Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ipprova ifhem liema għajnuna prattika, appoġġ emozzjonali, u inkuraġġiment mill-Bibbja għandhom bżonn ħutek

Tistaʼ tgħin fil-kongregazzjoni tiegħek?

Tistaʼ tgħin fil-kongregazzjoni tiegħek?

QABEL ma mar lura s-​sema, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Kif kien se jkun possibbli għalihom li jippritkaw mal-​art kollha?

Martin Goodman, professur fl-​Università taʼ Oxford, jgħid li “l-​fatt li l-​Kristjani kellhom inkarigu għamilhom differenti minn gruppi reliġjużi oħra, inkluż il-​Lhud, fil-​bidu tal-​imperu Ruman.” Ġesù mar jipprietka minn post għal ieħor. Il-​Kristjani veri kellhom jimitaw l-​eżempju tiegħu u jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla” kullimkien. Kellhom ifittxu nies li riedu jkunu jafu l-​verità. (Luqa 4:43) Huwa għalhekk li fl-​ewwel seklu, kien hemm “appostli,” kelma li tfisser dawk li jintbagħtu jagħmlu xi ħaġa. (Marku 3:14) Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.”—Mattew 28:18-​20.

It-​12-​il appostlu taʼ Ġesù m’għadhomx fuq l-​art, imma ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova jimitaw l-​eżempju tagħhom fil-​ministeru. Meta jiġu mistidnin jippritkaw fejn il-​bżonn hu akbar, huma jgħidu: “Hawn jien! Ibgħat lili.” (Isaija 6:8) Xi wħud, bħalma għamlu eluf t’aħwa li ggradwaw mill-​Iskola taʼ Gilegħad, marru jgħixu f’pajjiżi mbegħdin. Oħrajn marru jaqdu f’parti oħra taʼ pajjiżhom. Ħafna wħud tgħallmu lingwa ġdida biex jgħinu kongregazzjoni jew grupp. Dan mhux dejjem kien faċli, imma dawn l-​aħwa rġiel u nisa kollha kienu lesti li jagħmlu sagrifiċċji biex juru mħabbithom għal Ġeħova u għan-​nies. Għalhekk, għamlu pjanijiet bir-​reqqa u użaw il-​ħin, l-​enerġija, u l-​flus tagħhom biex jgħinu fl-​ippritkar fejn il-​bżonn hu akbar. (Luqa 14:28-​30) Ix-​xogħol li qed jagħmlu dawn l-​aħwa hu apprezzat ħafna.

Mhux kollha nistgħu mmorru naqdu fejn il-​bżonn hu akbar jew nitgħallmu lingwa ġdida. Imma kollha nistgħu nkunu bħal missjunarji fil-​kongregazzjoni tagħna stess.

KUN MISSJUNARJU FIL-​KONGREGAZZJONI TIEGĦEK STESS

Ipprovdi għajnuna taʼ valur billi

Fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani kienu żelużi fl-​ippritkar avolja l-​biċċa l-​kbira minnhom baqgħu fir-​raħal tagħhom u ma kinux missjunarji. Pawlu qal lil Timotju: “Agħmel ix-​xogħol taʼ evanġelizzatur, wettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek.” (2 Timotju 4:5) Dan il-​kliem kien japplika għall-​ewwel Kristjani, u għadu japplika għalina llum. Il-​Kristjani kollha għandhom jobdu l-​kmand biex jippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna u jagħmlu dixxipli. U anki fil-​kongregazzjoni tagħna stess, hemm ħafna modi kif nistgħu nkunu bħal missjunarji.

Pereżempju, meta l-​missjunarji jmorru jgħixu pajjiż ieħor, l-​affarijiet ikunu differenti ħafna, u jkollhom bżonn isibu modi kif jaddattaw għat-​tip taʼ ħajja ġdida. Anki jekk ma nkunux nistgħu mmorru ngħixu fejn il-​bżonn hu akbar, nistgħu aħna nsibu modi ġodda kif nippritkaw lin-​nies? Pereżempju, fl-​1940, ħutna ġew inkuraġġiti għall-​ewwel darba biex ġurnata waħda kull ġimgħa jagħtu xhieda fit-​toroq. Ipprovajt int tagħti xhieda fit-​toroq? Qatt użajt l-​istands tal-​letteratura? Il-​punt hu dan, Lest int li tipprova metodi ġodda taʼ kif tipprietka l-​aħbar tajba?

