Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah—Il-Wieħed li Hu Vigoruż fil-Qawwa

Jehovah—Il-Wieħed li Hu Vigoruż fil-Qawwa

“Minħabba l-​abbundanza taʼ l-​enerġija dinamika, billi hu wkoll vigoruż fil-​qawwa, lanqas waħda minnhom m’hija nieqsa.”​—ISAIJA 40:​26, NW.

1, 2. (a) Fuq liema sors fiżiku taʼ qawwa niddependu lkoll kemm aħna? (b) Spjega għala Jehovah hu s-​Sors aħħari taʼ kull qawwa.

 IL-​QAWWA hija xi ħaġa li ħafna minna ma japprezzawhiex. Per eżempju, ftit li xejn noqogħdu naħsbu dwar il-​qawwa elettrika li tagħtina d-​dawl u s-​sħana jew dwar il-​kumdità li nipplakkjaw kwalunkwe ħaġa li jistaʼ jkollna taħdem bl-​elettriku. Meta jinqataʼ d-​dawl biss niftakru li mingħajr din il-​qawwa, il-​bliet tagħna tistaʼ tgħid ikunu mejta. Il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​elettriku li niddependu minnu jiġi indirettament mill-​iktar sors taʼ qawwa dipendibbli taʼ l-​art—ix-​xemx. a Kull sekonda dan ir-​reattur solari jikkonsma ħames miljun tunnellata taʼ fuel nukleari, u l-​art timtela b’enerġija li ssostni l-​ħajja.

2 Minfejn tiġi din il-​qawwa solari kollha? Min bena dan l-​impjant elettriku ċelestjali? Alla Jehovah. Waqt li jirreferi għalih, Salm 74:16 jgħid: “Il-​kwiekeb u x-​xemx int għamilthom.” Iva, Jehovah hu s-​Sors aħħari taʼ kull qawwa, sewwa sew bħalma hu s-​Sors taʼ kull ħajja. (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Qatt m’għandna ninsew kemm hija kbira l-​qawwa tiegħu. Permezz tal-​profeta Isaija, Jehovah jfakkarna biex inħarsu ’l fuq lejn l-​oġġetti ċelestjali, bħalma huma x-​xemx u l-​kwiekeb, u nimmeditaw fuq kif dawn bdew jeżistu. “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-​ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-​eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. . . . [“Minħabba l-​abbundanza taʼ l-​enerġija dinamika, billi hu wkoll vigoruż fil-​qawwa,” NW] ħadd minnhom ma jonqos.”—Isaija 40:26; Ġeremija 32:17.

3. Kif nistgħu nibbenefikaw mit-​turijiet tal-​qawwa li għandu Jehovah?

3 Ladarba Jehovah hu vigoruż fil-​qawwa, nistgħu nibqgħu ċerti li x-​xemx se tkompli tipprovdilna d-​dawl u s-​sħana li tant għandna bżonn biex nibqgħu ħajjin. Madankollu, aħna nistrieħu fuq il-​qawwa t’Alla għal ħafna affarijiet oħra minbarra l-​bżonnijiet fiżiċi bażiċi tagħna. Il-​fidwa tagħna mid-​dnub u l-​mewt, it-​tama tagħna għall-​futur, u l-​fiduċja tagħna f’Jehovah, huma kollha konnessi b’mod inseparabbli mal-​fatt li hu jeżerċita l-​qawwa tiegħu. (Salm 28:​6-9; Isaija 50:2) Il-​Bibbja fiha ħafna eżempji li jixhdu kemm Jehovah għandu qawwa li joħloq u li jeħles, li jsalva lill-​poplu tiegħu u li jeqred lill-​għedewwa tiegħu.

Il-​Qawwa t’Alla Tidher fil-​Ħolqien

4. (a) David kif kien effettwat meta osserva s-​sema bil-​lejl? (b) L-​oġġetti ċelestjali x’jirrivelaw rigward il-​qawwa divina?

