Tħobbha Int il-Ħajja?
Tħobbha Int il-Ħajja?
“ĦALLUNI nara d-dawl.” Skond rapport, dan hu l-kliem li l-poeta Taljan Giacomo Leopardi esprima eżatt qabel mewtu lil dawk li kienu qegħdin iduru bih. Dan il-kliem jissuġġerixxi kemm il-bniedem għandu xewqa disprata li jibqaʼ ħaj, u dan hu rappreżentat mid-dawl.
Din ix-xewqa li nibqgħu ħajjin hi impuls prezzjuż li jqanqal lill-biċċa l-kbira taʼ l-individwi biex jevitaw il-perikli u jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jibqgħu ħajjin. F’din il-ħaġa, il-bniedem m’huwiex differenti wisq mill-annimali, li għandhom istint qawwi taʼ sopravivenza.
Imma liema kwalità taʼ ħajja hi verament vallapena li tgħixha u tgħożżha? M’hijiex biss l-eżistenza fiżjoloġika—li sempliċement tieħu n-nifs u tiċċaqlaq. U s-sodisfazzjon ġenerali lanqas ma se jiġi billi wieħed ikollu attitudni li jipprova jakkwista kemm jiflaħ mill-ħajja. Il-filosofija Epikurea, “nieklu u nixorbu, għax għada mmutu,” ġeneralment ma ġabet kuntentizza lil ħadd. (1 Korintin 15:32) Filwaqt li l-bniedem żgur li għandu xi bżonnijiet materjali bażiċi, hu għandu wkoll interessi kulturali u soċjali, biex ma nsemmux il-bżonnijiet spiritwali relatati mal-fidi f’Esseri Suprem. B’sogħba, mijiet taʼ miljuni, jekk mhux eluf taʼ miljuni taʼ nies igawdu ftit iktar minn sempliċi eżistenza minħabba kundizzjonijiet soċjali u ambjentali miżerabbli f’ħafna pajjiżi tad-dinja. Kulmin jillimita lilu nnifsu primarjament biex jissodisfa l-bżonnijiet fiżiċi tiegħu—jiekol, jixrob, jikseb affarijiet materjali, jew jissodisfa x-xewqat sesswali—ftit jew wisq ikun qed jgħix ħajja bħal dik t’annimal, li ftit li xejn iġġiblu kuntentizza. Fil-fatt, nies bħal dawn ma jagħmlux użu mir-riżorsi iktar sinjifikanti li toffri l-ħajja biex jiġu ssodisfati l-intellett u l-emozzjonijiet tal-bniedem. Iktar minn hekk, kulmin ifittex li jissodisfa sempliċement ix-xewqat egoistiċi tiegħu mhux biss ikun qed jonqos li jibbenefika bl-aħjar mod mill-ħajja imma jkun qiegħed ukoll jagħmel dannu lis-soċjetà fejn jgħix, u ma jkunx qed jippromwovi l-interessi t’oħrajn.
Biex jikkonferma dan, imħallef li jittratta kawżi taʼ żgħażagħ li jiksru l-liġi jgħid li “l-kriżi tal-valuri, it-tifħir li jingħata lil dawk li suppost jagħtu eżempju tajjeb, u s-suċċess taʼ dawk li jsiru sinjuri malajr” għandhom it-tendenza li “jippromwovu spirtu esaġerat taʼ kompetizzjoni.” Dan iwassal għal imġiba li hi taʼ dannu għas-soċjetà u distruttiva għaż-żgħażagħ, speċjalment meta jagħtuha għad-droga.
Kulħadd jaf kemm il-ħajja toffri affarijiet li jħajruk—btajjel f’postijiet affaxxinanti, qari jew riċerki interessanti, kumpanija pjaċevoli, mużika sabiħa. U hemm attivitajiet oħrajn li jġibu sodisfazzjon, kemm jekk ħafna u kemm jekk ftit. Dawk li għandhom fidi qawwija f’Alla, u partikolarment f’dak Alla tal-Bibbja, Jehovah, iktar għandhom għalfejn iħobbuha l-ħajja. Il-fidi vera hija sors taʼ saħħa u serenità li tistaʼ tgħin Lhud 13:6) Nies li huma midħla taʼ l-imħabba t’Alla jħossu li hu jħobbhom. Huma jwieġbu għall-imħabba tiegħu, u b’hekk jiksbu ferħ kbir minnha. (1 Ġwann 4:7, 8, 16) Huma jistgħu jgħixu ħajja attiva u altruista li hija sors taʼ sodisfazzjon. Hu sewwa sew bħalma qal Ġesù Kristu: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35.
lin-nies ikampaw waqt żminijiet diffiċli. Dawk li jemmnu f’dak Alla veru jistgħu b’fiduċja jgħidu: “Il-Mulej l-għajnuna tiegħi: jien ma nibżax.” (B’sogħba, hemm aspett ieħor tal-ħajja preżenti. F’kull rokna tad-dinja hemm is-sofferenza, l-inġustizzja, il-faqar, il-mard, u l-mewt—biex insemmu biss ftit mill-fatturi taʼ wġigħ li, taʼ spiss, il-ħajja jagħmluha kważi intollerabbli. Is-Sultan Salamun tal-ġens taʼ Iżrael tal-qedem, li kien raġel għani, potenti, u għaref, ma kien jonqsu xejn mir-riżorsi li jistgħu jagħmlu lin-nies ferħanin. Madankollu, kellu xi ħaġa tinkwetah—beda jirrealizza li meta jmut dak kollu li “ħadem bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess” għalih kien se jħallih lil ħaddieħor.—Koħèlet 2:17-21.
Il-biċċa l-kbira tan-nies, bħal Salamun, huma konxji dwar kemm hi qasira l-ħajja, u kif tgħaddi qisha ħolma. L-Iskrittura tgħid li Alla poġġa “l-ħsieb taʼ l-eternità” f’moħħna. (Ekkleżjażti 3:11, Karm Żammit) Dan is-sens taʼ l-eternità jqanqal lill-bniedem biex jimmedita fuq kemm hi qasira l-ħajja. Fl-aħħar mill-aħħar, meta wieħed ma jsibx tweġibiet konvinċenti taʼ xi jfissru l-ħajja u l-mewt, jistaʼ jibda jħossu mtaqqal b’sentimenti taʼ pessimiżmu u frugħa. Dan jistaʼ jagħmel il-ħajja veru taʼ dwejjaq.
Jeżistu tweġibiet għall-mistoqsijiet kollhom ansjetà tal-bniedem? Qatt se jkun hemm kundizzjonijiet li jagħmlu l-ħajja iktar attraenti u dejjiema?