Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Infittxu lil Jehovah b’Qalb Imħejjija

Infittxu lil Jehovah b’Qalb Imħejjija

IL-​QASSIS Iżraeli Esdra kien jispikka bħala riċerkatur, skular, kopjista, u għalliem tal-​Liġi. Għall-​Kristjani llum huwa wkoll eżempju mill-​aħjar taʼ wieħed li qeda b’ruħu kollha fis-​servizz tiegħu. Kif? Billi żamm id-​devozzjoni tiegħu lejn Alla saħansitra meta kien jgħix f’Babilonja, belt mimlija allat foloz u qima tad-​demonji.

Id-devozzjoni lejn Alla li kellu Esdra ma ġietx b’kumbinazzjoni. Hu ħadem għaliha. Tabilħaqq, hu jgħidilna li kien “ħejja qalbu biex ifittex il-​liġi tal-​Mulej u jagħmilha.” (Korsiv tagħna.)—Esdra 7:​10, Saydon.

Bħal Esdra, in-​nies taʼ Jehovah llum iridu jagħmlu dak kollu li Jehovah jistenna minnhom waqt li qegħdin jgħixu f’dinja li hi ostili għall-​qima vera. Għalhekk, ejja neżaminaw b’liema modi aħna wkoll nistgħu nħejju qalbna, il-​persuna ġewwinija—inkluż il-​ħsibijiet, l-​attitudnijiet, ix-​xewqat, u l-​motivi tagħna—biex ‘infittxu l-​liġi tal-​Mulej u nagħmluha.’

Inħejju Qalbna

“Li tħejji” jfisser “li tlesti minn qabel għal xi għan: tpoġġi f’kundizzjoni għal xi użu, applikazzjoni, jew dispożizzjoni partikulari.” M’għandniex xi ngħidu, jekk int ħadt għarfien eżatt mill-​Kelma t’Alla u ddedikajt ħajtek lil Jehovah, allura qalbek uriet biċ-​ċar li hi mħejjija u li tistaʼ tiġi mqabbla maʼ l-​“art [“ħamrija,” NW] tajba” li Ġesù tkellem dwarha fil-​parabbola tiegħu dwar wieħed bidwi.—Mattew 13:​18-23.

Minkejja dan, qalbna teħtieġ attenzjoni u rfinar kostanti. Għala? Għal żewġ raġunijiet. L-​ewwelnett, minħabba li tendenzi ħżiena, bħall-​ħaxix ħażin fi ġnien, jistgħu faċilment irabbu l-​għeruq, speċjalment matul dawn “l-​aħħar jiem” meta “l-​arja” tas-​sistema taʼ Satana hija mimlija iktar minn qatt qabel bi żrieragħ tal-​mod taʼ ħsieb dinji li jagħmlu l-​ħsara. (2 Timoteus 3:​1-5, Saydon; Efesin 2:​2, NW) It-​tieni raġuni tinvolvi l-​ħamrija nfisha. Jekk ma niħdux ħsiebha, il-​ħamrija malajr tistaʼ tixxotta, tibbies, u ma tibqax tagħti frott. Inkella din tistaʼ tintrifes minn ħafna nies li jgħaddu bl-​addoċċ mill-​ġnien u jgħaffġu fuq il-​ħamrija sa ma tispiċċa blokka iebsa. L-​istess jistaʼ jiġrilha l-​ħamrija figurattiva taʼ qalbna. Din tistaʼ ma tibqax fertili jekk nittraskurawha jew inħalluha titgħaffeġ minn nies li m’għandhom l-​ebda interess fil-​benesseri spiritwali tagħna.

Għalhekk, kemm huwa importanti li lkoll kemm aħna napplikaw it-​twissija tal-​Bibbja: “Ħares lil qalbek bir-​reqqa kollha, għax minnha ġejja l-​ħajja.”—Proverbji 4:23.

