Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Suċċess Permezz tal-Perseveranza

Suċċess Permezz tal-Perseveranza

IL-​PERSEVERANZA saret kwalità rari fi żmienna. Ħafna nies jemmnu li s-​suċċess huwa iktar marbut maʼ li tkun fil-​post xieraq u fil-​ħin xieraq milli mal-​perseveranza. Min jistaʼ jagħtihom tort? Il-​mezzi taʼ l-​aħbarijiet huma miżgħudin b’reklami li jaħdmu fuq is-​subkonxju biex jagħtuk l-​impressjoni li kważi dak kollu li trid tistaʼ tiksbu bl-​inqas sforz u bi ftit iktar flus. Il-​gazzetti kontinwament jippubblikaw għadd taʼ stejjer dwar uħud li jagħmlu suċċess mil-​lejl għan-​nhar u dwar żgħażagħ li huma ġenji fin-​negozju u li jibdew igeddsu l-​miljuni appena joħorġu mill-​iskola.

Il-ġurnalista Leonard Pitts jilmenta: “F’soċjetà ossessjonata bl-​intellettwalità, tidher ħaġa faċli ħafna . . . Tidher bħala xi ħaġa li kulħadd jistaʼ jagħmilha jekk sempliċement jifhem x’għandu jagħmel, ikollu l-​abbiltà, jew jekk jirċievi għajnuna divina.”

X’Inhi l-​Perseveranza?

Li tippersevera jfisser li ‘żżomm b’mod sod u sħiħ maʼ xi skop, stat, jew li tidħol għal xi ħaġa minkejja l-​ostakli u d-​diffikultajiet.’ Jimplika li tkompli b’rieda qawwija minkejja avversità, li tkun determinat, li ma taqtax qalbek. Il-​Bibbja tenfasizza l-​importanza taʼ din il-​kwalità. Per eżempju, il-​Kelma t’Alla twissina: “[“Ibqgħu,” NW] mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna,” “[“ibqgħu,” NW] ħabbtu u jiftħulkom,” “itolbu bla waqfien,” u “żommu sħiħ dak li hu tajjeb.”—Mattew 6:33; Luqa 11:9; Rumani 12:12; 1 Tessalonkin 5:​21, Karm Żammit.

Aspett importanti tal-​perseveranza huwa li tkampa maʼ diffikultajiet li ma tkunx tistaʼ tiskansahom. Proverbji 24:16 jgħid: “Mqar jekk il-​ġust jaqaʼ sebaʼ darbiet, dejjem jerġaʼ jqum.” (Korsiv tagħna.) Minflok ma jċedi meta jiltaqaʼ maʼ xi diffikultà jew falliment, individwu li jippersevera pjuttost ‘iqum,’ ‘jibqaʼ,’ u jerġaʼ jipprova.

Iżda, ħafna m’humiex preparati għad-​diffikultajiet u l-​fallimenti li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Billi qatt ma jkunu żviluppaw ir-​rieda biex jipperseveraw, huma faċilment jaqtgħu qalbhom. “Hemm wisq nies li jirreaġixxu għal falliment b’mod li jġib ħsara fuqhom infushom,” josserva l-​kittieb Morley Callaghan. “Huma joqogħdu jitħassru lilhom infushom, iwaħħlu f’kulħadd, jimtlew stmerrija u . . . jċedu.”

X’ħasra! “Ninsew,” jiġbed l-​attenzjoni Pitts, “li hemm raġuni għalfejn għandna ngħaddu minn prova, li nistgħu nsibu xi ħaġa siewja fl-​avversità.” Liema ħaġa siewja? Hu jikkonkludi: “[Wieħed] jitgħallem li falliment la huwa fatali u lanqas telfa eterna. Wieħed jikseb għarfien fil-​fond. Wieħed ikun preparat.” Il-​Bibbja tpoġġiha b’mod sempliċi: “Kull xogħol fih il-​qligħ.”—Proverbji 14:23.

M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex dejjem faċli biex terġaʼ tieħu r-​ruħ wara xi intopp. Xi kultant inħabbtu wiċċna maʼ ċerti sfidi li qishom iġibu fix-​xejn kull sforz li nagħmlu biex negħlbuhom. Iżjed minn hekk, minflok ma noqorbu iktar lejn il-​miri tagħna, dawn jibqgħu jidhru dejjem iktar ’il bogħod. Nistgħu nħossuna megħlubin, li m’aħniex kapaċi, u nsiru skuraġġiti, saħansitra mdejqin. (Proverbji 24:10) Madankollu, il-​Bibbja tinkuraġġixxi: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.” (Korsiv tagħna.)—Galatin 6:9.

