ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 22
Uri li Tapprezza r-Rigali li Ma Jidhrux
‘Żomm għajnejk fuq l-affarijiet . . . li ma jidhrux. Għax dawk li jidhru huma temporanji, imma dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.’—2 KOR. 4:18.
GĦANJA 45 Il-meditazzjoni taʼ qalbi
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Ġesù x’qal dwar it-teżori fis-sema?
MHUX ir-rigali kollha nistgħu naraw. Fil-fatt, l-iktar rigali prezzjużi ma jidhrux. Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù tkellem dwar teżori fis-sema li huma ħafna aħjar minn affarijiet bħal flus. Imbagħad qal ukoll: “Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tkun qalbek ukoll.” (Mt. 6:19-21) Meta nqisu xi ħaġa prezzjuża ħafna, se nkunu rridu nakkwistawha. Aħna naħżnu “teżori fis-sema” billi jkollna reputazzjoni tajba m’Alla. Ġesù spjega li teżori bħal dawn qatt ma jistgħu jiġu meqrudin jew misruqin.
2. (a) Fi qbil mat-2 Korintin 4:17, 18, Pawlu xi jħeġġiġna nagħmlu? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 L-appostlu Pawlu jħeġġiġna biex ‘inżommu għajnejna fuq l-affarijiet . . . li ma jidhrux.’ (Aqra t-2 Korintin 4:17, 18.) Dawn l-affarijiet li ma jidhrux jinkludu l-affarijiet tajbin kollha li se jkollna fis-sistema l-ġdida. F’dan l-artiklu, se nitgħallmu dwar erbaʼ rigali li jistaʼ jkollna issa, imma li ma nistgħux narawhom. Il-ħbiberija m’Alla, ir-rigal tat-talb, l-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla, u l-għajnuna li nirċievu fil-ministeru mingħand Ġeħova, Ġesù, u l-anġli. Se nitgħallmu wkoll xi rridu nagħmlu biex nuru l-apprezzament tagħna lil Ġeħova għal dawn ir-rigali.
ĦBIBERIJA MAʼ ĠEĦOVA
3. Liema hu l-iktar rigal prezzjuż li ma jidhirx, u kif sar possibbli?
3 L-iktar rigal prezzjuż li ma jidhirx huwa l-ħbiberija tagħna m’Alla Ġeħova. (Salm 25:14) Peress li aħna nies imperfetti, Alla kif jistaʼ jkun ħabib tagħna u jibqaʼ kompletament qaddis? Hu jistaʼ jagħmel dan minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa li neħħa d-dnub tan-nies fid-dinja. (Ġw. 1:29) Anki qabel ma Ġesù miet, Ġeħova kien jaf li Ġesù kien se jkun leali sal-mewt sabiex b’hekk ikun jistaʼ jsalva lill-bnedmin. Hu għalhekk li Ġeħova setaʼ jkun ħabib man-nies li għexu qabel il-mewt taʼ Ġesù.—Rum. 3:25.
4. Agħti xi eżempji taʼ rġiel li għexu qabel Ġesù u kienu l-ħbieb t’Alla.
4 Ikkunsidra xi eżempji taʼ rġiel li għexu qabel Ġesù u li saru l-ħbieb t’Alla. Abraham kien raġel li kellu fidi kbira. Madwar elf sena wara li Abraham miet, Ġeħova sejjaħlu “l-ħabib tiegħi.” (Is. 41:8) Dan ifisser li anki meta n-nies imutu, għal Ġeħova huma xorta jkunu għadhom il-ħbieb tiegħu. Fil-memorja taʼ Ġeħova, Abraham għadu ħaj. (Lq. 20:37, 38) Eżempju ieħor hu Ġob. Meta l-anġli kollha nġabru flimkien fis-sema, Ġeħova tkellem b’fiduċja dwaru. Ġeħova sejjaħlu “raġel bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jitbiegħed mill-ħażen.” (Ġob 1:6-8) U Ġeħova kif ħassu dwar Danjel li qdieh lealment għal 80 sena f’art fejn in-nies ma kinux jaqdu lilu? Hu bagħat l-anġli tliet darbiet biex jgħidu lil Danjel li hu kien “maħbub ferm” minnu. (Dan. 9:23; 10:11, 19) Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova verament irid jirxoxta lill-ħbieb maħbubin tiegħu li mietu.—Ġob 14:15.