Fatturi li Jsaħħu l-​“Ħamrija” taʼ Qalbna

Ejja nikkunsidraw xi fatturi, jew kwalitajiet, li jistgħu jsaħħu l-​“ħamrija” taʼ qalbna biex b’hekk din tkun tistaʼ tiffaċilita tkabbir f’saħħtu. M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna affarijiet li jistgħu jtejbu lil qalbna, imma hawnhekk se nikkunsidraw sitta minnhom: li nirrikonoxxu l-​bżonn spiritwali tagħna, l-​umiltà, l-​onestà, il-​biżaʼ t’Alla, il-​fidi, u l-​imħabba.

“Henjin huma dawk konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom,” qal Ġesù. (Mattew 5:​3, NW) Bħalma l-​ġuħ fiżiku jfakkarna dwar il-​bżonn tagħna li nieklu, il-​fatt li nkunu konxji tal-​bżonn spiritwali tagħna jżommna bil-​ġuħ għall-​ikel spiritwali. Min-​natura tagħhom, il-​bnedmin għandhom xenqa għal ikel bħal dan għaliex dan jagħti tifsira u skop lil ħajjithom. Pressjonijiet mis-​sistema t’affarijiet taʼ Satana jew sempliċi għażż fejn jidħol l-​istudju jistgħu ma jħalluniex konxji għalkollox taʼ dan il-​bżonn. Xorta waħda, Ġesù qal: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.”—Mattew 4:4.

B’mod letterali, ikliet regulari, bilanċjati, u bnien jippromwovu saħħa fiżika kif ukoll permezz tagħhom il-​ġisem jiżviluppa aptit meta jkun wasal il-​ħin għall-​ikla li jkun imiss. Dan hu minnu wkoll f’sens spiritwali. Forsi int ma tqisx lilek innifsek li tħobb tistudja, imma jekk tagħmilha drawwa li taqra l-​Kelma t’Alla kuljum u tistudja pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja regolarment, int se ssib li l-​aptit tiegħek se jikber. Fil-​fatt, int se tħares ’il quddiem b’mod ħerqan għall-​ħin li tqattaʼ tistudja l-​Bibbja. Għalhekk, tkunx ħafif biex taqtaʼ qalbek; aħdem iebes biex tiżviluppa aptit spiritwali bnin.

L-​Umiltà Trattab il-​Qalb

L-​umiltà hija fattur vitali f’li jkollna qalb imħejjija għaliex tagħmilna wħud li lesti li nitgħallmu u tgħinna naċċettaw iktar fil-​pront pariri u korrezzjoni kollhom imħabba. Ikkunsidra l-​eżempju mill-​aħjar tas-​Sultan Ġosija. Matul ir-​renju tiegħu nstab dokument li fuqu kien hemm miktuba l-​Liġi li Alla ta permezz taʼ Mosè. Meta Ġosija samaʼ l-​kliem tal-​Liġi u rrealizza kemm missirijietu tal-​qedem kienu tbegħdu mill-​qima pura, hu ċarrat ilbiesu u beka quddiem Jehovah. Il-​Kelma t’Alla għala qanqlitlu qalbu daqshekk lis-​sultan? Ir-​rakkont jgħid illi qalbu “trattbet,” u b’hekk malli samaʼ l-​kliem taʼ Jehovah hu umilja ruħu. Jehovah nnota li Ġosija kellu qalb umli u lesta biex tismaʼ u bierku b’mod xieraq.—2 Slaten 22:​11, 18-20.

L-umiltà għenet lid-​dixxipli taʼ Ġesù, nies “sempliċi u bla tagħlim,” biex jifhmu u japplikaw il-​veritajiet spiritwali li min-​naħa l-​oħra dawk li “skond il-​qjies tad-​dinja” kellhom “l-​għerf u d-​dehen” naqsu li jifhmuhom. (Atti 4:13; Luqa 10:21; 1 Korintin 1:26) Dawn taʼ l-​aħħar ma kinux imħejjijin biex jaċċettaw il-​kelma taʼ Jehovah għaliex qlubhom kienu twebbsu bil-​kburija. Għalhekk, għandna għalfejn nistagħġbu li Jehovah jobgħod il-​kburija?—Proverbji 8:13; Danjel 5:20.

