Ngħix Ħajja Sempliċi Biex Naqdi Lil Jehovah
Bijografija
KIF RAKKONTAT MINN CLARA GERBER MOYER
Għandi 92 sena u bilkemm nistaʼ nimxi, imma għadni f’sensija u niftakar tajjeb. Kemm jien grata li kelli l-privileġġ li naqdi lil Jehovah sa minn tfuliti! Li ngħix ħajja sempliċi u mingħajr komplikazzjonijiet kien fattur li kabbar bla qjies dan it-teżor.
TWELIDT fit-18 t’Awissu, 1907, f’Alliance, Ohio, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerka, il-kbira minn ħamest itfal. Meta kelli tmien snin, ministru full-time mill-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Jehovah f’dak iż-żmien, ġie bir-rota sar-razzett tagħna fejn konna nrabbu l-baqar. Hu ltaqaʼ m’ommi, Laura Gerber, fil-bieb u staqsieha jekk kinitx taf għala l-ħażen hu permess. Ommi minn dejjem kienet taħseb dwar dan.
Wara li ddiskutiet maʼ missieri, li kien fil-maħżen, ommi ordnat is-sett f’sitt volumi taʼ Studies in the Scriptures. Il-kotba qrathom b’entużjażmu kbir u kienet imqanqla profondament bil-veritajiet Bibliċi li kienet qed titgħallem. Hi studjat is-6 Volum, The New Creation, u fehmet ċar il-ħtieġa li titgħammed bħala Kristjana permezz tat-tgħaddis fl-ilma. Billi ma kinitx taf kif setgħet issib l-Istudenti tal-Bibbja, hi staqsiet lil missieri biex jgħammidha fix-xmara żgħira li kienet tgħaddi mir-razzett, avolja kien ix-xahar kiesaħ taʼ Marzu 1916.
Ftit taż-żmien wara, ommi rat avviż f’gazzetta li kien qed jirriklama taħdita li kienet se ssir fid-Daughters of Veterans Hall f’Alliance. It-taħdita kien jisimha “The Divine Plan of the Ages” (Il-Pjan Divin taż-Żminijiet). Hi mill-ewwel aġixxiet għaliex l-1 Volum taʼ Studies in the Scriptures kellu l-istess titlu bħat-taħdita. Armajna l-karru, u l-familja kollha morna għall-ewwel laqgħa tagħna
biż-żiemel u l-karozzin. Minn hemm imbagħad bdejna nattendu l-laqgħat fid-djar taʼ l-aħwa nhar taʼ Ħadd u l-Erbgħa fil-għaxija. Fi żmien qasir, ommi tgħammdet mill-ġdid minn rappreżentant tal-kongregazzjoni Kristjana. Missieri, li kien dejjem medhi bix-xogħol tar-razzett, eventwalment ħa interess fl-istudju tal-Bibbja, u tgħammed ftit snin wara.Niltaqgħu maʼ Dawk fuq Quddiem fit-Tmexxija
Fl-10 taʼ Ġunju, 1917, J. F. Rutherford, li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society, żar Alliance biex jitkellem dwar is-suġġett “Why Do the Nations War?” (Għala Jiggwerraw il-Ġnus?) Jien kelli disaʼ snin u attendejt flimkien mal-ġenituri tiegħi u maż-żewġ ħuti subien, Willie u Charles. Kellna attendenza sabiħa taʼ ’l fuq minn mitt ruħ. Wara t-taħdita taʼ Ħuna Rutherford, il-biċċa l-kbira minn dawk li attendew ippożaw għal ritratt barra l-Columbia Theater, fejn ngħatat it-taħdita tiegħu. Il-ġimgħa taʼ wara, fl-istess post, A. H. Macmillan ta taħdita fuq is-suġġett “God’s Coming Kingdom” (Is-Saltna t’Alla li Ġejja). Kien privileġġ li jkollna dawn l-aħwa jżuru l-belt żgħira tagħna.