4 L-appostlu Pawlu spjega li l-​Ħallieq tagħna għandu ‘qawwa eterna li tintgħaraf mill-​affarijiet li għamel.’ (Rumani 1:​20, NW) Sekli qabel, is-​salmista David, li bħala ragħaj min jaf kemm-il darba ħares lejn is-​sema bil-​lejl, osserva l-​kobor taʼ l-​univers u s-​setgħa taʼ Min ħalaq dan kollu. Hu kiteb: “Nħares lejn is-​smewwiet, għemil subgħajk, il-​qamar u l-​kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-​bniedem biex tiftakar fih, bin il-​bniedem, biex taħseb fih?” (Salm 8:​4, 5 [8:​3, 4, NW]) Minkejja l-​għarfien limitat li kellu dwar l-​oġġetti ċelestjali, David fehem li hu kien insinjifikanti ferm meta jqabbel lilu nnifsu mal-​Ħallieq taʼ l-​univers immens tagħna. Illum, l-​astronomi jafu bil-​wisq iktar dwar l-​immensità taʼ l-​univers u l-​qawwa li qegħda żżommu f’postu. Per eżempju, jgħidulna li kull sekonda, l-​enerġija li toħroġ mix-​xemx hi ekwivalenti għall-​isplużjoni taʼ 100,000 miljun megaton taʼ TNT. b Frazzjon ċkejken ferm minn dik l-​enerġija jilħaq l-​art, u madankollu dan huwa biżżejjed biex isostni lil kull xorta taʼ ħajja fuq il-​pjaneta tagħna. Xorta waħda, ix-​xemx tagħna bl-​ebda mod m’hi l-​iktar kewkba qawwija fis-​smewwiet. F’sekonda waħda biss ċerti kwiekeb jixħtu raġġi taʼ enerġija li x-​xemx titfagħhom f’ġurnata sħiħa. Mela, immaġina l-​qawwa li għandu għad-​dispożizzjoni tiegħu l-​Wieħed li ħalaq dawn l-​oġġetti ċelestjali! Kellu raġun Eliħu jesklama: “Xaddaj li jistaʼ kollox aħna ma nilħquhx; Hu għoli fil-​qawwa.”​—Ġob 37:23.

5. Liema evidenza tal-​qawwa taʼ Jehovah nsibu fl-​għemejjel tiegħu?

5 Jekk aħna ‘nfittxu l-​għemejjel tal-​Mulej’ bħalma għamel David, se naraw evidenza tal-​qawwa tiegħu kullimkien—fir-​riħ u fil-​mewġ, fir-​ragħad u fis-​sajjetti, fix-​xmajjar qawwija u fil-​muntanji maestużi. (Salm 111:2; Ġob 26:​12-14) Barra minn hekk, bħalma Jehovah fakkar lil Ġob, l-​annimali huma xiehda taʼ setgħetu. Fost dawn hemm Beħemot, jew l-​ippopotamu. Jehovah qal lil Ġob: “X’saħħa għandu f’ġenbejh . . . [I]l-kustilji vireg tal-​ħadid.” (Ġob 40:​15-18) Il-​qawwa tal-​biżaʼ tal-​barri salvaġġ kienet magħrufa tajjeb fi żminijiet Bibliċi, u David talab li jiġi meħlus minn “ħalq l-​iljun . . . , minn qarn il-​gniedes [“barrin salvaġġi,” NW].”​—Salm 22:22 [22:​21, NW]; Ġob 39:​9-​11.

6. Il-​barri x’jissimbolizza fl-​Iskrittura, u għala? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

6 Minħabba s-​saħħa li għandu, il-​barri, fil-​Bibbja jiġi wżat biex jissimbolizza l-​qawwa taʼ Jehovah. c Fil-​viżjoni tiegħu tat-​tron taʼ Jehovah, l-​appostlu Ġwanni ra erbaʼ ħlejjaq ħajjin, li waħda minnhom kellha wiċċha donnu taʼ barri. (Apokalissi 4:​6, 7) Evidentement, il-​qawwa hija waħda mill-​erbaʼ attributi prinċipali taʼ Jehovah li tagħhom qed jagħtu stampa dawn il-​kerubini. L-​oħrajn huma l-​imħabba, l-​għerf, u l-​ġustizzja. Ladarba l-​qawwa hija aspett tant importanti tal-​personalità t’Alla, li jkollna fehma ċara dwar il-​qawwa tiegħu u dwar kif jużaha se jgħinna nersqu iktar qrib tiegħu u jgħinna nimitaw l-​eżempju tiegħu billi nużaw tajjeb kwalunkwe qawwa li jistaʼ jkollna għad-​dispożizzjoni tagħna.​—Efesin 5:1.