L-​Onestà u l-​Biżaʼ t’Alla

Il-​profeta Ġeremija kiteb li “fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Dan il-​qerq jintwera f’diversi modi, bħal meta niskużaw lilna nfusna meta nagħmlu xi ħaġa ħażina. Jidher ukoll meta nipprovaw nagħtu xejra raġunevoli lil xi difetti serji fil-​personalità. Madankollu, l-​onestà se tgħinna noħorġu rebbiħin fuq qalb qarrieqa billi tassistina f’li niffaċċjaw il-​verità dwarna nfusna biex b’hekk inkunu nistgħu nitjiebu. Is-​salmista wera onestà bħal din meta talab: “Ġarrabni, Mulej, u għarbilni, . . . [‘irfinali,’ NW] moħħi u qalbi.” B’mod ċar, is-​salmista kien ħejja qalbu biex jaċċetta l-​irfinar u t-​tiġrib mingħand Jehovah, avolja dan kien ifisser li jirrikonoxxi l-​eżistenza taʼ karatteristiċi li kienu jidhru ftit li xejn importanti sabiex ikun jistaʼ jegħlibhom.—Salm 17:3; 26:2.

Il-biżaʼ t’Alla, li jinkludi li ‘tobgħod il-​ħażen,’ huwa għajnuna qawwija f’dan il-​proċess taʼ rfinar. (Proverbji 8:13) Waqt li japprezza l-​qalb tajba bl-​imħabba u t-​tjubija taʼ Jehovah, wieħed li jibżaʼ verament minn Jehovah huwa konxju li Jehovah għandu l-​qawwa li jikkastiga, saħansitra li jġib il-​mewt, fuq dawk li ma jobduhx. Jehovah wera li dawk li jibżgħu minnu kellhom ukoll jobduh meta qal dwar Iżrael: “M’hux li kien ikollhom dan il-​ħsieb, li jibżgħu minni, u jħarsu kull ma nordnalhom għal ħajjithom kollha, u jkollhom ir-​riżq, huma u wliedhom, għal dejjem.”—Dewteronomju 5:29.

B’mod ċar, l-​objettiv tal-​biżaʼ t’Alla m’huwiex li jżommna sottomessi kollna mwerwrin, iżda li jqanqalna biex nobdu ’l Missierna kollu mħabba li nafu li għandu għal qalbu l-​aħjar interessi tagħna. Fil-​fatt, biżaʼ t’Alla bħal dan jgħolli l-​moral u saħansitra jġib il-​ferħ, bħalma ntwera bil-​kbir minn Ġesù Kristu nnifsu.—Isaija 11:3; Luqa 12:5.

Qalb Imħejjija Hija Sinjura fil-​Fidi

Qalb soda fil-​fidi taf li dak kollu li Jehovah jistenna jew jitlob permezz tal-​Kelma tiegħu huwa dejjem tajjeb u fl-​aħjar interessi tagħna. (Isaija 48:​17, 18) Wieħed li għandu qalb bħal din jikseb sodisfazzjon u kuntentizza meta japplika t-​twissija li nsibu fi Proverbji 3:​5, 6, li jgħid: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” Madankollu, qalb nieqsa mill-​fidi mhix se tkun inklinata biex tafda lil Jehovah, speċjalment jekk dan jinvolvi sagrifiċċji, bħal li tagħmel ħajtek sempliċi sabiex tiffoka fuq l-​interessi tas-​Saltna. (Mattew 6:33) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah jħares lejn qalb nieqsa mill-​fidi bħala “mħassra.”—Lhud 3:12.