L-Ewwel Konvenzjonijiet Memorabbli
L-ewwel konvenzjoni li mort kienet fl-1918 f’Atwater, Ohio, ftit kilometri ’l bogħod minn Alliance. Ommi staqsiet lir-rappreżentant tas-Soċjetà li kien hemm jekk kellix biżżejjed età biex nitgħammed. Ħassejt li kont għamilt dedikazzjoni valida lil Alla biex nagħmel ir-rieda tiegħu, u għalhekk ħallewni nitgħammed dak in-nhar fi xmara ċkejkna qrib ġnien kbir tat-tuffieħ. Biddilt f’tinda li l-aħwa kienu ramawha apposta u tgħammidt b’libsa taʼ bil-lejl qadima u ħoxna.
F’Settembru 1919, jien u l-ġenituri tiegħi qbadna ferrovija lejn Sandusky, Ohio, fuq Lake Erie. Hemmhekk tlajna fuq lanċa, u f’qasir żmien wasalna f’Cedar Point fejn kienet se ssir il-konvenzjoni memorabbli tagħna. Meta nżilna minn fuq il-lanċa, fuq il-moll kien hemm gabbana żgħira minfejn ibigħu l-ikel. Jien ħadt hamburger, li kien lussu għalija f’dawk iż-żminijiet. Kemm kien tajjeb! Il-quċċata taʼ l-attendenza għall-konvenzjoni tagħna li damet tmint ijiem laħqet is-7,000 ruħ. Ladarba ma kien hemm l-ebda sistema biex jitwassal id-diskors pubbliku, kelli nismaʼ b’attenzjoni kbira.
F’din il-konvenzjoni ħarġet ir-rivista msieħba mat-Torri taʼ l-Għassa, intitolata The Golden Age (illum Stenbaħ!). Biex nattendi l-konvenzjoni, tlift l-ewwel ġimgħa taʼ l-iskola, imma kien vallapena. Cedar Point kien post fejn wieħed kien imur iqattaʼ xi btala, u r-restorant hemmhekk kellu kokijiet li kienu jippreparaw l-ikel għad-delegati. Imma għal xi raġuni, il-kokijiet u dawk li jservu l-ikel għamlu strajk, u għalhekk l-aħwa Kristjani li kellhom xi ftit għarfien dwar kif iħejju l-ikel daħlu għax-xogħol b’ruħhom u b’ġisimhom biex jippreparaw l-ikel għad-delegati. Għal ħafna għaxriet taʼ snin wara, in-nies taʼ Jehovah ppreparaw l-ikliet tagħhom fl-assembleat u fil-konvenzjonijiet.
Kellna wkoll il-privileġġ li nerġgħu mmorru f’Cedar Point f’Settembru taʼ l-1922 għal konvenzjoni li damet disat ijiem u li għaliha kien hemm quċċata taʼ 18,000 ruħ. Kien hawnhekk li Ħuna Rutherford ħeġġiġna biex ‘nirriklamaw, nirriklamaw, nirriklamaw, is-Sultan u s-saltna tiegħu.’ Madankollu, il-ministeru persunali tiegħi kien ilu li beda diversi snin qabel bit-tqassim tal-fuljetti u The Golden Age.
Apprezzament għall-Ministeru
Kmieni fl-1918, ħadt sehem fit-tqassim tal-fuljett The Fall of Babylon (Il-Waqgħa taʼ Babilonja) lil xi rziezet fil-viċin. Minħabba l-kesħa, konna nsaħħnu speċi taʼ ċagħqa ratba fuq kenur id-dar li jissaħħan bil-ħatab u mbagħad konna niħduha magħna fil-karozzin biex inżommu saqajna sħan. Konna nilbsu kowtijiet ħoxnin u kpiepel, minħabba li l-karozzin kellu biss saqaf u purtieri mal-ġnub iżda l-ebda heater. Imma dawk kienu żminijiet verament sbieħ.