tinkuraġġixxi lil oħrajn biex ‘jagħmlu x-xogħol taʼ evanġelizzatur’

Jekk għandek attitudni pożittiva, se tkun żeluż u entużjast fil-​ministeru. Dawk li jmorru jgħixu fejn il-​bżonn hu akbar jew li jitgħallmu lingwa ġdida spiss huma pubblikaturi kwalifikati ħafna u jistgħu jkunu t’għajnuna kbira għall-​kongregazzjoni. Pereżempju, huma minn taʼ quddiem fl-​ippritkar. Ukoll, il-​missjunarji spiss jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni sakemm l-​aħwa lokali jikkwalifikaw biex jieħdu t-​tmexxija huma. Jekk int ħu mgħammed, qiegħed ‘tirsisti,’ jiġifieri lest int li taqdi lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni tiegħek bħala qaddej ministerjali jew anzjan?—1 Timotju 3:1.

KUN ‘GĦAJNUNA LI SSAĦĦAĦ’

tagħti għajnuna prattika

Nistgħu ngħinu lill-​kongregazzjoni tagħna b’modi oħra wkoll. Ilkoll kemm aħna, kbar u żgħar, aħwa nisa u rġiel, nistgħu nkunu ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għal sħabna fit-​twemmin li huma fil-​bżonn.—Kolossin 4:11.

Jekk irridu ngħinu lil ħutna rġiel u nisa, irridu nkunu nafuhom sew. Il-​Bibbja tinkuraġġina biex “nagħtu kas xulxin,” jew biex naħsbu dwar il-​bżonnijiet taʼ ħutna rġiel u nisa meta niltaqgħu flimkien. (Ebrej 10:24) Dan ma jfissirx li għandna nipprovaw insiru nafu dettalji iktar milli jkun hemm bżonn dwar il-​ħajja persunali taʼ ħaddieħor. Ifisser li għandna nipprovaw nifhmu lil ħutna u nifhmu x’għandhom bżonn. Jistaʼ jkun li jkollhom bżonn għajnuna prattika, appoġġ emozzjonali, jew inkuraġġiment mill-​Bibbja. Huwa minnu li xi kultant anzjani u qaddejja ministerjali biss jistgħu jgħinuhom. (Galatin 6:1) Imma lkoll kemm aħna nistgħu ngħinu lil ħutna mdaħħlin fiż-​żmien, jew familji sħaħ, li qed jiffaċċjaw problemi.

toffri appoġġ emozzjonali lil dawk li qed jitħabtu maʼ problemi fil-ħajja

Salvatore rċieva dan it-​tip t’għajnuna. Minħabba problemi serji finanzjarji, kellu jbigħ in-​negozju tiegħu, id-​dar tiegħu, u ħafna affarijiet tal-​familja tiegħu. Hu inkwieta ħafna dwar il-​familja tiegħu. Familja oħra fil-​kongregazzjoni rat li kellhom bżonn l-​għajnuna. Taw lil Salvatore xi flus u għenu lilu u lil martu jsibu xogħol. Ukoll, qattgħu ħafna filgħaxijiet mal-​familja tiegħu jagħtuhom widen u jinkuraġġuhom. Saru ħbieb tal-​qalb. Issa ż-​żewġ familji għandhom memorji sbieħ taż-​żmien li qattgħu flimkien matul dak iż-​żmien diffiċli ħafna.

Il-​Kristjani veri ma jaħsbuhiex darbtejn biex jaqsmu t-​twemmin tagħhom maʼ ħaddieħor. Irridu nimitaw lil Ġesù u nħallu lil kulħadd ikun jaf dwar il-​wegħdi meraviljużi li għamel Alla. Kemm jekk nistgħu mmorru xi mkien ieħor u kemm jekk le, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jagħmel l-​almu tiegħu biex jgħin lil oħrajn fil-​kongregazzjoni tiegħu stess. (Galatin 6:10) Meta nagħtu lil ħaddieħor, se nkunu ferħanin u se ‘nkomplu nagħtu l-​frott f’kull għemil tajjeb.’—Kolossin 1:10; Atti 20:35.