Mistoqsijiet mill-qarrejja
Il-Bibbja tgħid li biex kwistjoni tkun stabbilita, minn tal-inqas hemm bżonn żewġ xhieda. (Num. 35:30; Dt. 17:6; 19:15; Mt. 18:16; 1 Tim. 5:19) Imma taħt il-Liġi, jekk raġel jistupra f’“għalqa” tfajla li kienet għarusa u hi werżqet, ir-raġel kien ikun ħati taʼ adulterju u hi innoċenti. Meta tqis li ma kienx hemm xhieda li raw l-istupru, hi għala kienet innoċenti waqt li hu kien ħati?
Ir-rakkont f’Dewteronomju 22:25-27 primarjament mhuwiex biex joħroġ lir-raġel ħati, għax f’dan ir-rakkont ir-raġel kien diġà kkunsidrat ħati. Din il-liġi ffokat fuq li turi li t-tfajla kienet innoċenti. Innota l-kuntest.
Dewteronomju 22:23, 24 jitkellem dwar raġel li kellu x’jaqsam maʼ tfajla għarusa “fil-belt.” Dan kien jagħmlu ħati t’adulterju, ladarba t-tfajla għarusa kienet titqies bħala miżżewġa. Xi ngħidu għat-tfajla? Hi “ma werżqitx fil-belt.” Kieku għamlet dan, oħrajn żgur li kienu jisimgħuha u jiddefenduha. Imma hi ma werżqitx. Għalhekk, hi ħadet sehem fl-adulterju, allura t-tnejn li huma kienu ġġudikati ħatja.
Il-Liġi mbagħad spjegat sitwazzjoni differenti: “Madankollu, jekk kien fl-għalqa li r-raġel sab lit-tfajla li kienet mgħarrsa [jew, għarusa], u r-raġel ħatafha u mtedd magħha, ir-raġel li mtedd magħha għandu jmut hu biss, u lit-tfajla tagħmlilha xejn. It-tfajla m’għandha ebda dnub li jistħoqqlu l-mewt, għaliex sewwasew bħal meta raġel iqum għal sieħbu u joqtlu u jiħodlu ħajtu, hekk isir f’dan il-każ. Għax hu sabha fl-għalqa. It-tfajla li kienet mgħarrsa werżqet, imma ma kien hemm ħadd li jeħlisha.”—Dt. 22:25-27.
F’dan il-każ, l-imħallfin assumew li hi “werżqet, imma ma kien hemm ħadd li jeħlisha.” Għalhekk, hi m’għamlitx adulterju. Però, ir-raġel kien ħati taʼ stupru u adulterju għax hu ħataf lit-tfajla għarusa u mtedd magħha.
B’hekk, għalkemm din il-liġi ffokat fuq l-innoċenza tat-tfajla, ir-rakkont b’mod ġust jgħid li r-raġel kien ħati taʼ stupru u adulterju. Nistgħu nibqgħu ċerti li l-imħallfin kienu jistħarrġu l-każ u jieħdu deċiżjoni bbażata fuq il-livell li Alla kien spjega ċar diversi drabi.—Dt. 13:14; 17:4; Eżo. 20:14.