Fl-1920, tlestiet edizzjoni speċjali taʼ The Finished Mystery, imsejħa ZG, f’forma taʼ rivista. a Jien u l-ġenituri tiegħi ħriġna f’Alliance b’din il-pubblikazzjoni. F’dak iż-żmien kulħadd kien jaħdem waħdu fuq il-bibien, u għalhekk kemxejn beżgħana, tlajt f’veranda fejn kien hemm diversi nies bil-qegħda. Wara li għamilt l-introduzzjoni tiegħi, waħda mara qalet: “Kemm taf titkellem hux,” u aċċettat il-pubblikazzjoni. Ħallejt 13-il ZG dak in-nhar, l-ewwel darba li kont għamilt preżentazzjoni itwal u formali minn dar għal dar.
Meta kelli madwar 15-il sena, ommi qabditha pulmunite u kellha tinxteħet fis-sodda għal iktar minn xahar. Oħti ż-żgħira, Hazel, kienet għadha tarbija, u għalhekk ħriġt mill-iskola biex ngħin fix-xogħol tar-razzett u biex nieħu ħsieb it-tfal. Il-familja tagħna xorta waħda ħadet il-verità tal-Bibbja bis-serjetà, u attendejna l-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni fuq bażi regulari.
Fl-1928, waqt il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu, ngħata fuljett intitolat “Where Are the Nine?” (Fejn Huma d-Disgħa?) lil kulmin kien preżenti. Dan kien jitkellem dwar Luqa 17:11-19, fejn il-Bibbja tgħid li wieħed biss mill-għaxar imġiddmin li ndafu rringrazzja umilment lil Ġesù għall-fejqan mirakoluż. Dan messli qalbi. Staqsejt lili nnifsi, ‘Kemm napprezza jien?’
Ladarba issa kollox kien sejjer tajjeb id-dar u jien kont f’saħħti u ma kelli xejn x’ifixkilni, iddeċidejt li nitlaq mid-dar u nidħol fis-servizz taʼ pijunier, bħalma jissejjaħ il-ministeru full-time. Il-ġenituri tiegħi ħeġġewni biex nagħmel hekk. B’hekk, jien u Agnes Aleta, li kienet pijuniera miegħi, irċivejna l-inkarigu tagħna, u fit-28 t’Awissu, 1928, qbadna ferrovija fid–9:00 taʼ fil-għaxija. Kulma kellna kien bagalja kull wieħed u basket biex inġorru l-letteratura Biblika fih. Fl-istazzjon, ħuti l-bniet u l-ġenituri tiegħi kienu qed jibku, u anki aħna. Ħsibt li forsi qatt ma kont se nerġaʼ narahom, ladarba konna nemmnu li Armageddon kienet fil-qrib. L-għada fil-għodu, wasalna fi Brooksville, Kentucky, fejn konna assenjati.
Krejna kamra żgħira f’pensjoni u xtrajna bottijiet taʼ l-ispagetti u għamilna wkoll xi panini għalina. Kull ġurnata konna nimxu f’direzzjoni differenti, naħdmu waħedna u noffru lill-inkwilini ħames kotba illegati għal kontribuzzjoni taʼ $1.98 (76ċ). Bil-mod il-mod koprejna l-belt kollha u ltqajna maʼ ħafna nies li kienu interessati mhux ħażin fil-Bibbja.
F’madwar tliet xhur, konna żorna lil kulħadd fi Brooksville u Augusta u l-akkwati tagħhom. Għalhekk tlaqna minn hemm biex naħdmu l-bliet taʼ Maysville, Paris, u Richmond. Matul it-tliet snin taʼ wara, koprejna ħafna kontej f’Kentucky fejn ma kien hemm ebda kongregazzjoni. Taʼ spiss kienu jingħaqdu magħna fil-ministeru, kull darba għal xi ġimgħa jew iktar, xi ħbieb u membri tal-familja minn Ohio li kienu jiġu hemm bil-karozza biex jgħinuna.