X’Jistaʼ Jgħinna Nipperseveraw?

L-​ewwel pass biex nipperseveraw fil-​korsa li nagħżlu huwa li nagħmlu miri siewja u li jkunu jistgħu jintlaħqu. Ċertament li l-​appostlu Pawlu fehmu dan. Huwa qal lill-​Korintin: “Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-​addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-​vojt.” Pawlu kien jaf li jekk ried li l-​isforzi tiegħu jkunu taʼ suċċess, kellu bżonn miri ċari, bħal ġerrej li jitfaʼ l-​attenzjoni kollha tiegħu fuq li jispiċċa t-​tellieqa. “Ma tafux li l-​ġerrejja fl-​istadju kollha jiġru, imma l-​premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh,” ħeġġiġhom hu. (1 Korintin 9:​24, 26) Kif nistgħu nagħmluh dan?

“Min jilħaqlu jqis il-​mixi tiegħu,” jgħid Qwiel 14:15 (Saydon). Huwa għaqli li minn żmien għal żmien nerġgħu neżaminaw l-​istrateġiji tagħna fil-​ħajja, billi nistaqsu lilna nfusna fejn se jwassluna dawn u jekk hemmx bżonn li nagħmlu xi aġġustamenti. Huwa vitali li jkollna ċar f’moħħna x’irridu nwettqu u għala. It-​tendenza li nċedu tkun inqas jekk inżommu stampa ċara f’moħħna taʼ fejn irridu naslu. “Żomm għajnejk dritti quddiemek,” iħeġġeġ il-​proverbju ispirat, sabiex “triqatek kollha [jistgħu] jkunu tajba.”—Proverbji 4:​25, 26.

Wara li tkun rajt x’inhuma l-​miri tiegħek, il-​pass li jkun imiss hu li tanalizza kif se tilħaqhom. Ġesù staqsa: “Min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-​ewwelnett iqis in-​nefqa”? (Luqa 14:28) Fi qbil maʼ dan il-​prinċipju, espert fis-​saħħa mentali osserva: “Waħda mill-​affarijiet li nnotajt dwar nies taʼ suċċess hija li huma għandhom fehma ċara tar-​relazzjoni bejn il-​kawża u l-​effett fil-​ħajja tagħhom. Nies li jagħmlu suċċess jifhmu li jekk iridu xi ħaġa, iridu jagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex jakkwistawha.” Il-​fatt li jkollna fehma ċara tal-​passi neċessarji kollha li rridu nieħdu biex niksbu dak li rridu se jgħinna nżommu lilna nfusna ffokati. Se jagħmilha wkoll eħfef għalina biex nerġgħu niġu f’tagħna jekk insibu xi intopp. Analisi bħal din kienet fundamentali għas-​suċċess taʼ Orville u Wilbur Wright.

Għaldaqstant, meta jinqalgħu xi diffikultajiet, agħmel l-​almu tiegħek biex tħares lejhom minn angolu pożittiv u bħala xi ħaġa li tistaʼ titgħallem minnha. Analizza s-​sitwazzjoni, ifhem x’għamilt ħażin, u mbagħad ikkoreġi l-​iżball jew irranġa d-​dgħjufija. Se jgħin ukoll jekk titkellem m’oħrajn, ladarba l-​“ħsibijiet jirnexxu bil-​parir tajjeb.” (Proverbji 20:18) Naturalment, maʼ kull sforz, tkun qed tiżviluppa iktar l-​abbiltà u l-​kapaċità tiegħek, u b’hekk tkun qed tgħin lilek innifsek biex ikollok suċċess.