Il-fidi tagħna f’Jehovah tintwera f’ħafna modi, inkluż l-​affarijiet li nagħmlu fil-​privat ġewwa djarna stess. Per eżempju, ħu l-​prinċipju f’Galatin 6:7: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” Il-​fidi tagħna f’dan il-​prinċipju se tkun riflessa f’affarijiet bħall-​films li naraw, il-​kotba li naqraw, kemm nagħmlu studju tal-​Bibbja, u fit-​talb tagħna. Iva, fidi b’saħħitha li tqanqalna biex niżirgħu “fl-​ispirtu” hija fattur fundamentali biex ikollna qalb li hija mħejjija biex taċċetta l-​Kelma taʼ Jehovah u tobdiha.—Galatin 6:8.

L-​Imħabba—L-​Akbar Kwalità

Iktar mill-​kwalitajiet l-​oħrajn kollha, l-​imħabba verament tagħmel il-​ħamrija taʼ qalbna lesta biex tilqaʼ l-​Kelma taʼ Jehovah. B’hekk, meta jqabbilha mal-​fidi u t-​tama, l-​appostlu Pawlu jiddeskrivi l-​imħabba bħala “l-​kbira” fost dawn il-​kwalitajiet. (1 Korintin 13:13) Qalb mimlija bl-​imħabba għal Alla tikseb sodisfazzjon u ferħ kbir meta tobdih; hi żgur li mhux se titfantas għal dak li jirrikjedi Alla. L-​appostlu Ġwanni qal: “Għax din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu; u l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwann 5:3) Fl-​istess linja, Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu.” (Ġwann 14:23) Innota li mħabba bħal din hija reċiproka. Iva, Jehovah jħobb profondament lil dawk li huma miġbudin lejh b’imħabba.

Jehovah jaf li aħna imperfetti u nonqsuh regolarment. Xorta waħda, hu ma jżommx ruħu ’l bogħod minna. Dak li Jehovah jfittex fil-​qaddejja tiegħu huwa “qalb sħiħa,” waħda li tqanqalna biex naqduh minn jeddna b’“rieda soda.” (1 Kronaki 28:9) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah jaf li neħtieġu żmien u sforz biex nikkultivaw kwalitajiet tajbin f’qalbna, u b’hekk inkunu nistgħu nipproduċu l-​frott taʼ l-​ispirtu. (Galatin 5:​22, 23) Għaldaqstant, hu paċenzjuż magħna, “għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Billi wera l-​istess attitudni, Ġesù qatt ma kkritika bl-​aħrax lid-​dixxipli tiegħu għan-​nuqqasijiet tagħhom imma bil-​paċenzja għenhom u inkuraġġiehom. Ma jqanqlukx l-​imħabba, il-​ħniena, u l-​paċenzja taʼ Jehovah u Ġesù biex tħobbhom iktar u iktar?—Luqa 7:47; 2 Pietru 3:9.

Jekk kultant issibha diffiċli li taqtaʼ vizzji li l-​għeruq tagħhom ikunu daħlu fil-​fond sew, jew biex tkisser karatteristiċi li jkunu qishom ċapep tat-​tafal li bbiesu, taqtax qalbek jew tiskuraġġixxi ruħek. Minflok, kompli aħdem biex tagħmel progress hekk kif ‘titlob bla ma tieqaf,’ inkluż suppliki taʼ sikwit lil Jehovah għall-​ispirtu tiegħu. (Rumani 12:12) Bl-​għajnuna tiegħu, int, bħal Esdra, se jirnexxilek f’li jkollok qalb imħejjija biex ‘tfittex il-​liġi tal-​Mulej u tagħmilha.’

[Stampa f’paġna 31]

Esdra żamm id-​devozzjoni tiegħu lejn Alla saħansitra f’Babilonja

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 29]

Garo Nalbandian