Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif tistaʼ tieħu sehem f’li ssaħħaħ l-għaqda Kristjana tagħna?

Kif tistaʼ tieħu sehem f’li ssaħħaħ l-għaqda Kristjana tagħna?

‘Minnu l-​ġisem kollu hu magħqud flimkien b’mod armonjuż u magħmul biex jikkoopera.’—EFESIN 4:16.

GĦANJIET: 53, 107

1. X’kien hemm li minn dejjem spikka fix-​xogħol t’Alla?

ĠEĦOVA u Ġesù ilhom magħqudin mill-​bidu nett tal-​ħolqien. Ġeħova ħalaq lil Ġesù qabel kull ħaġa oħra. Imbagħad, Ġesù ħadem miegħu u kien “maġenbu bħala ħaddiem tas-​sengħa.” (Proverbji 8:30) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova wkoll ikkooperaw maʼ xulxin fix-​xogħol li kellhom jagħmlu. Pereżempju, Noè u l-​familja tiegħu bnew l-​arka flimkien. Iktar tard, l-​Iżraelin ħadmu flimkien biex jibnu t-​tabernaklu, biex iżarmawh, u biex jiħduh minn post għal ieħor. Fit-​tempju, huma kantaw u daqqew strumenti mużikali flimkien biex ifaħħru lil Ġeħova b’mużika sabiħa. In-​nies taʼ Ġeħova setgħu jagħmlu dawn l-​affarijiet kollha għax ikkooperaw maʼ xulxin.—Ġenesi 6:14-​16, 22; Numri 4:4-​32; 1 Kronaki 25:1-​8.

2. (a) X’kien jispikka dwar il-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

2 Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu wkoll ikkooperaw maʼ xulxin. L-​appostlu Pawlu spjega li għalkemm kellhom abbiltajiet u inkarigi differenti, huma kienu magħqudin. Ilkoll segwew il-​Mexxej tagħhom, Ġesù Kristu. Pawlu qabbilhom maʼ ġisem li għandu ħafna partijiet imma li lkoll jaħdmu flimkien. (Aqra l-​1 Korintin 12:4-​6, 12.) Imma xi ngħidu għalina llum? Kif nistgħu nikkooperaw flimkien fl-​ippritkar, fil-​kongregazzjoni, u fil-​familja?

IKKOOPERA FL-​IPPRITKAR

3. Liema viżjoni rċieva l-​appostlu Ġwanni?

3 Fl-​ewwel seklu, l-​appostlu Ġwanni kellu viżjoni taʼ sebaʼ anġli li bdew idoqqu t-​trumbetti. Meta l-​ħames anġlu daqq it-​trumbetta tiegħu, Ġwanni ra “kewkba li kienet waqgħet mis-​sema għal fuq l-​art.” Din “il-​kewkba” użat muftieħ, jew ċavetta, biex tiftaħ il-​bieb għal ħofra fonda u mudlama. Għall-​ewwel ħareġ duħħan oħxon mill-​ħofra, u mbagħad qatgħa ġurati taret ’il barra mid-​duħħan. Dawn il-​ġurati minflok ma għamlu ħsara lis-​siġar jew lill-​pjanti, attakkaw lil dawk li “ma kinux immarkati bis-​siġill t’Alla fuq ġbinhom.” (Rivelazzjoni 9:1-​4) Ġwanni kien jaf li qatgħa ġurati tistaʼ tikkaġuna ħafna ħsara. Fil-​fatt, hekk kien ġara fl-​Eġittu fi żmien Mosè. (Eżodu 10:12-​15) Il-​ġurati li ra Ġwanni jirrappreżentaw Kristjani midlukin li kienu qed jippritkaw messaġġ qawwi kontra r-​reliġjon falza. U miljuni taʼ nies oħra li jħarsu ’l quddiem għall-​ħajja fuq l-​art ingħaqdu magħhom. Flimkien, huma magħqudin fl-​ippritkar. Dan l-​ippritkar għen lil ħafna nies jitilqu r-​reliġjon falza u jkunu ħielsa mill-​kontroll taʼ Satana.

Aħna nistgħu nippritkaw mad-​dinja kollha għax nikkooperaw flimkien

4. Liema inkarigu għandhom in-​nies tʼAlla llum, u x’inhu l-​uniku mod biex ikunu jistgħu jagħmlu dan?

4 Għandna l-​inkarigu biex nippritkaw “l-​aħbar tajba” lin-​nies mad-​dinja kollha qabel ma jasal it-​tmiem. Din hi biċċa xogħol kbira ħafna. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Għandna nistiednu lil dawk kollha “bil-​għatx” biex jixorbu “l-​ilma tal-​ħajja,” jiġifieri hemm bżonn li ngħallmu l-​verità tal-​Bibbja lil dawk kollha li jridu jifhmuha. (Rivelazzjoni 22:17) Imma nistgħu nagħmlu dan biss jekk inkunu ‘magħqudin flimkien b’mod armonjuż’ u nikkooperaw maʼ xulxin fil-​kongregazzjoni.—Efesin 4:16.