Konvenzjonijiet Memorabbli Oħrajn
Il-konvenzjoni f’Columbus, Ohio, bejn l-24 u t’30 taʼ Lulju, 1931, kienet waħda verament memorabbli. Kien hemmhekk li ġie mħabbar li konna se nibdew niġu identifikati bl-isem Xhieda taʼ Jehovah li kien ibbażat fuq il-Bibbja. (Isaija 43:12) Qabel dan, meta n-nies kienu jistaqsuna x’reliġjon kellna, konna ngħidu, “Studenti Internazzjonali tal-Bibbja.” Imma dan ma kienx jagħmilna differenti wisq, ladarba kien hemm ħafna studenti tal-Bibbja assoċjati maʼ diversi gruppi reliġjużi oħrajn.
Agnes, li kienet pijuniera miegħi, kienet iżżewġet u jien sfajt waħdi; b’hekk kont se ntir bil-ferħ meta ġie annunzjat li dawk li kienu qed ifittxu lil xi ħadd biex ikun pijunier magħhom kellhom jirrapportaw f’ċertu post. Hemmhekk iltqajt maʼ Bertha u Elsie Garty u Bessie Ensminger. Dawn kellhom żewġ karozzi u kienu qed ifittxu oħt pijuniera oħra, ir-rabaʼ waħda, biex taħdem magħhom. Tlaqna mill-konvenzjoni flimkien, minkejja li qatt ma konna ltqajna qabel.
Fis-sajf ħdimna minn tarf sa tarf taʼ Pennsylvania. Imbagħad, hekk kif bdiet toqrob ix-xitwa, tlabna inkarigi f’North Carolina, Virginia, u Maryland, li kienu stati iktar sħan fin-naħa t’isfel. Fir-rebbiegħa erġajna lura għan-naħa taʼ fuq taʼ l-Istati Uniti. Hekk kienet id-drawwa tal-pijunieri dak iż-żmien. Fl-1934, John Booth u Rudolph Abbuhl, li mxew skond din id-drawwa, ħadu lil Ralph Moyer u lil ħuh iż-żgħir Willard magħhom f’Hazard, Kentucky.
Apokalissi 7:9-14) Sa dan iż-żmien konna nemmnu li dawk tal-kotra kbira kienu membri taʼ klassi oħra għas-sema iżda li kienu inqas leali mill-144,000. (Apokalissi 14:1-3) Għalhekk ma ridtx inkun waħda minnhom!
Kont iltqajt maʼ Ralph f’diversi okkażjonijiet, u sirna nafu lil xulxin aħjar fil-konvenzjoni kbira li saret f’Washington, D.C., bejn it-30 taʼ Mejju u t-3 taʼ Ġunju, 1935. Jien u Ralph konna bil-qegħda ħdejn xulxin fil-gallerija meta ngħatat it-taħdita dwar il-“kotra kbira,” jew il-“folla kbira.” (Meta Ħuna Rutherford spjega li dawk tal-kotra kbira kienu klassi għall-art, magħmula minn uħud leali li kienu se jibqgħu ħajjin wara Armageddon, ħafna baqgħu mistagħġbin. Imbagħad hu stieden lil dawk kollha tal-kotra kbira biex iqumu bil-wieqfa. Jien ma qomtx, imma Ralph iva. Iktar tard, l-affarijiet saru iktar ċari f’moħħi, u għalhekk l-1935 kienet l-aħħar sena li ħadt mill-emblemi tal-ħobż u taʼ l-inbid fil-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu. Ommi, madankollu, baqgħet tieħu sehem sal-mewt tagħha f’Novembru taʼ l-1957.
Sieħeb Permanenti
Jien u Ralph komplejna niktbu lil xulxin. Jien kont qed naqdi f’Lake Placid, New York, u hu kien f’Pennsylvania. Fl-1936, hu bena karavan żgħira li setaʼ jiġbidha bil-karozza tiegħu. Hu telaq minn Pottstown, Pennsylvania, u mar Newark, New Jersey, għall-konvenzjoni li saret hemmhekk bejn is-16 u t-18 t’Ottubru. Darba waħda fil-għaxija, wara l-programm, diversi wħud minna l-pijunieri morna biex naraw il-karavan il-ġdida taʼ Ralph. Jien u hu konna qegħdin fil-karavan ħdejn il-mejjilla żgħira li kellu mwaħħla, meta staqsieni, “Togħġbok il-karavan?”