‘Il-​Mulej taʼ l-​Eżerċti, [Dak Alla] Qawwi’

7. Kif nistgħu nkunu ċerti li t-​tajjeb se jittrijonfa fuq il-​ħażin?

7 Fl-Iskrittura, Jehovah jissejjaħ ‘Alla li Jistaʼ Kollox,’ titlu li jfakkarna li qatt m’għandna nċekknu l-​qawwa li għandu jew ikollna xi dubju jekk hux kapaċi jegħleb lill-​għedewwa tiegħu. (Ġenesi 17:​1, Saydon; Eżodu 6:​3, Saydon) Is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar taʼ Satana għandha mnejn tidher stabbilita fis-​sod, imma f’għajnejn Jehovah “il-​ġnus bħal qatra waħda minn barmil ilma, bħal għabra trab f’miżien, hekk qishom!” (Isaija 40:15) Grazzi għal din il-​qawwa divina, m’hemm ebda dubju li t-​tajjeb se jittrijonfa fuq il-​ħażin. Fi żmien meta l-​ħażen huwa tant mifrux, nistgħu niksbu l-​faraġ meta nkunu nafu li l-​“Mulej taʼ l-​eżerċti, il-​Qawwi taʼ Iżrael” se jelimina l-​ħażen għal dejjem.—Isaija 1:24; Salm 37:​9, 10.

8. Jehovah liema eżerċti ċelestjali għandu taħt il-​kmand tiegħu, u liema indikazzjoni għandna tal-​qawwa tagħhom?

8 L-espressjoni l-​“Mulej taʼ l-​eżerċti,” li tidher 285 darba fil-​Bibbja, hija tfakkira oħra dwar kemm Alla għandu qawwa. L-​“eżerċti” hawnhekk jirreferu għall-​ħlejjaq spirti li Jehovah għandu taħt il-​kmand tiegħu. (Salm 103:​20, 21; 148:2) F’lejl wieħed, anġlu wieħed biss minn dawn qered 185,000 suldat Assirjan li kienu qed jheddu lil Ġerusalemm. (2 Slaten 19:35) Jekk nirrikonoxxu x’qawwa għandhom l-​eżerċti ċelestjali taʼ Jehovah, m’aħniex se nħallu lil dawk li jopponuna jbeżżgħuna kif ġieb u laħaq. Il-​profeta Eliżew ma qagħadx jinkwieta meta kien imdawwar minn armata sħiħa li kienu qed ifittxuh għax hu, bl-​għajnejn tal-​fidi setaʼ jara eżerċtu sħiħ taʼ forzi ċelestjali jappoġġawh, ħaġa li l-​qaddej tiegħu ma rahiex.​—2 Slaten 6:​15-​17.

9. Aħna, bħal Ġesù, għala għandu jkollna fiduċja fil-​protezzjoni divina?

9 Bl-istess mod, Ġesù kien konxju taʼ l-​appoġġ anġeliku meta ffaċċja marmalja armata bi sjuf u tarki fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Wara li qal lil Pietru biex jerġaʼ jdaħħal is-​sejf tiegħu f’postu, Ġesù qallu li, kieku ried Hu setaʼ jitlob lil Missieru biex jibgħatlu “aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli.” (Mattew 26:​47, 52, 53) Jekk ikollna l-​istess apprezzament għall-​eżerċti ċelestjali li huma għad-​dispożizzjoni t’Alla, aħna se jkollna wkoll fiduċja sħiħa f’appoġġ divin. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jistaʼ jkun kontra tagħna?”—Rumani 8:31.