5, 6. Kif inkunu magħqudin hekk kif nippritkaw l-​aħbar tajba?

5 Biex nilħqu lil kemm jistaʼ jkun nies, għandna bżonn inkunu organizzati sew fl-​ippritkar tagħna. Id-​direzzjoni li nirċievu mill-​kongregazzjoni tagħna tgħinna nagħmlu dan. Wara li niltaqgħu għas-​servizz tal-​għalqa, noħorġu nkellmu lin-​nies dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Barra minn hekk, aħna noffrulhom pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja. Fil-​fatt, ħallejna miljuni minn dawn il-​pubblikazzjonijiet madwar id-​dinja. Kultant niġu mitluba biex nieħdu sehem f’kampanji speċjali tal-​ippritkar. Meta tagħmel dan ix-​xogħol, tkun qed tingħaqad maʼ miljuni t’oħrajn madwar id-​dinja li jkunu qed jippritkaw l-​istess messaġġ! Int qed taħdem ukoll mal-​anġli, li qed jgħinu n-​nies t’Alla biex tiġi pritkata l-​aħbar tajba.—Rivelazzjoni 14:6.

6 Kemm hu eċċitanti li naqraw fil-​Yearbook dwar ir-​riżultati tal-​ippritkar li jsir mad-​dinja kollha! Aħseb ukoll, dwar kif inkunu magħqudin madwar id-​dinja hekk kif nistiednu lin-​nies għall-​konvenzjonijiet tagħna. Hemmhekk, ilkoll nisimgħu l-​istess informazzjoni. Taħditiet, dramas, u turijiet jinkuraġġuna biex nagħtu l-​aħjar lil Ġeħova. Aħna magħqudin ukoll maʼ ħutna rġiel u nisa madwar id-​dinja kollha meta nattendu għat-​Tifkira kull sena. (1 Korintin 11:23-​26) Aħna niltaqgħu flimkien fl-​istess ġurnata, fl-​14 taʼ Nisan, wara nżul ix-​xemx biex nuru li aħna grati għal dak li Ġeħova għamel għalina u biex nobdu l-​kmand taʼ Ġesù. U fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, aħna naħdmu flimkien biex nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies ħalli jingħaqdu magħna għal din il-​ġrajja importanti.

7. Hekk kif naħdmu flimkien, xi nkunu nistgħu nagħmlu?

7 Ġurat wieħed ma tantx jistaʼ jagħmel ħsara. U persuna waħda ma tistax tipprietka lin-​nies kollha. Imma minħabba li naħdmu flimkien, aħna nistgħu ngħidu lil miljuni taʼ nies dwar Ġeħova u ngħinu lil xi wħud biex ifaħħru u jonoraw lilu.

IKKOOPERA FIL-​KONGREGAZZJONI

8, 9. (a) Pawlu liema tixbiha uża biex jgħallem lill-​Kristjani jibqgħu magħqudin? (b) Kif nistgħu nikkooperaw fil-​kongregazzjoni?

8 Pawlu spjega lill-​Efesin kif il-​kongregazzjoni hi organizzata, u hu qal li dawk kollha fil-​kongregazzjoni għandhom bżonn ‘jikbru f’kollox.’ (Aqra Efesin 4:15, 16.) Pawlu uża l-​eżempju taʼ ġisem biex jispjega li kull Kristjan jistaʼ jgħin il-​kongregazzjoni biex tibqaʼ magħquda u biex issegwi lil Ġesù, il-​Mexxej tal-​kongregazzjoni. Hu qal li l-​partijiet kollha tal-​ġisem jikkooperaw “permezz taʼ kull ġog li jagħti dak li hu meħtieġ.” Allura, kemm jekk aħna kbar u kemm jekk aħna żgħar, għandna saħħa tajba jew le, x’għandna nagħmlu b’mod individwali?

Kif tistaʼ tgħin biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda?

