Il-Fidi Tistaʼ Tbiddillek Ħajtek
“M’GĦANDI l-ebda dubju li hu possibbli li jkollok valuri tajbin, anki jekk ma tkunx temmen f’Alla.” Hekk sostniet waħda mara anjostika. Din qalet li hi kienet rabbiet lil uliedha b’valuri morali għoljin, u iktar tard dawn ukoll kienu rabbew lit-tfal tagħhom bi prinċipji għoljin simili—ilkoll mingħajr fidi f’Alla.
Ifisser dan li m’hemmx bżonn li jkollna fidi f’Alla? Mid-dehra din il-persuna hekk kienet taħseb. U huwa veru li min ma jemminx f’Alla mhux bilfors ikun ħażin. L-appostlu Pawlu tkellem dwar il-“pagani” li ma jafux lil Alla imma “jagħmlu bl-istint naturali tagħhom dawk l-opri li titlob il-Liġi.” (Rumani 2:14) Il-bnedmin kollha—inkluż l-anjostiċi—twieldu b’kuxjenza. Ħafna jipprovaw jimxu skond dak li tgħidilhom il-kuxjenza saħansitra jekk ma jkunux jemmnu f’dak Alla li tahom is-sens tat-tajjeb u l-ħażin li twieldu bih.
Madankollu, fidi soda f’Alla—waħda li tkun ibbażata fuq il-Bibbja—hija forza li ġġagħlek tagħmel it-tajjeb ferm iktar qawwija milli hi l-gwida tal-kuxjenza waħedha. Fidi bbażata fuq il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tinforma lill-kuxjenza u tagħmilha iktar sensittiva f’li tagħraf it-tajjeb mill-ħażin. (Lhud 5:14) Iktar minn hekk, il-fidi ssaħħaħ lil dak li jkun biex jibqaʼ jżomm prinċipji għoljin meta jiffaċċja pressjoni enormi. Per eżempju, matul is-seklu 20, ħafna pajjiżi ġew taħt il-poter taʼ gvernijiet politiċi korrotti, li ġagħlu lil uħud li mid-dehra kienu nies taʼ prinċipju jikkommettu krudeltajiet terribbli. Madankollu, dawk li kellhom fidi vera f’Alla rrifjutaw li jikkompromettu l-prinċipji tagħhom, saħansitra jekk dan kien taʼ riskju għal ħajjithom. Barra minn hekk, fidi bbażata fuq il-Bibbja tistaʼ tbiddel lin-nies. Tistaʼ tirbaħ lura ħajjiet li jkunu jidhru li m’hemmx tama għalihom u tgħin lin-nies jevitaw żbalji serji. Ikkunsidra xi ftit eżempji.
Il-Fidi Tistaʼ Tbiddel il-Ħajja tal-Familja
“Permezz tal-fidi tagħkom irnexxielkom tagħmlu l-impossibbli.” Hekk qal imħallef Ingliż meta ta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kustodja tat-tfal taʼ John u Tania. Meta l-awtoritajiet ħadu f’idejhom il-każ taʼ John u Tania, dawn ma kinux miżżewġin u l-ħajja fid-dar tagħhom kienet tinsab fi stat terribbli. John, li kellu l-problema tad-drogi u l-vizzju tal-logħob, kien irrikorra għall-kriminalità biex iġib il-flus li kellu bżonn biex jagħmel tajjeb għall-vizzji tiegħu. Kien ittraskura lil uliedu u lil ommhom. Allura, liema “miraklu” kien seħħ?
Jum fost l-oħrajn, John semaʼ liċ-ċkejken neputih jitkellem dwar il-Ġenna taʼ l-art. Dan qanqallu l-kurżità, u mar jistaqsi lill-ġenituri tat-tifel. Il-ġenituri huma Xhieda taʼ Jehovah, u dawn għenu lil John jitgħallem dwarha minn fuq il-Bibbja. Bil-ftit il-ftit, John u Tania żviluppaw fidi bbażata fuq il-Bibbja, u din biddlitilhom ħajjithom. Huma llegalizzaw l-unjoni tagħhom billi żżewġu, u għelbu l-vizzji li kellhom. L-awtoritajiet li spezzjonaw id-dar tagħhom sabu xi ħaġa li kienet tidher impossibbli sa ftit taż-żmien qabel—familja hienja f’dar nadifa, post aċċettabbli biex fih jitrabbew it-tfal. L-imħallef kellu raġun jattribwixxi dan il-“miraklu” lill-fidi ġdida taʼ John u Tania.