10. Jehovah għan-​nom taʼ min jużaha l-​qawwa tiegħu?

10 Mela, bir-​raġun kollu aħna għandna għalfejn nafdaw fil-​protezzjoni taʼ Jehovah. Hu dejjem juża l-​qawwa tiegħu għat-​tajjeb u fi qbil mal-​kwalitajiet l-​oħra tiegħu—il-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​imħabba. (Ġob 37:23; Ġeremija 10:12) Waqt li xi nies setgħana taʼ spiss jittrattaw ħażin lill-​foqra u lill-​umlin għal qligħ egoist, Jehovah “jqajjem mit-​trab l-​imsejken” u Hu ‘qawwi biex jgħin.’(Salm 113:​5-7; Isaija 63:1) Bħalma fehmet Marija omm Ġesù, li kienet mara modesta u ma tippretendihiex, Dak Alla “qawwi” jeżerċita l-​qawwa tiegħu bla egoiżmu taʼ xejn għan-​nom taʼ dawk li jibżgħu minnu, waqt li jumilja lill-​imkabbrin u jgħolli lill-​umlin.—Luqa 1:​46-53.

Jehovah Jirrivela l-​Qawwa Tiegħu lill-​Qaddejja Tiegħu

11. L-​Iżraelin liema testimonjanza tal-​qawwa t’Alla raw b’għajnejhom stess fis-​sena 1513 Q.E.K.?

11 F’diversi okkażjonijiet, Jehovah wera l-​qawwa tiegħu lill-​qaddejja tiegħu. Waħda minn dawn l-​okkażjonijiet kienet fuq il-​Muntanja Sinaj fis-​sena 1513 Q.E.K. Matul dik is-​sena l-​Iżraelin kienu diġà raw evidenza impressjonanti tal-​qawwa taʼ Jehovah. Għaxar kastigi qerrieda kienu rrivelaw l-​id qawwija taʼ Jehovah u l-​impotenza taʼ l-​allat Eġizzjani. Ftit wara, ngħatat prova oħra tal-​qawwa divina bil-​qsim mirakoluż tal-​Baħar l-​Aħmar u l-​qerda taʼ l-​armata tal-​Fargħun. Tliet xhur wara, biswit il-​Muntanja Sinaj, Jehovah stieden lill-​Iżraelin biex isiru ‘l-​wirt tiegħu minn fost il-​popli kollha.’ Min-​naħa tagħhom, huma wegħduh: “Kull ma qal il-​Mulej aħna nagħmluh.” (Eżodu 19:​5, 8) Imbagħad, Jehovah pprovda wirja ħajja tal-​qawwa tiegħu. Fost ragħad u sajjetti u l-​ħoss kbir taʼ qarn, il-​Muntanja Sinaj bdiet iddaħħan u titheżżeż. In-​nies, li kienu qegħdin ftit ’il bogħod, twerwru. Imma Mosè qalilhom li din l-​esperjenza għandha tgħallimhom li huma jrid ikollhom il-​biżaʼ t’Alla, biżaʼ li kien se jqanqalhom biex jobdu lill-​uniku veru Alla li jistaʼ kollox, Jehovah.​—Eżodu 19:​16-​19; 20:​18-​20.

12, 13. Liema ċirkustanzi wasslu sabiex Elija jħalli l-​inkarigu tiegħu, imma Jehovah kif saħħu?

12 Diversi sekli wara, fi żmien Elija, il-​Muntanja Sinaj rat wirja oħra taʼ qawwa divina. Il-​profeta kien diġà ra l-​qawwa t’Alla fl-​azzjoni. Għal tliet snin u nofs, Alla kien ‘għalaq is-​semaʼ minħabba l-​apostasija tal-​ġens Iżraeli. (2 Kronaki 7:13) Matul in-​nixfa li rriżultat, iċ-​ċawl temaʼ lil Elija fil-​wied taʼ Kerit, u iktar tard id-​daqsxejn dqiq u żejt li kellha waħda armla ġie estiż b’mod mirakoluż biex jipprovdilu l-​ikel. Jehovah saħansitra ta l-​qawwa lil Elija biex jirxoxta lil bin l-​armla. Fl-​aħħar, fi prova drammatika fuq il-​muntanja Karmel dwar min kien il-​veru Alla, niżel nar mis-​sema u kkonsma s-​sagrifiċċju taʼ Elija. (1 Slaten 17:​4-24; 18:​36-40) Minkejja dan, ftit wara, Elija sar beżgħan u skuraġġit meta Ġeżabel bdiet thedded li toqtlu. (1 Slaten 19:​1-4) Hu ħarab minn dak il-​pajjiż, billi ħaseb li xogħlu bħala profeta kien lest. Biex jassigurah u jsaħħu, Jehovah b’qalb tajba tah personalment turija tal-​qawwa divina.