9 Ġesù ħatar anzjani biex imexxu fil-​kongregazzjoni, u hu jridna nirrispettawhom u nsegwu d-​direzzjoni li jagħtuna. (Ebrej 13:7, 17) Dan ma jkunx dejjem faċli biex isir. Imma nistgħu nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. L-​ispirtu qaddis tiegħu jistaʼ jgħinna nobdu kull direzzjoni li l-​anzjani jagħtuna. Apparti minn hekk, aħseb kemm nistgħu ngħinu l-​kongregazzjoni tagħna jekk inkunu umli u nikkooperaw mal-​anzjani. Il-​kongregazzjoni tagħna se tkun magħquda, u l-​imħabba tagħna għal xulxin se tissaħħaħ.

10. Il-​qaddejja ministerjali kif jgħinu l-​kongregazzjoni tkun magħquda? (Ara l-​ewwel stampa.)

10 Il-​qaddejja ministerjali wkoll jgħinu biex iżommu l-​kongregazzjoni magħquda. Huma jaħdmu iebes biex jgħinu lill-​anzjani, u aħna grati għal kulma jagħmlu. Pereżempju, il-​qaddejja ministerjali jagħmlu ċert li għandna biżżejjed pubblikazzjonijiet x’nużaw fil-​ministeru, u huma jilqgħu l-​viżitaturi li jiġu l-​laqgħat tagħna. Huma jaħdmu iebes ukoll biex iżommu s-​Sala tas-​Saltna f’kundizzjoni tajba u nadifa. Meta nikkooperaw maʼ dawn l-​aħwa, aħna nkunu magħqudin u nkunu qed naqdu lil Ġeħova b’mod organizzat.—Qabbel Atti 6:3-​6.

11. Uħud iżgħar kif jistgħu jgħinu biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda?

11 Xi anzjani ħadmu iebes ħafna fil-​kongregazzjoni għal ħafna snin. Imma forsi ma jistgħux jagħmlu daqs qabel għax l-​età qed tagħmel tagħha. Aħwa rġiel iżgħar jistgħu jgħinu. Jekk ikunu mħarrġin, jistgħu jieħdu ħsieb iktar responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. U meta l-​qaddejja ministerjali jaħdmu iebes, huma jistgħu jaqdu bħala anzjani fil-​futur. (1 Timotju 3:1, 10) Xi anzjani iżgħar għamlu saħansitra iktar progress. Issa huma qed jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet u qed jgħinu ħafna aħwa rġiel u nisa. Aħna grati meta wħud iżgħar ikunu lesti li jaqdu lil ħuthom spiritwali.—Aqra Salm 110:3; Ekkleżjasti 12:1.

IKKOOPERA FIL-​FAMILJA

12, 13. X’jistaʼ jgħin lill-​membri kollha tal-​familja biex jikkooperaw flimkien?

12 Kif nistgħu ngħinu lill-​membri tal-​familja tagħna biex nikkooperaw maʼ xulxin? Qima bħala familja kull ġimgħa tistaʼ tgħinna. Meta l-​ġenituri u t-​tfal iqattgħu ħin flimkien jitgħallmu dwar Ġeħova, l-​imħabba taʼ bejniethom issir iktar b’saħħitha. Matul dak il-​ħin, jistgħu jipprattikaw x’se jgħidu fil-​ministeru, u dan se jgħin lilhom kollha biex ikunu ppreparati aħjar. U meta jisimgħu lil xulxin jitkellmu dwar il-​verità u jaraw li l-​familja kollha tħobb lil Ġeħova u trid togħġbu, huma jersqu saħansitra eqreb taʼ xulxin.

Meta raġel u mara miżżewġin ikunu jħobbu lil Ġeħova u jaqduh flimkien, se jkunu ferħanin u magħqudin fiż-​żwieġ tagħhom

13 Raġel u mara miżżewġin kif jistgħu jikkooperaw flimkien? (Mattew 19:6) Meta t-​tnejn li huma jkunu jħobbu lil Ġeħova u jaqduh flimkien, se jkunu ferħanin u magħqudin fiż-​żwieġ tagħhom. Barra minn hekk, għandhom juru affezzjoni lejn xulxin, bħalma għamlu Abraham u Sara, Iżakk u Rebekka, u anki Elkana u Ħanna. (Ġenesi 26:8; 1 Samwel 1:5, 8; 1 Pietru 3:5, 6) Meta koppja miżżewġa tagħmel dan, tkun magħquda u tersaq eqreb lejn Ġeħova.—Aqra Ekkleżjasti 4:12.

