Il-Fidi Tagħhom Ġiet Premjata
Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
L-APPOSTLU Pawlu kien raġel taʼ fidi straordinarja, u hu inkuraġġixxa lill-kredenti sħabu biex huma wkoll jikkultivaw din il-fidi. Hu qal: “Kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Dawn l-esperjenzi mill-Możambik juru kif Jehovah jippremja fidi soda u jwieġeb talb sinċier.
• Waħda oħt armla mill-provinċja taʼ Niassa, fit-tramuntana tal-pajjiż, kienet imħassba dwar kif hi u s-sitt uliedha kien se jirnexxilhom jattendu għall-Konvenzjoni Distrettwali “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla.” L-uniku sors taʼ qligħ tagħha kien li tbigħ xi oġġetti fis-suq lokali, imma meta bdiet toqrob id-data tal-konvenzjoni, il-flus li kellha kienu jservu biss biex tixtri biljetti tal-ferrovija bla ritorn għaliha u għall-familja tagħha. Madankollu, hi ddeċidiet li tpoġġi l-fiduċja tagħha fil-provvedimenti taʼ Jehovah u kompliet bil-pjanijiet tagħha biex tkun preżenti għall-konvenzjoni.
Hi telgħet fuq il-ferrovija flimkien mas-sitt uliedha. Waqt il-vjaġġ il-kunduttur talabha l-biljetti. Billi nnota l-beġġ tagħha, hu staqsieha x’tip taʼ identifikazzjoni din kienet. L-oħt qaltlu li l-beġġ kienet qed tidentifikaha bħala delegata għall-konvenzjoni distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah. “Fejn se tkun din il-konvenzjoni?” staqsieha l-kunduttur. Wara li sar jaf li l-konvenzjoni kienet se tkun fil-provinċja viċina taʼ Nampula, madwar 300 kilometru ’l bogħod, b’sorpriża għaliha hu żammilha biss nofs il-prezz normali tal-biljetti! Imbagħad, bin-nofs l-ieħor tal-prezz li kienet ħallset, taha l-biljetti tar-ritorn għaliha u għall-familja tagħha. Kemm kienet ferħana talli poġġiet il-fiduċja tagħha f’Jehovah!—Salm 121:1, 2.
• Għal madwar 25 sena, mara reliġjuża ħafna kienet titlob lil Alla biex juriha l-mod it-tajjeb kif għandha tqimu. Il-knisja li kienet tattendi kienet tħallat iċ-ċerimonji reliġjużi mar-ritwali tradizzjonali, u hi kienet tiddubita jekk din il-forma taʼ qima kinitx togħġob lil Alla.
Hi tirrakkonta: “Jien dejjem bqajt niftakar fil-kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 7:7: ‘Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom.’ B’din l-iskrittura f’moħħi, jien kont nitlob regolarment lil Alla biex imexxini lejn il-verità. Darba waħda l-kappillan tal-knisja tagħna staqsa lil kulmin kien jaħdem fis-suq lokali biex iġib miegħu ċertu ammont taʼ flus flimkien maʼ xi oġġetti milli kienu jbigħu sabiex ikun jistaʼ jberikhom. Jien din it-talba qistha bħala xi ħaġa mhux skritturali, u għalhekk ma ħadt xejn miegħi. Meta l-kappillan ra li ma ħadtlux ‘offerta,’ hu beda jinsultani quddiem il-membri kollha tal-knisja. Dak in-nhar irrealizzajt li dan ma kienx il-mod li bih Alla jixtieq li jiġi meqjum, u għalhekk tlaqt mill-knisja. Sadanittant, jien bqajt nippersisti fit-talb biex insib il-verità.
“Fl-aħħar, għamilt il-kuraġġ u kkuntattjajt qarib li hu wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu offrieli fuljett, u kif qrajtu mill-ewwel irrealizzajt li Alla kien qed iwieġeb it-talb tiegħi. Maż-żmien, is-sieħeb tiegħi wkoll beda japprezza l-veritajiet Bibliċi, u llegalizzajna ż-żwieġ tagħna. Madankollu, iktar tard żewġi marad sew. Imma sa mewtu, hu baqaʼ jinkuraġġini biex nippersevera fil-mogħdija tal-verità sabiex b’hekk inkunu nistgħu nerġgħu niltaqgħu fil-Ġenna taʼ l-art.
“Jien nibqaʼ grata għal dejjem lejn Jehovah talli wieġeb it-talb tiegħi u talli wrieni l-mod it-tajjeb kif għandi nqimu. It-talb tiegħi ġie mwieġeb ukoll billi rajt lit-tmint itfal kollha tiegħi jsiru qaddejja dedikati taʼ Jehovah.”