13 Waqt li Elija kien moħbi f’għar, hu ra wirja li tqanqal il-​biżaʼ taʼ tlieta mill-​forzi li Jehovah jikkontrolla: riħ qawwi, terremot, u fl-​aħħar nar. Madankollu, meta Jehovah kellem lil Elija, hu kellmu b’“leħen kalm u baxx.” (NW) Hu inkarigah b’iktar xogħol x’jagħmel u informah li fil-​pajjiż kien għad hemm 7,000 adoratur leali taʼ Jehovah. (1 Slaten 19:​9-​18) Jekk bħal Elija, aħna xi darba nħossuna skuraġġiti fil-​ministeru tagħna, nistgħu nitolbu lil Jehovah għall-​“qawwa iktar min-​normal”—qawwa li tistaʼ ssaħħaħna biex inkomplu nippridkaw l-​aħbar tajba bla waqfien.—2 Korintin 4:​7, NW.

Il-​Qawwa taʼ Jehovah Tiggarantixxi t-​Twettiq tal-​Wegħdi Tiegħu

14. X’jirrivela l-​isem persunali taʼ Jehovah, u l-​qawwa tiegħu kif inhi konnessa maʼ ismu?

14 Il-qawwa taʼ Jehovah hija konnessa mill-​qrib ukoll maʼ ismu u mat-​twettiq tar-​rieda tiegħu. L-​isem uniku Jehovah, li jfisser “Hu Jikkaġuna li Jsir,” jirrivela li hu jikkaġuna lilu nnifsu biex isir Dak li jwettaq il-​wegħdi. Ħadd u xejn ma jistaʼ jżomm lil Alla milli jġiegħel l-​iskopijiet tiegħu jagħtu l-​frott, minkejja kemm ix-​xettiċi jgħidu li huma impossibbli. Bħalma qal darba Ġesù lill-​appostli tiegħu, “għal Alla kollox jistaʼ jkun.”​—Mattew 19:26.

15. Abraham u Sarah kif ġew imfakkrin li xejn ma hu straordinarju żżejjed għal Jehovah?

15 Biex nagħtu eżempju, Jehovah darba wiegħed lil Abraham u lil Sarah li hu kien se jagħmel lid-​dixxendenti tagħhom ġens kbir. Madankollu, huma baqgħu għal ħafna żmien bla tfal. It-​tnejn li huma kienu mdaħħlin sew fiż-​żmien meta Jehovah qalilhom li din il-​wegħda kienet se titwettaq u Sarah bdiet tidħaq. Bi tweġiba, l-​anġlu qal: “Hemm xi ħaġa iebsa ż-​żejjed għall-​Mulej?” (Ġenesi 12:​1-3; 17:​4-8; 18:​10-​14) Erbaʼ sekli wara, meta Mosè finalment ġabar lid-​dixxendenti t’Abraham—li issa kienu ġens kbir—fuq il-​Pjanuri taʼ Mowab, hu fakkarhom li Alla kien wettaqha l-​wegħda tiegħu. Mosè qal: “Għaliex [Jehovah] ħabb lil missirijietek, għażel lil nisilhom warajhom; u hu stess ħarġek mill-​Eġittu bil-​qawwa tiegħu kbira, biex ikeċċi minn quddiemek ġnus ikbar u aqwa minnek, u jmexxik u jagħtik arthom b’wirt, bħalma hi llum.”—Dewteronomju 4:​37, 38.

16. Is-​Sadduċej għala waqgħu fl-​iżball li jiċħdu l-​irxoxt tal-​mejtin?

16 Sekli wara, Ġesù ċanfar lis-​Sadduċej, li ma kinux jemmnu bl-​irxoxt. Għala kienu jirrifjutaw li jemmnu l-​wegħda t’Alla li hu kellu jerġaʼ jqajjem lill-​mejtin? Ġesù qalilhom: “La tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa taʼ Alla!” (Mattew 22:29) L-​Iskrittura taċċertana li ‘dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu leħen Bin il-​bniedem u joħorġu.’ (Ġwann 5:​27-29) Jekk inkunu nafu dak li tgħid il-​Bibbja dwar l-​irxoxt, il-​fiduċja tagħna fil-​qawwa t’Alla se tikkonvinċina li l-​mejtin se jiġu mqajmin. Alla se “jeqred il-​mewt għal dejjem, . . . għax il-​Mulej tkellem.”—Isaija 25:8.