Eluf taʼ mili ’l bogħod mill-Ingilterra, mara miżżewġa żagħżugħa fil-Lvant Qarib kienet waslet biex tibda tagħmel parti minn statistika tassew tal-biki. Kienet qed tippjana biex tingħaqad mal-miljuni kull sena li ż-żwieġ tagħhom jintemm f’divorzju. Hi kellha tarbija, però żewġha kien ħafna akbar minnha. Għal din ir-raġuni, qrabatha kienu qed iħeġġuha biex tiddivorzjah, u fil-fatt kienet diġà bdiet tagħmel arranġamenti għal dan. Madankollu, hi kienet qed tistudja l-Bibbja maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Meta x-Xhud saret taf bis-sitwazzjoni, hi spjegat dak li tgħid il-Bibbja dwar iż-żwieġ—per eżempju, li ż-żwieġ hu għotja mingħand Alla u m’huwiex bħal xi ħaġa li x’ħin tixbaʼ minnha tarmiha. (Mattew 19: 4-6, 9, Karm Żammit) Il-mara ħasbet bejnha u bejn ruħha, ‘Dan kif inhu li dil-mara, mara barranija, qed tipprova ssalva l-familja tagħna waqt li dawk li huma qrib tiegħi jriduni nkissirha?’ Il-fidi ġdida li bdiet tħaddan għenitha biex tippreserva ż-żwieġ tagħha.
Statistika traġika oħra li teffettwa l-ħajja tal-familja għandha x’taqsam maʼ l-abort. Rapport tal-Ġnus Magħquda jikkalkula li kull sena jsir abort volontarju fuq minn taʼ l-inqas 45 miljun tarbija mhix imwielda. Kull każ minn dawn huwa traġedja. L-għarfien tal-Bibbja għen lil mara fil-Filippini biex tevita li tikkontribwixxi għal din l-istatistika.
Din il-mara ġiet kuntattjata mix-Xhieda taʼ Jehovah, aċċettat browxer biex jgħinha fl-istudju tal-Bibbja bit-titlu Alla X’Jirrikjedi Minna?, a u bdiet tistudja l-Bibbja. Wara li kienu għaddew ix-xhur, hi spjegat għala kienet għamlet hekk. Il-mara kienet tqila meta x-Xhieda marru għandha l-ewwel darba, imma hi u żewġha kienu ddeċidew li tagħmel abort. Madankollu, l-istampa tat-tarbija mhux imwielda li hemm f’paġna 24 tal-browxer messitilha qalbha lil din il-mara. Maġenb l-istampa hemm spjegazzjoni bbażata fuq il-Bibbja dwar kemm hi sagra l-ħajja, għaliex ‘għand Alla hemm l-għajn tal-ħajja,’ u dan ipperswadieha biex iżżomm it-tarbija tagħha. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Issa hi omm taʼ tarbija gustuża u f’saħħitha.
Il-Fidi Tgħin lil Uħud Mistmerra
Fl-Etjopja, żewġt irġiel lebsin ilbies fqir attendew għal waħda mil-laqgħat għall-qima li jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah. Wara li spiċċat il-laqgħa, wieħed mix-Xhieda mar fuqhom u introduċa ruħu b’mod dħuli. L-irġiel talbuh xi ħaġa tal-flus. Ix-Xhud ma tahomx flus, imma xi ħaġa ferm aħjar. Hu inkuraġġiehom biex jiżviluppaw fidi f’Alla, xi ħaġa li “tiswa aktar mid-deheb.” (1 Pietru 1:7) Wieħed minnhom irreaġixxa b’mod favorevoli u beda jistudja l-Bibbja. Dan biddillu ħajtu. Hekk kif il-fidi tiegħu kompliet tikber, hu qataʼ t-tipjip, ix-xorb, l-immoralità, u waqaf juża l-khat (stimulant li jwasslek biex issir dipendenti fuqu). Hu tgħallem kif imantni lilu nnifsu minflok ma jittallab, u issa qed jgħix ħajja nadifa u produttiva.
Fl-Italja, raġel taʼ 47 sena kien ġie sentenzjat għal 10 snin ħabs u kien qed jinżamm fi sptar
mentali għall-priġunieri. Wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, li għandu l-permess jidħol f’istituzzjonijiet fejn jinżammu l-priġunieri biex jagħti għajnuna spiritwali, studja l-Bibbja miegħu. Ir-raġel ma damx ma għamel progress. Il-fidi tant biddlitlu ħajtu li priġunieri oħrajn issa jmorru għandu biex jagħtihom pariri dwar kif jittrattaw il-problemi tagħhom. Il-fidi tiegħu bbażata fuq il-Bibbja għenitu jirbaħ ir-rispett, l-istima, u l-fiduċja taʼ l-awtoritajiet tal-ħabs.Fi snin reċenti, il-gazzetti rrapportaw dwar il-gwerer ċivili fl-Afrika. Fost l-iktar stejjer li jkexkxu hemm dawk dwar subien żgħar li jiġu mħarrġin bħala suldati. Lil dawn it-tfal jiddrogawhom, jgħallmuhom isiru ħorox, u jġagħluhom jagħmlu affarijiet tassew makabri kontra qrabathom stess biex b’hekk ikunu ċerti li l-lealtà tagħhom tkun biss lejn il-grupp li għalih ikunu qed jiġġieldu. Hija fidi bbażata fuq il-Bibbja b’saħħitha biżżejjed biex tbiddel il-ħajjiet taʼ tfal bħal dawn? Minn taʼ l-inqas f’żewġ każi, ir-risposta kienet iva.
