Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-Kristjani kemm għandhom jiħduha bis-serjetà l-għerusija?
L-għerusija hija xi ħaġa li ġġib il-ferħ, imma hija wkoll xi ħaġa serja. L-ebda Kristjan matur m’għandu jieħu l-għerusija ħafif ħafif, forsi billi jħoss li meta jrid jistaʼ jwaqqaf kollox għal xejn b’xejn. Il-perijodu taʼ l-għerusija huwa wkoll żmien meta l-għarajjes isiru jafu iktar ’il xulxin qabel ma jiżżewġu.
Meta nkunu qed niddiskutu dan is-suġġett, għandna nifhmu li drawwiet soċjali li jinvolvu ż-żwieġ, u l-passi li jwasslu għalih, ivarjaw bil-kbir f’postijiet jew żminijiet differenti. Il-Bibbja tagħtina eżempji taʼ dan.
Iż-żewġt ibniet taʼ Lot, li kien “għadu ma għarafhom ħadd” sesswalment, kienu b’xi mod għarajjes lil żewġt irġiel tal-lokal. ‘Ħtien’ Lot “kellhom jieħdu l-bniet tiegħu.” (Saydon) Madankollu l-Bibbja ma tgħidilniex għala jew kif saret l-għerusija tagħhom. Kienu adulti l-bniet taʼ Lot? Kienet tgħodd kelmithom f’li jagħżlu lil min jiżżewġu? Tgħarrsu billi ħadu xi pass fil-pubbliku? Dan aħna ma nafuhx. (Ġenesi 19:8-14) Li nafu hu li Ġakobb għamel l-arranġamenti persunali tiegħu maʼ missier Rakele biex jiżżewwiġha wara li jkun ħadimlu sebaʼ snin. Għalkemm Ġakobb tkellem dwar Rakele bħala “marti,” ma kellhom l-ebda relazzjonijiet sesswali matul dawk is-snin. (Ġenesi 29:18-21) Bħala eżempju ieħor, qabel ma setaʼ jiżżewweġ lil bint Sawl, David kellu jikseb rebħa fuq il-Filistin. Malli wettaq dak li talab minnu Sawl, David setaʼ jiżżewweġ lil bintu, Mikal. (1 Samwel 18:20-28) Dawk it-tipi “t’għerusija” kienu differenti minn wieħed għall-ieħor u minn dak li hu komuni llum f’ħafna pajjiżi.
Il-Liġi Mosajka kellha regolamenti dwar iż-żwieġ u l-għerusija. Per eżempju, raġel setaʼ jkollu iktar minn mara waħda; setaʼ jikseb divorzju għal diversi raġunijiet, għalkemm mid-dehra l-mara dan ma setgħetx tagħmlu. (Eżodu 22:16, 17; Dewteronomju 24:1-4) Raġel li jisseduċi xebba li ma kinitx għarusa kellu jiżżewwiġha jekk missierha kien jaqbel maʼ dan, u qatt ma setaʼ jiddivorzjaha. (Dewteronomju 22:28, 29) Kien hemm liġijiet oħrajn li kienu japplikaw għaż-żwieġ, bħal per eżempju, meta relazzjonijiet sesswali kellhom jiġu evitati. (Levitiku 12:2, 5; 15:24; 18:19) Liema regolamenti kellhom x’jaqsmu maʼ l-għerusija?
Mara Iżraelita għarusa kellha pożizzjoni legali differenti minn dik taʼ mara mhix għarusa; f’ċerti aspetti kienet tiġi kunsidrata li hi miżżewġa. (Dewteronomju 22:23-29; Mattew 1:18, 19) L-Iżraeliti ma setgħux jitgħarrsu jew jiżżewġu ċerti wħud minn qrabathom. Normalment dawn kienu jkunu konsangwinji, imma kien hemm xi għerusijiet u żwiġijiet li kienu projbiti minħabba d-drittijiet tal-wirt. (Levitiku 18:6-20; ara The Watchtower tal-15 taʼ Marzu, 1978, paġni 25-8.) Jidher ċar li l-qaddejja t’Alla kellhom jieħdu l-għerusija bis-serjetà.
