Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Se Jiftakar Fik Jehovah?

Kif Se Jiftakar Fik Jehovah?

“FTAKAR fija, O Alla tiegħi.” Neħemija kemm-il darba ssupplika lil Alla b’dan il-​kliem. (Neħemija 5:19; 13:​14, 31) Hija xi ħaġa normali li n-​nies meta jkunu f’xi sitwazzjoni diffiċli, iduru lejn Alla b’espressjonijiet kollhom ħrara bħal din.

Iżda, huma x’ikollhom f’moħħhom meta jitolbu lil Alla biex jiftakar fihom? B’mod ċar, huma jittamaw li Alla jagħmel iktar milli sempliċement jiftakar isimhom. Bla dubju huma jittamaw bl-​istess mod kif ittama wieħed mill-​kriminali li ngħata l-​mewt maʼ Ġesù. Kuntrarju għall-​ieħor, dan talab bil-​ħniena lil Ġesù: “Ftakar fija meta tidħol fis-​Saltna tiegħek.” Hu ma riedx biss li Ġesù jiftakar min kien, imma li jagħmel ukoll xi ħaġa għalih—li jirxoxtah.—Luqa 23:42.

B’mod konsistenti, il-​Bibbja turi li għal Alla t-​terminu ‘li tiftakar’ ifisser li tieħu azzjoni pożittiva. Per eżempju, wara li l-​art kienet ilha taħt l-​ilma għal 150 ġurnata, “Alla ftakar f’Noè . . . u Alla qajjem riħ fuq l-​art, u l-​ilmijiet bdew jonqsu.” (Ġenesi 8:1) Sekli wara, Sansun, li kien agħma u miżmum fi ktajjen bħal ilsir mill-​Filistin, talab: “Mulej, Sidi, ftakar fija! Agħtini l-​forza, mqar għal din id-​darba.” Jehovah ftakar f’Sansun billi tah saħħa sovrumana biex ikun jistaʼ jivvendika ruħu mill-​għedewwa t’Alla. (Mħallfin 16:​28-30) Inkwantu għal Neħemija, Jehovah bierek l-​isforzi tiegħu, u l-​qima vera ġiet restawrata f’Ġerusalemm.

“Kull ma nkiteb fl-​Iskrittura fl-​imgħoddi, nkiteb għat-​tagħlim tagħna, biex bis-​sabar u bil-​faraġ li tagħtina l-​Iskrittura, aħna jkollna t-​tama,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Rumani 15:4) Jekk niftakru f’Jehovah billi nfittxu li nagħmlu r-​rieda tiegħu, bħalma għamlu l-​qaddejja leali tiegħu fil-​passat, nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jiftakar fina billi jgħinna niksbu l-​bżonnijiet tagħna taʼ kuljum, billi jagħtina l-​għajnuna tiegħu meta nkunu għaddejjin minn xi prova, u billi jeħlisna meta jġib il-​ġudizzju tiegħu fuq dawk li jiċħduh.—Mattew 6:33; 2 Pietru 2:9.