Meta għamiltlu sinjal b’rasi li iva, staqsieni, “Trid tgħix fiha?”
“Iva,” weġibtu, u hu tani bewsa tenera li ma ninsieha qatt. Ftit jiem wara, ġibna l-liċenzja biex niżżewġu. Fid-19 t’Ottubru, il-ġurnata taʼ wara l-konvenzjoni, morna Brooklyn u żorna l-faċilità taʼ l-istampar tal-Watch Tower Society. Imbagħad tlabna għal biċċa territorju bħala inkarigu. Grant Suiter, li kien inkarigat mit-territorju, staqsa min kien se jaħdmu. Ralph qal, “Aħna, jekk jirnexxilna niżżewġu.”
“Jekk terġgħu tiġu fil–5:00 p.m., nistgħu nirranġawlkom,” wieġeb Ħuna Suiter. Għalhekk, dak in-nhar fil-għaxija, iżżewwiġna fid-dar taʼ wieħed Xhud fl-akkwati taʼ Brooklyn. Imbagħad morna nieklu maʼ xi ħbieb f’restorant lokali u wara tlaqna bit-trasport pubbliku għal Newark, New Jersey, fejn kien hemm il-karavan taʼ Ralph.
Ftit żmien wara dan, konna fi triqitna lejn Heathsville, Virginia, l-ewwel inkarigu tagħna flimkien bħala pijunieri. Ħdimna l-Kontea taʼ Northumberland u mbagħad morna fil-kontej taʼ Fulton u Franklin f’Pennsylvania. Fl-1939, Ralph ġie mistieden biex jagħmel ix-xogħol taż-żona, attività li kienet tinvolvi li nżuru għadd taʼ kongregazzjonijiet waħda wara l-oħra. Il-kongregazzjonijiet li qdejna kienu fl-istat taʼ Tennessee. Is-sena taʼ wara twieled it-tifel tagħna, Allen, u
fl-1941 ix-xogħol taż-żona spiċċa. Imbagħad ġejna inkarigati f’Marion, Virginia, bħala pijunieri speċjali. F’dak iż-żmien, dan kien ifisser li nqattgħu 200 siegħa kull xahar fil-ministeru.Nagħmlu Aġġustamenti
Fl-1943, kien neċessarju għalija li nieqaf mix-xogħol taʼ pijuniera speċjali. Li ngħix f’daqsxejn taʼ karavan, nieħu ħsieb tifel żgħir, nipprepara l-ikel, inżomm ħwejjiġna ndaf, u nqattaʼ mas-60 siegħa fil-ministeru kull xahar kien dak kollu li stajt nagħmel. Imma Ralph kompla bħala pijunier speċjali.
Fl-1945, erġajna lura f’Alliance, Ohio, begħna l-karavan li għal disaʼ snin kienet id-dar tagħna, u morna noqogħdu fir-razzett mal-ġenituri tiegħi. Kien hemmhekk li twieldet it-tifla tagħna, Rebekah, fil-veranda taʼ quddiem. Ralph qabad xogħol part-time fil-belt u kompla bħala pijunier regulari. Jien ħdimt fir-razzett u għamilt dak li stajt biex ngħinu jkompli bħala pijunier. Għalkemm il-familja tiegħi offritilna dar u biċċa art mingħajr ma nħallsu xejn, Ralph irrifjuta. Hu ried li ma jkollna xejn x’ifixkilna milli nkomplu nfittxu iktar bis-sħiħ l-interessi tas-Saltna.