5. X’għandna bżonn nagħmlu biex ingawdu ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova?
5 Illum, kemm hemm nies imperfetti li qed igawdu ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova? Miljuni taʼ nies. Nafu dan minħabba li ħafna rġiel, nisa, u tfal minn madwar id-dinja qed juru bl-azzjonijiet tagħhom li jridu jkunu l-ħbieb t’Alla. Ġeħova għandu ħbiberija mill-qrib “mar-retti.” (Prov. 3:32) Minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, aħna nistgħu nkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova, niddedikaw ħajjitna lilu, u nitgħammdu. Meta nieħdu dawn il-passi importanti, aħna se ningħaqdu maʼ miljuni taʼ Kristjani li ddedikaw ħajjithom, tgħammdu, u qed igawdu ħbiberija mill-qrib mal-aqwa Persuna fl-univers!
6. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-ħbiberija tagħna m’Alla?
6 Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-ħbiberija tagħna m’Alla? Bħal Abraham u Ġob, li baqgħu leali lejn Alla għal iktar minn miet sena, aħna rridu nibqgħu leali—ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova f’din is-sistema. Bħal Danjel, aħna għandna napprezzaw il-ħbiberija tagħna m’Alla iktar mill-ħajja tagħna. (Dan. 6:7, 10, 16, 22) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nissaportu kull prova li niffaċċjaw, u b’hekk nibqgħu ħbieb tiegħu.—Flp. 4:13.
IR-RIGAL TAT-TALB
7. (a) Skont Proverbji 15:8, Ġeħova kif iħossu dwar it-talb tagħna? (b) Ġeħova kif iwieġeb it-talb tagħna?
7 Rigal ieħor li ma jidhirx hu t-talb. Ħbieb tal-qalb jieħdu pjaċir jitkellmu flimkien dwar il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. Tħossok l-istess int dwar il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova? Hu jkellimna permezz tal-Kelma tiegħu. Fiha hu jgħidilna l-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħu. Aħna nitkellmu miegħu fit-talb, u nistgħu ngħidulu dak li jkun qed jinkwetana u kif inkunu qed inħossuna. Ġeħova jieħu pjaċir jismaʼ t-talb tagħna. (Aqra Proverbji 15:8.) Bħal Ħabib li jħobbna, Ġeħova mhux biss jismaʼ t-talb tagħna imma jwieġbu wkoll. Kultant iwieġbu malajr. Imma kultant ikollna bżonn nibqgħu nitolbu. Però, nistgħu nkunu ċerti li hu jaf eżatt meta u kif għandu jwiġibna. Jistaʼ jkun li t-tweġiba tkun differenti minn dak li nkunu qed nistennew. Pereżempju, minflok ma jneħħilna l-prova li nkunu qed niffaċċjaw, hu jaf jagħtina l-għerf u s-saħħa biex ‘nissaportuha.’—1 Kor. 10:13.
8. Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għar-rigal prezzjuż tat-talb?
8 Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għar-rigal prezzjuż tat-talb? Mod wieħed hu billi nobdu d-direzzjoni taʼ Ġeħova biex ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tess. 5:17) Ġeħova ma jisforzaniex biex nitolbu. Minflok, hu jirrispetta l-libertà tagħna u jħeġġiġna biex ‘nipperseveraw fit-talb.’ (Rum. 12:12) Għalhekk, aħna nistgħu nuru l-apprezzament tagħna billi matul il-ġurnata nitkellmu miegħu spiss. Ukoll, m’għandniex ninsew nirringrazzjaw u nfaħħru lil Ġeħova fit-talb tagħna.—Salm 145:2, 3.