Alex kien abbati fil-Knisja Kattolika ġewwa l-Liberja. Imma meta kellu 13-il sena, hu ngħaqad maʼ grupp ġellied u sar suldat tifel infami. Biex ikun kuraġġuż fil-gwerra, hu beda juża s-seħer. Alex ra lil ħafna minn sħabu jinqatlu, imma hu baqaʼ ħaj. Fl-1997, iltaqaʼ max-Xhieda taʼ Jehovah u sab li dawn ma kellhom ebda stmerrija lejh. Minflok, huma għenuh jitgħallem dak li tgħid il-Bibbja dwar il-vjolenza. Alex telaq mill-armata. Hekk kif il-fidi tiegħu bdiet tikber, hu obda l-kmand tal-Bibbja: “Imma ħalli jdur lil hinn minn dak li huwa ħażin u jagħmel dak li huwa tajjeb; ħalli jfittex il-paċi u jsus warajha.”—1 Pietru 3:11, NW.
Sadanittant, fil-belt fejn kien joqgħod Alex wasal Samson, li qabel kien suldat tifel. Hu darba kien fil-kor imma fl-1993 sar suldat u beda jinvolvi ruħu fl-abbuż mid-drogi, fl-ispiritiżmu, u fl-immoralità. Fl-1997 inħeles mis-servizz militari. Samson kien fi triqtu lejn il-Monrovja biex jingħaqad maʼ forza tas-sigurtà speċjali meta ħabib tiegħu pperswadieh biex jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, u b’riżultat taʼ dan, hu żviluppa fidi bbażata fuq il-Bibbja. Dan tah il-kuraġġ biex jabbanduna t-tendenzi aggressivi tiegħu għall-gwerra. Kemm Alex u kemm Samson issa jgħixu ħajjiet paċifiċi u morali. Jistaʼ qatt ikun hemm xi ħaġa oħra ħlief fidi bbażata fuq il-Bibbja li tistaʼ tbiddel ħajjiet li kienu ħraxu daqshekk?
Ix-Xorta taʼ Fidi li Għandu Jkollna
Dawn huma ftit biss mill-ħafna u ħafna eżempji li jistgħu jissemmew biex jintwera ċar x’qawwa għandha fidi ġenwina bbażata fuq il-Bibbja. M’għandniex xi ngħidu, mhux kulmin jgħid li jemmen f’Alla jgħix skond il-prinċipji għoljin tal-Bibbja. Veru, xi atei għandhom mnejn jgħixu ħajja aħjar minn xi wħud li jgħidu li huma Kristjani. Dan hu minħabba li fidi bbażata fuq il-Bibbja tinvolvi iktar milli sempliċement issostni li temmen f’Alla.
L-appostlu Pawlu lill-fidi sejħilha “l-istennija assigurata t’affarijiet ittamati, it-turija evidenti taʼ realtajiet għalkemm ma jintlemħux.” (Lhud 11:1, NW) Għalhekk, il-fidi tinkludi twemmin sod—ibbażat fuq evidenza li ma tistax tiġi miċħuda—f’affarijiet li ma jidhrux. Tinvolvi b’mod speċjali li wieħed ma jkollu assolutament ebda dubju li Alla jeżisti, li hu interessat fina, u li se jbierek lil dawk li jagħmlu r-rieda tiegħu. L-appostlu qal ukoll: “Kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh [“bis-serjetà,” NW].”—Lhud 11:6.
Kienet din ix-xorta taʼ fidi li biddlet il-ħajjiet taʼ John, Tania, u l-oħrajn imsemmijin f’dan l-artiklu. Din wasslithom biex iduru b’fiduċja sħiħa lejn il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, għall-gwida biex jagħmlu d-deċiżjonijiet. Għenithom biex jagħmlu sagrifiċċji temporanji sabiex ma jagħżlux it-triq li tkun ħażina għalkemm ikun jaqblilhom. Minkejja kemm dawn l-esperjenzi veri kienu differenti minn xulxin, kollha kellhom l-istess bidu. Xi ħadd mix-Xhieda taʼ Jehovah studja l-Bibbja maʼ dawn l-individwi, u b’riżultat taʼ dan bdew jesperjenzaw kemm hu veru dak li tgħid il-Bibbja: “Il-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) Il-qawwa tal-Kelma t’Alla għenet lil kull individwu jibni l-fidi qawwija li biddlitlu ħajtu għall-aħjar.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma attivi f’iktar minn 230 pajjiż u gżira. Huma jistidnuk biex taċċetta studju tal-Bibbja. Għala? Għaliex huma konvinti li fidi bbażata fuq il-Bibbja tistaʼ ttejjeb bil-kbir il-ħajja tiegħek ukoll.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampi f’paġna 3]
Fidi bbażata fuq il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet għall-aħjar
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 2]
Title card of Biblia nieświeska by Szymon Budny, 1572