Taħt il-Liġi, l-Iżraeliti kienu taħt numru mhux ħażin taʼ regolamenti bħal dawn, imma l-Kristjani m’humiex taħt dik il-Liġi, inkluż dawk ir-regolamenti dwar l-għerusija jew iż-żwieġ. (Rumani 7:4, 6; Efesin 2:15; Lhud 8:6, 13) Fil-fatt, Ġesù għallem li l-proċedura Kristjana normali rigward iż-żwieġ kienet differenti minn dik tal-Liġi. (Mattew 19:3-9) Xorta waħda, hu ma ċekkinx is-serjetà taż-żwieġ, u lanqas dik taʼ l-għerusija. Mela, xi ngħidu dwar is-suġġett li qed nikkunsidraw issa, l-għerusija fost il-Kristjani?
F’ħafna pajjiżi l-individwi jagħmlu l-għażla tagħhom dwar lil min se jiżżewġu. Ladarba mara u raġel iwegħdu li jiżżewġu lil xulxin, huma jiġu kunsidrati bħala għarajjes. Normalment, l-ebda pass formali ieħor ma huwa mitlub biex jistabbilixxi l-għerusija. Huwa minnu li f’xi pajjiżi hija ħaġa komuni għar-raġel li jagħti lil dik li se tkun martu ċurkett biex jissinjifika l-għerusija tagħhom. Jew hija drawwa li l-għerusija tiġi mħabbra lill-qraba u lill-ħbieb, bħal f’xi ikla tal-familja jew f’xi laqgħa soċjali żgħira oħra. Dawn huma għażliet persunali, mhux ħtiġijiet Skritturali. Dak li jifforma l-għerusija huwa l-ftehim li jsir bejn it-tnejn. a
b Element fundamentali tal-parir huwa li żwieġ Kristjan huwa permanenti.—Ġenesi 2:24; Mark 10:6-9.
Kristjan m’għandux jgħaġġel biex jidħol għal namrar, għerusija, jew żwieġ. Aħna nippubblikaw materjal ibbażat fuq il-Bibbja li jistaʼ jgħin individwi mhux miżżewġin biex jiddeċiedu jekk hux għaqli li jinbeda xi namrar jew li jittieħdu xi passi lejn l-għerusija jew iż-żwieġ.Żewġ Kristjani għandhom ikunu jafu lil xulxin sew qabel ma jibdew jaħsbu fuq l-għerusija. Kull wieħed minnhom jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Ninsab jien verament ċert rigward l-ispiritwalità u d-devozzjoni lejn Alla tal-persuna l-oħra? Nistaʼ nara lili nnifsi naqdi lil Alla maʼ dik il-persuna għal ħajti kollha? Ġejna esposti b’mod adegwat għall-karatteristiċi tal-personalità taʼ xulxin? Ninsab fiduċjuż jien li se nkunu kompatibbli għal dejjem? Nafu biżżejjed dwar l-azzjonijiet tal-passat u ċ-ċirkustanzi tal-preżent taʼ xulxin?’
Ladarba żewġ Kristjani jagħtu kelmithom għaż-żwieġ, huwa tajjeb kemm għalihom u kemm għal ħaddieħor li jistennew li issa jmiss iż-żwieġ. Ġesù wissa: “Ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le.’” (Korsiv tagħna.) (Mattew 5:37) Kristjani li jitgħarrsu għandhom jieħdu dan il-pass bis-serjetà kollha. Madankollu, jistaʼ jkun hemm każi rari fejn għarus Kristjan jistaʼ jsir jaf b’xi ħaġa serja li ma ġietx imsemmija jew li nżammet mistura qabel ma daħlu għall-għerusija. Jistaʼ jkun xi fatt sinjifikanti dwar il-passat tal-persuna l-oħra, forsi saħansitra xi att kriminali jew immorali. Il-Kristjan li jsir jaf b’dan irid jiddeċiedi x’għandu jagħmel. Forsi t-tnejn għandhom jiddiskutu l-kwistjoni bir-reqqa u jaqblu li jkomplu l-għerusija. Jew jistgħu bejniethom jiddeċiedu li jtemmu l-għerusija. Għalkemm li jsir dan għandu jkun kwistjoni persunali—mhix xi ħaġa li ħaddieħor għandu joqgħod jiddeffes fiha, jispekula dwarha, jew jiġġudikaha—din hija deċiżjoni serjissima. Mill-banda l-oħra, il-wieħed li jsir jaf bil-kwistjoni serja jistaʼ personalment iħossu mġiegħel iwaqqaf l-għerusija, saħansitra jekk il-persuna l-oħra trid li tkompli.—Ara “Questions From Readers” f’The Watchtower tal-15 taʼ Ġunju, 1975.