9. (a) Chris kif iħossu dwar it-talb? (b) Int kif tħossok dwar it-talb?
9 Meta nkunu ilna naqdu lil Ġeħova u naraw kif hu wieġeb it-talb tagħna, l-apprezzament għat-talb għandu jkompli jikber. Ejja nieħdu l-eżempju taʼ Chris, ħu li ilu fis-servizz full-time għal dawn l-aħħar 47 sena. Hu jgħid: “Kemm nieħu pjaċir inqum kmieni filgħodu biex inkun nistaʼ nitlob lil Ġeħova. Hija xi ħaġa sabiħa li titkellem maʼ Ġeħova hekk kif tkun tielaʼ x-xemx u kollox ikun jidher sabiħ! Dan iġegħelni nirringrazzjah għar-rigali kollha li tani, inkluż il-privileġġ tat-talb. Imbagħad, fl-aħħar tal-ġurnata wara li nkun tlabtu, jien inkun nistaʼ norqod b’kuxjenza nadifa.”
IR-RIGAL TAL-ISPIRTU QADDIS
10. Għala għandna napprezzaw l-ispirtu qaddis t’Alla?
10 L-ispirtu qaddis t’Alla huwa rigal ieħor li ma jidhirx u li għandna napprezzaw. Ġesù ħeġġiġna biex nibqgħu nitolbu għall-ispirtu Lq. 11:9, 13) Ġeħova juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jagħtina “qawwa iktar min-normal.” (2 Kor. 4:7; Atti 1:8) Bl-għajnuna tal-ispirtu t’Alla, aħna nistgħu nissaportu kull prova li nkunu qed niffaċċjaw.
qaddis. (11. L-ispirtu qaddis kif jistaʼ jgħinna?
11 L-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna biex inwettqu l-inkarigi tagħna fis-servizz t’Alla. Jistaʼ jgħinna wkoll intejbu l-abbiltajiet li għandna. Aħna nafu li r-riżultati tajbin li jkollna fis-servizz t’Alla huma possibbli biss minħabba li l-ispirtu tiegħu jgħinna.
12. Skont Salm 139:23, 24, li nitolbu għall-ispirtu qaddis kif jistaʼ jgħinna?
12 Mod ieħor kif nuru li l-ispirtu qaddis t’Alla hu prezzjuż għalina hu billi nitolbu lil Ġeħova jgħinna naraw jekk għandniex xi ħsibijiet ħżiena jew xewqat ħżiena f’qalbna. (Aqra Salm 139:23, 24.) Jekk nitolbu għal dan, Ġeħova, permezz tal-ispirtu qaddis, jistaʼ jgħinna niġu konxji tal-ħsibijiet jew tax-xewqat ħżiena tagħna. U jekk nindunaw li għandna waħda minn dawn in-nuqqasijiet, għandna nitolbu għall-ispirtu t’Alla biex jagħtina s-saħħa ħalli nkunu nistgħu nirreżistuha. Jekk nagħmlu dan, Ġeħova se jara li aħna ma rridu nagħmlu xejn li jwaqqfu milli jgħinna permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu.—Efes. 4:30.
13. Kif nistgħu napprezzaw iktar l-ispirtu qaddis t’Alla?
13 Aħna se napprezzaw iktar l-ispirtu qaddis meta naħsbu dwar dak li qed jagħmel bħalissa. Qabel ma Ġesù telaʼ fis-sema, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Dan hu eżatt dak li qed jiġri llum. Bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis, madwar tmien miljun u nofs qaddej taʼ Ġeħova nġabru minn madwar id-dinja. Ukoll, bħala n-nies t’Alla, aħna magħqudin flimkien bħala familja waħda minħabba li l-ispirtu t’Alla jgħinna nikkultivaw kwalitajiet sbieħ. Dawn huma l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, u r-rażan. Dawn il-kwalitajiet huma “l-frott taʼ l-ispirtu.” (Gal. 5:22, 23) X’rigal prezzjuż hu l-ispirtu qaddis!