17. F’liema ġurnata fil-​futur se jkun essenzjali b’mod speċjali li nuru fiduċja f’Jehovah?

17 Dalwaqt, se jasal żmien meta kull wieħed u waħda minna se jkollna bżonn nafdaw fil-​qawwa li ssalva t’Alla b’mod speċjali. Satana x-​Xitan se jagħmel attakk fuq in-​nies t’Alla, li se jkunu jidhru li m’għandhomx protezzjoni. (Eżekjel 38:​14-16) Alla mbagħad se juri l-​qawwa kbira tiegħu għan-​nom tagħna, u kulħadd se jkollu jsir jaf li hu Jehovah. (Eżekjel 38:​21-​23) Issa huwa ż-​żmien li nibnu l-​fidi u l-​fiduċja tagħna f’Alla li Jistaʼ Kollox sabiex f’dak iż-​żmien kruċjali ma nitħarrkux.

18. (a) Liema benefiċċji niksbu meta nimmeditaw fuq il-​qawwa taʼ Jehovah? (b) Liema mistoqsija se tiġi kunsidrata fl-​artiklu li jmiss?

18 Bla dubju, hemm ħafna raġunijiet għala għandna nimmeditaw fuq il-​qawwa taʼ Jehovah. Hekk kif nimmeditaw fuq l-​għemejjel tiegħu, aħna bl-​umiltà kollha niġu mqanqlin biex infaħħru lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna u nirringrazzjawh talli juża l-​qawwa tiegħu b’mod tant għaqli u taʼ mħabba. Qatt m’aħna se niġu intimidati jekk nafdaw f’Jehovah taʼ l-​eżerċti. Il-​fidi tagħna fil-​wegħdi tiegħu m’hijiex se titħarrek. Iżda ftakar, li aħna ġejna maħluqin fix-​xbiha t’Alla. Għaldaqstant, aħna wkoll għandna qawwa—għalkemm din hi limitata. Kif nistgħu nimitaw lill-​Ħallieq tagħna fil-​mod kif neżerċitaw il-​qawwa tagħna? Dan se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Ħafna huma tal-​fehma li l-​fossil fuels, bħalma huma ż-​żejt u l-​faħam—is-​sorsi prinċipali taʼ l-​enerġija għall-​impjanti taʼ l-​elettriku—jiksbu l-​enerġija tagħhom mix-​xemx.

b B’kuntrast, l-​iktar bomba nukleari qawwija li qatt ġiet testjata kellha qawwa esplussiva ekwivalenti għal 57 megaton taʼ TNT.

c Il-barri salvaġġ li l-​Bibbja tirreferi għalih x’aktarx li kien l-​aurochs (Latin urus). Elfejn sena ilu, dawn l-​annimali kont issibhom f’Gallja (issa Franza), u Ġulju Ċesari kiteb din id-​deskrizzjoni li ġejja dwarhom: “Dawn l-​uri għandhom kważi l-​istess daqs taʼ l-​iljunfanti, imma fin-​natura, fil-​kulur, u fil-​forma tagħhom huma barrin. Saħħithom hija enormi, u għandhom ħeffa kbira: meta jilmħu xi bniedem jew bhima dawn ma jeħilsuhiex minn taħt idejhom.”

Tistaʼ Twieġeb Dawn il-​Mistoqsijiet?

Il-​ħolqien kif jagħti xiehda tal-​qawwa taʼ Jehovah?

Jehovah liema eżerċti jistaʼ juża biex jappoġġa lin-​nies tiegħu?

Liema kienu xi okkażjonijiet fejn Jehovah wera l-​qawwa tiegħu?

X’garanzija għandna li Jehovah se jwettaq il-​wegħdi tiegħu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 10]

“Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-​ħlejjaq kollha?”

[Sors taʼ l-​istampa]

Photo by Malin, © IAC/RGO 1991

[Stampi f’paġna 13]

Meta nimmeditaw fuq kif Jehovah wera l-​qawwa tiegħu nkunu qed nibnu l-​fidi fil-​wegħdi tiegħu