Hemm raġuni tajba għalli ssolvi kwistjonijiet bħal dawn qabel ma tidħol għaż-żwieġ. Ġesù qal li l-unika bażi Skritturali għal divorzju li jeħles lil dak li jkun biex jerġaʼ jiżżewweġ hija por·neiʹa, immoralità sesswali gravi min-naħa tal-persuna l-oħra fiż-żwieġ. (Mattew 5:32; 19:9) Ma qalx li kwalunkwe żwieġ legali jistaʼ jintemm bid-divorzju jekk wieħed isir jaf b’xi problema gravi jew b’xi għemil ħażin li saru qabel iż-żwieġ.
Per eżempju, fi żmien Ġesù, li wieħed ilaqqat il-marda tal-ġdiem kienet bla dubju xi ħaġa possibbli ferm. Jekk raġel Lhudi sar jaf li seħbitu kellha (taf jew ma tafx) il-ġdiem meta żżewġitu, kien ikollu bażi biex jiddivorzja? Lhudi taħt il-Liġi setaʼ b’hekk jiddivorzja, imma Ġesù ma qalx li dan kien ikun xieraq għas-segwaċi tiegħu. Ikkunsidra xi sitwazzjonijiet fi żmienna. Raġel infettat bis-sifilide, herpes ġenitali, HIV, jew xi marda serja oħra li tittieħed jistaʼ jiżżewweġ mingħajr ma juri dan. Forsi l-infezzjoni tiegħu ġiet minn xi immoralità sesswali qabel jew waqt l-għerusija. Li l-mara iktar tard issir taf dwar din il-marda jew l-immoralità tal-passat (forsi wkoll sterilità jew impotenza) ma jbiddilx il-fatt li huma issa miżżewġin. Passat immorali qabel iż-żwieġ m’huwiex bażi Skritturali biex twaqqaf iż-żwieġ iktar milli kieku l-mara kienet laqtet xi marda jew saħansitra kienet qed taħbi tqala minn xi raġel ieħor meta żżewġet. Issa huma miżżewġin u marbutin flimkien.
Huwa minnu li sitwazzjonijiet taʼ niket bħal dawn huma rari, imma dawn l-eżempji għandhom jenfasizzaw iktar il-punt bażiku: L-għerusija m’għandhiex tittieħed ħafif ħafif. Qabel u waqt l-għerusija, il-Kristjani għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex isiru jafu lil xulxin sew. Għandhom ikunu onesti dwar dak li l-persuna l-oħra trid tkun taf jew għandha dritt tkun taf. (F’xi pajjiżi l-koppji huma meħtiġin legalment li jkollhom eżami mediku qabel iż-żwieġ. Oħrajn ikunu jridu eżami mediku bħal dan għall-informazzjoni tagħhom stess.) B’hekk, il-ferħ u s-serjetà taʼ l-għerusija jservu skop onorabbli hekk kif it-tnejn jersqu lejn l-istat li hu saħansitra iktar ferrieħi u serju taż-żwieġ.—Proverbji 5:18, 19; Efesin 5:33.
[Noti taʼ taħt]
a F’xi soċjetajiet il-ġenituri għadhom jorganizzaw huma lil min uliedhom għandhom jitgħarrsu. Dan jistaʼ jsir xi ftit taż-żmien mhux ħażin qabel ma t-tnejn ikunu f’pożizzjoni biex jiżżewġu. Sadanittant huma jiġu rikonoxxuti bħala għarajjes, jew imwegħdin lil xulxin, imma għadhom m’humiex miżżewġin.
b Ara Questions Young People Ask—Answers That Work, kapitli 28-32, u Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja, kapitlu 2, pubblikati mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.