L-GĦAJNUNA LI NIRĊIEVU MIS-SEMA FIL-MINISTERU
14. Liema għajnuna prezzjuża jkollna meta nkunu fuq il-ministeru?
14 Aħna għandna r-rigal prezzjuż li “naħdmu flimkien” maʼ Ġeħova, Ġesù, u l-anġli. (2 Kor. 6:1) Aħna nagħmlu dan kull meta nkunu qegħdin fuq il-ministeru. Pawlu qal li hu u dawk kollha li jieħdu sehem f’dax-xogħol huma: “Ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) U f’kull tip taʼ servizz li nagħtu lil Ġeħova, aħna nkunu wkoll ħaddiema sħab maʼ Ġesù. Ftakar, li wara li ta l-kmand lis-segwaċi tiegħu, “morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha,” Ġesù qal: “Jien magħkom.” (Mt. 28:19, 20) U xi ngħidu dwar l-anġli? X’barka għandna li nkunu gwidati mill-anġli meta nkunu qed naqsmu l-“aħbar tajba taʼ dejjem” maʼ dawk kollha li jgħixu fuq l-art!—Riv. 14:6.
15. Agħti eżempju mill-Bibbja li juri l-għajnuna importanti li jagħtina Ġeħova waqt il-ministeru.
15 Din l-għajnuna li nirċievu mis-sema liema affarijiet tgħinna nwettqu? Meta niżirgħu l-messaġġ tas-Saltna, xi żerriegħa taqaʼ fi qlub tajba u tikber. (Mt. 13:18, 23) Min iġiegħel lil din iż-żerriegħa tal-verità tikber u tagħti l-frott? Ġesù spjega li ħadd ma jistaʼ jkun segwaċi tiegħu jekk “ma jiġbdux il-Missier.” (Ġw. 6:44) Il-Bibbja tagħtina eżempju taʼ dan. Ftakar meta Pawlu ta xhieda lill-grupp taʼ nisa barra l-belt taʼ Filippi. Innota x’tgħid il-Bibbja dwar waħda minnhom li kien jisimha Lidja: “Ġeħova fetħilha qalbha beraħ biex taċċetta dak li kien qed jgħid Pawlu.” (Atti 16:13-15) Bħal Lidja, Ġeħova ġibed lejh miljuni t’oħrajn.
16. Min għandu jieħu l-unur meta jkollna riżultati tajbin fil-ministeru?
16 Min għandu jieħu l-unur meta jkollna riżultati tajbin fil-ministeru? Pawlu wieġeb din il-mistoqsija meta kiteb dan il-kliem dwar il-kongregazzjoni f’Korintu: “Jien ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla baqaʼ jkabbar; u b’hekk, la min iħawwel u lanqas min isaqqi m’hu xejn, imma Alla li jkabbar.” (1 Kor. 3:6, 7) Bħal Pawlu, aħna għandna dejjem nagħtu l-unur lil Ġeħova għal meta jkollna riżultati tajbin fil-ministeru.
17. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-privileġġ li “naħdmu flimkien” m’Alla, Kristu, u l-anġli?
17 Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-privileġġ li “naħdmu flimkien” m’Alla, Kristu, u l-anġli? Nistgħu nuru dan billi nieħdu kull opportunità biex naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn. Hemm ħafna modi kif nistgħu nagħmlu dan, bħal li nagħtu xhieda “pubblikament u minn dar għal dar.” (Atti 20:20) Oħrajn jieħdu pjaċir ukoll jagħtu xhieda informali. Meta jiltaqgħu maʼ xi ħadd li ma jafuhx, huma jkunu dħulin miegħu u jipprovaw jibdew konversazzjoni. Jekk il-persuna tkun trid tkompli titkellem, huma bit-tattika jdawru l-konversazzjoni fuq l-aħbar tajba tas-Saltna.