Il-qima bħala familja tistaʼ tgħin il-kbar u ż-żgħar jersqu eqreb taʼ xulxin (Ara paragrafi 12, 15)

14. Jekk żewġek jew martek mhux taqdi lil Ġeħova, x’tistaʼ tagħmel biex iżżomm iż-​żwieġ b’saħħtu?

14 Il-​Bibbja b’mod ċar tgħid li m’għandniex niżżewġu lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova. (2 Korintin 6:14) Madankollu, hemm aħwa rġiel u nisa li mhumiex miżżewġin lil xi ħadd mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Xi wħud tgħallmu l-​verità wara li żżewġu, u s-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom fiż-​żwieġ ma saritx Xhud. Oħrajn forsi żżewġu qaddej jew qaddejja taʼ Ġeħova, imma mbagħad ir-​raġel jew il-​mara tagħhom telqet mill-​kongregazzjoni. F’dawn is-​sitwazzjonijiet, il-​Kristjani jagħmlu kulma jistgħu biex iżommu ż-​żwieġ tagħhom b’saħħtu billi jobdu l-​parir tal-​Bibbja. Dan għandu mnejn mhux dejjem ikun faċli. Pereżempju Mary u żewġha, David, qdew lil Ġeħova flimkien. Imbagħad David waqaf jattendi l-​laqgħat. Imma Mary xorta baqgħet tipprova tkun mara miżżewġa tajba u turi kwalitajiet Kristjani. Apparti minn hekk, hi għallmet lis-​sitt uliedha dwar Ġeħova u baqgħet tmur il-​laqgħat u l-​konvenzjonijiet. Snin wara, meta t-​tfal kibru u lkoll telqu mid-​dar, Mary baqgħet taqdi lil Ġeħova avolja kien ħafna aktar diffiċli għaliha. Imma mbagħad, David beda jaqra r-​rivisti li Mary kienet tħallilu. Maż-​żmien, hu reġaʼ beda jattendi xi laqgħat. In-​neputi tiegħu taʼ sitt snin dejjem refagħlu post, u jekk David ma kienx jattendi, it-​tifel kien jgħidlu, “Nannu, immissjajtek illum waqt il-​laqgħa.” David reġaʼ lura għand Ġeħova wara 25 sena, u issa hu u martu huma ferħanin li qed jerġgħu jaqdu lil Ġeħova flimkien.

15. Koppji li ilhom miżżewġin kif jistgħu jgħinu lil koppji iżgħar?

15 Satana jattakka l-​familji llum. Din hi raġuni għala raġel u mara miżżewġin u li jaqdu lil Ġeħova għandhom bżonn jikkooperaw maʼ xulxin. Ilek kemm ilek miżżewweġ, aħseb dwar dak li tistaʼ tgħid jew tagħmel biex issaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek. Jekk intom koppja li ilha miżżewġa, tistgħu tkunu eżempju tajjeb għal uħud iżgħar. Forsi tistgħu tistiednu koppja iżgħar biex tingħaqad magħkom għall-​qima bħala familja. Dawn se jaraw li tnejn li huma miżżewġin għandhom juru affezzjoni lejn xulxin u jkunu magħqudin, ilhom kemm ilhom miżżewġin.—Titu 2:3-​7.

“ĦA NITILGĦU LEJN IL-​MUNTANJA TAʼ ĠEĦOVA”

16, 17. Il-​qaddejja magħqudin t’Alla għal liema ħaġa jħarsu ’l quddiem?

16 Meta l-​Iżraelin marru għall-​festi tagħhom f’Ġerusalemm, ikkooperaw flimkien. Huma ppreparaw kulma kellhom bżonn għall-​vjaġġ. Imbagħad, ivvjaġġaw flimkien u għenu lil xulxin. Fit-​tempju, kulħadd kien ifaħħar u jqim lil Ġeħova flimkien. (Luqa 2:41-​44) Illum, hekk kif nippreparaw għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida, għandna nkunu magħqudin u nagħmlu kulma nistgħu biex nikkooperaw flimkien. Tistaʼ taħseb f’xi modi kif tistaʼ tagħmel dan saħansitra aktar?

17 In-​nies fid-​dinja ma jaqblux bejniethom u saħansitra jiġġieldu dwar ħafna affarijiet. Imma aħna grati li Ġeħova għenna biex ikollna l-​paċi u biex nifhmu l-​verità! In-​nies tiegħu madwar id-​dinja qed jaqduh bil-​mod li jrid hu. U speċjalment f’dawn l-​aħħar jiem, in-​nies taʼ Ġeħova huma iktar magħqudin minn qatt qabel. Sewwasew bħalma pprofetizzaw Isaija u Mikea, aħna se nitilgħu lejn “il-​muntanja taʼ Ġeħova” flimkien. (Isaija 2:2-​4; aqra Mikea 4:2-​4.) Kemm se nkunu ferħanin fil-​futur meta n-​nies kollha fuq l-​art ikunu ‘magħqudin flimkien b’mod armonjuż’ u jikkooperaw maʼ xulxin biex iqimu lil Ġeħova!