It-tielet aspett essenzjali tal-​perseveranza huwa azzjoni konsistenti. L-​appostlu Pawlu jħeġġiġna: “Wasalna fejn wasalna fil-​progress tagħna, ejjew inkomplu mexjin bl-​ordni b’din l-​istess rutina.” (Filippin 3:​16, NW) Bħalma poġġieha wieħed edukatur, “il-​moderazzjoni u l-​konsistenza tul perijodu taʼ żmien jipproduċu riżultati sinjifikanti.” Il-​ħrafa popolari taʼ Esopu dwar il-​fenek u l-​fekruna tagħtina stampa ċara taʼ dan. Il-​fekruna rebħet it-​tellieqa, avolja l-​fenek kien jgħaġġel ferm iktar minnha. Għala? Għaliex il-​fekruna kellha attitudni soda u dixxiplinata. Ma qatgħetx qalbha iżda għażlet pass li bih setgħet b’mod realistiku tlaħħaq mal-​fenek, u baqgħet għaddejja b’dan il-​pass sat-​tmiem tat-​tellieqa. Ladarba individwu organizzat u sod jagħmel progress konsistenti, jibqaʼ motivat, u b’hekk ikollu inqas probabbiltà li jaqtaʼ qalbu jew li jispiċċa barra mit-​tellieqa. Iva, ‘iġri’ b’tali mod li tilħaq il-​mira tiegħek.

Nagħżlu Miri Siewja

M’għandniex xi ngħidu, biex il-​perseveranza jkollha xi valur, irridu nagħmlu miri siewja. Ħafna nies jistinkaw għal affarijiet li ma jġibux ferħ. Imma l-​Bibbja tgħidilna: “Dak li jgħarbel sewwa l-​liġi perfetta tal-​ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, . . . hieni dan fl-​għemil tiegħu.” (Ġakbu 1:25) Iva, li nistudjaw biex nifhmu l-​liġi t’Alla kif inhi mniżżla fil-​Bibbja hija mira verament siewja. Għala? Raġuni essenzjali hija li l-​liġi t’Alla hija bbażata fuq il-​livelli perfetti u taʼ tjieba tiegħu. Bħala l-​Ħallieq, hu jaf x’inhu l-​aħjar għall-​ħlejjaq tiegħu. Għalhekk, jekk nippersistu f’li nitgħallmu l-​istruzzjonijiet t’Alla u f’li napplikawhom f’ħajjitna, persistenza bħal din żgur li se ġġibilna ferħ. “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, . . . fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek,” iwiegħed Proverbji 3:​5, 6.

Barra minn hekk, li tieħu għarfien dwar Alla u dwar Ġesù jfisser “ħajja taʼ dejjem,” jgħid Ġesù. Il-​profezija Biblika tindika li qegħdin ngħixu “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema. (2 Timoteus 3:​1-5, Saydon; Mattew 24:​3-13) Dalwaqt is-​Saltna t’Alla, il-​gvern taʼ tjieba tiegħu, se tistabbilixxi l-​ħakma tagħha fuq l-​abitanti taʼ l-​art. (Danjel 2:44; Mattew 6:10) Dan il-​gvern se jagħti bidu għal era ġdida li ma kienx hawn bħalha taʼ paċi, prosperità, u benesseri għall-​umanità ubbidjenti kollha. (Salm 37:​10, 11; Apokalissi 21:4) “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd,” jgħid Atti 10:34. Iva, kulħadd huwa mistieden biex igawdi l-​benefiċċji!

Il-Bibbja hija ktieb antik mimli għerf u tifsir. Biex nifhmuha jirrikjedi żmien u sforz. Imma bl-​għajnuna t’Alla—u jekk nippersistu biex niksbu l-​għarfien li fiha—din se ssir ktieb miftuħ għalina. (Proverbji 2:​4, 5; Ġakbu 1:5) Veru, li napplikaw dak li nitgħallmu jistaʼ jkun taʼ sfida. Forsi għandna bżonn nagħmlu xi aġġustamenti fil-​mod kif naħsbuha jew fid-​drawwiet tagħna. Ħbieb jew membri tal-​familja jistgħu mingħajr l-​ebda intenzjoni ħażina jopponu l-​fatt li aħna nistudjaw il-​Bibbja. Għalhekk il-​persistenza hija essenzjali. L-​appostlu Pawlu jfakkarna li Alla se jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lil dawk li “jipperseveraw sa l-​aħħar fl-​għemil it-​tajjeb.” (Rumani 2:7) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jieħdu gost ħafna li jgħinuk tilħaq din il-​mira.

Ibqaʼ ċert li int ikollok suċċess jekk tippersevera f’li titgħallem dwar Alla u r-​rieda tiegħu u tippersisti f’li tapplika dak li titgħallem.—Salm 1:​1-3.

[Stampa f’paġna 6]

Int ikollok suċċess jekk tippersevera f’li titgħallem dwar Alla u r-​rieda tiegħu

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 4]

Culver Pictures