Kont taf?
Persuna kif kienet tivvjaġġa bil-baħar fi żmien il-qedem?
ĠENERALMENT, fi żmien Pawlu ma kienx jeżisti ġifen, jew bastiment, għall-passiġġieri biss. Biex wieħed jivvjaġġa bil-baħar, normalment kien jistaqsi lil oħrajn jekk kinux jafu b’xi bastimenti tal-merkanzija li kienu sejrin fid-direzzjoni li ried hu u jekk kinux lesti jtellgħuh magħhom. (Atti 21:2, 3) Anki jekk bastiment ma kienx ikun sejjer lejn il-post fejn wieħed ried imur, meta l-bastiment kien jieqaf f’portijiet differenti waqt il-vjaġġ, il-vjaġġatur kien ifittex għal bastiment ieħor li kien se jieħdu eqreb tad-destinazzjoni tiegħu.—Atti 27:1-6.
Il-vjaġġi bil-baħar kienu jsiru fi żminijiet speċifiċi matul is-sena, u l-bastimenti ma kinux iżommu maʼ skeda stretta. Apparti temp ħażin, il-baħrin ma kinux ibaħħru anki minħabba superstizzjonijiet, pereżempju jekk kienu jaraw ċawlun jgħajjat minn fuq il-ħbula tal-arbli u l-qlugħ, jew jekk max-xatt kienu jaraw biċċiet taʼ bastiment li kien tkisser. Il-baħħara kienu jieħdu vantaġġ mir-riħ, u għalhekk meta kien ikun riħ tajjeb, kienu jitilqu mill-port. Meta vjaġġatur kien isib bastiment li jħallih jitlaʼ miegħu, hu kien imur viċin il-port bl-affarijiet tiegħu u jistenna avviż li l-bastiment kien se jitlaq dalwaqt.
“Il-belt taʼ Ruma kellha mod faċli għan-nies biex isibu bastiment għall-vjaġġ, allura ma kienx ikollhom għalfejn joqogħdu jfittxu għal wieħed huma,” jgħid l-istudjuż tal-istorja Lionel Casson. “Il-port tagħha kien fejn ix-Xmara Tevere tispiċċa fil-baħar. Fil-belt taʼ Ostia, li kienet fil-viċin, kien hemm pjazza kbira mdawra bl-uffiċċji. Ħafna minnhom kienu taʼ negozjanti li jibagħtu u jirċievu l-merkanzija bil-bastimenti minn portijiet differenti: in-negozjanti taʼ Narbonne [illum Franza] kellhom uffiċċju, in-negozjanti taʼ Kartaġni [illum it-Tuneżija] kellhom ieħor, . . . u ħafna iktar. Kulma kellu jagħmel xi ħadd li kien qed ifittex bastiment kien li jmur jiċċekkja fl-uffiċċji tal-bliet li kienu fir-rotta tiegħu.”
L-ivvjaġġar bil-baħar iffranka ħafna ħin lill-vjaġġaturi, imma kellu wkoll ir-riskji tiegħu. Ħafna drabi, Pawlu esperjenza nawfraġju waqt l-ivvjaġġar tiegħu bħala missjunarju.—2 Kor. 11:25.