeħova hu l-isem t’Alla kif jidher fil-Bibbja.—Salm 83:18.