18-19. (a) Kif insaqqu ż-żerriegħa tal-verità? (b) Semmi esperjenza li turi kif Ġeħova għen lil student tal-Bibbja.
18 Bħala “ħaddiema sħab m’Alla,” aħna mhux biss irridu niżirgħu ż-żerriegħa tal-verità imma wkoll insaqquha. Meta xi ħadd juri interess, aħna rridu nerġgħu
mmorru jew niftiehmu maʼ xi ħadd ieħor biex imur hu, bit-tama li jinbeda studju tal-Bibbja. Hekk kif l-istudent jagħmel progress, aħna nkunu ferħanin meta naraw li Ġeħova qed jgħinu jbiddel il-mod kif jaħseb u jaġixxi.19 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Raphalalani, saħħar fl-Afrika t’Isfel. Hu beda jieħu pjaċir b’dak li beda jitgħallem mill-istudju tal-Bibbja. Imma kien diffiċli għalih biex jaċċetta dak li tgħid il-Kelma t’Alla dwar dawk li jikkomunikaw mal-mejtin. (Dt. 18:10-12) Bil-mod il-mod, hu ħalla lil Alla jgħinu jbiddel il-mod kif jaħsibha. Maż-żmien, hu ma baqax saħħar, minkejja li dan kien l-uniku xogħol li kellu. Raphalalani, li issa għandu 60 sena, jgħid: “Nirringrazzja lix-Xhieda taʼ Ġeħova tal-għajnuna li tawni b’diversi modi, huma anki għenuni nsib xogħol. Imma l-iktar li nirringrazzja hu lil Ġeħova talli għenni nagħmel bidliet f’ħajti, u b’hekk issa nistaʼ noħroġ fuq il-ministeru bħala Xhud mgħammed.”
20. X’int determinat li tagħmel?
20 F’dan l-artiklu aħna ddiskutejna erbaʼ rigali li ma jidhrux. L-ikbar wieħed hu l-privileġġ li għandna lil Ġeħova bħala l-aqwa Ħabib. Din il-ħbiberija tgħinna nibbenefikaw minn rigali oħra li ma jidhrux: ir-rigal tat-talb, l-għajnuna tal-ispirtu qaddis tiegħu, u l-għajnuna li nirċievu mis-sema fil-ministeru. Jalla nkunu determinati li nkabbru l-apprezzament tagħna lejn dawn ir-rigali li ma jidhrux. U jalla dejjem nirringrazzjaw lil Ġeħova li għażilna biex inkunu l-ħbieb tiegħu.
GĦANJA 145 Alla jwiegħed Ġenna tal-art
^ par. 5 Fl-artiklu taʼ qabel dan, iddiskutejna xi rigali mingħand Alla li nistgħu naraw. Dan l-artiklu se jiffoka fuq rigali li ma nistgħux naraw u kif nistgħu nuru li napprezzawhom. Dan se jgħinna wkoll biex nuru iktar apprezzament lil Ġeħova, il-Wieħed li tahomlna.
^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (1) Waqt li qed tgawdi l-ħolqien taʼ Ġeħova, oħt timmedita fuq il-ħbiberija tagħha miegħu.
^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (2) L-istess oħt, titlob lil Ġeħova għall-għajnuna biex tagħti xhieda.
^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (3) L-ispirtu qaddis jgħin lill-oħt biex ikollha l-kuraġġ u tagħti xhieda informali.
^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (4) L-oħt tagħmel l-istudju tal-Bibbja mal-mara li hi tat xhieda informali. Bl-għajnuna tal-anġli, l-oħt qed tipprietka u tagħmel dixxipli.