Fl-1950, morna noqogħdu mill-ġdid f’Pottstown, Pennsylvania, u krejna dar għal $25 (Lm10) fix-xahar. Matul it-tletin sena taʼ wara, il-kera żdiedet għal $75 (Lm29) biss. Ħassejna li Jehovah kien qed jgħinna nżommu ħajjitna sempliċi. (Mattew 6:31-33) Ralph kien jaħdem tliet darbiet fil-ġimgħa bħala barbier. Kull ġimgħa konna nistudjaw il-Bibbja maż-żewġt itfal tagħna, nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni, u nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna bħala familja. Ralph qeda bħala indokratur li jippresiedi f’kongregazzjoni lokali. Billi żammejna ħajjitna sempliċi, stajna nagħmlu ħafna fis-servizz taʼ Jehovah.
It-Telfa taʼ l-Għażiż Żewġi
Fis-17 taʼ Mejju, 1981, konna bil-qegħda fis-Sala tas-Saltna nisimgħu taħdita pubblika. Ralph ħassu ma jiflaħx, mar fuq wara tas-sala, u bagħatli nota maʼ l-attendant li kien sejjer id-dar. Din tant kienet xi ħaġa mhux tas-soltu minn Ralph li tlabt lil xi ħadd biex jiħodni dritt id-dar. Ralph miet b’attakk qawwi taʼ puplesija f’inqas minn siegħa. Meta spiċċa l-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa dak in-nhar fil-għodu, ġie mħabbar lill-kongregazzjoni li hu kien miet.
Dak ix-xahar Ralph kien diġà għamel iktar minn 50 siegħa fil-ministeru. Il-karriera full-time tiegħu bħala pijunier kienet taʼ iktar minn 46 sena. Hu kien ikkonduċa studji tal-Bibbja maʼ iktar minn 100 persuna, li eventwalment saru Xhieda taʼ Jehovah mgħammdin. Il-barkiet spiritwali li rċivejna kienu vallapena għal kull sagrifiċċju li għamilna matul is-snin.
Grata għall-Privileġġi Tiegħi
Għal dawn l-aħħar 18-il sena, għext waħdi, nattendi l-laqgħat, nippriedka lil oħrajn kif nistaʼ, u nistudja l-Kelma t’Alla. Issa ngħix f’dar taʼ l-anzjani għal ċittadini rtirati. Nippossiedi biss erbaʼ biċċiet għamara u għażilt li ma jkollix televixin. Imma ħajti hi mimlija u spiritwalment sinjura. Il-ġenituri tiegħi u ż-żewġ ħuti subien baqgħu leali sal-mewt, u ħuti l-bniet għadhom jaqdu lealment fit-triq tal-verità.
Jien nifraħ li t-tifel tiegħi, Allen, qed jaqdi bħala anzjan Kristjan. Għal ħafna snin hu waħħal sistemi tas-sound fis-Swali tas-Saltna u taʼ l-Assembleat u ħadem ukoll fl-installazzjoni tas-sound fil-konvenzjonijiet tas-sajf. Il-mara tiegħu hija qaddejja leali t’Alla, u ż-żewġ uliedhom subien jaqdu bħala anzjani. Binti, Rebekah Karres, qattgħet iktar minn 35 sena fil-ministeru full-time, inkluż erbaʼ snin fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn. Hi u żewġha qattgħu dawn l-aħħar 25 sena fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar f’diversi nħawi taʼ l-Istati Uniti.
Ġesù qal li s-Saltna hi bħal teżor moħbi li jistaʼ jinstab. (Mattew 13:44) Jien grata li l-familja tiegħi sabet dan it-teżor ħafna snin ilu. Xi privileġġ li nħares lura lejn iktar minn 80 sena taʼ servizz dedikat lil Alla—mingħajr l-iċken sogħba! Li kieku kelli ngħix ħajti mill-ġdid, nerġaʼ ngħixha bl-istess mod, għaliex ‘it-tjieba t’Alla hija aħjar mill-ħajja’ tabilħaqq.—Salm 63:4 [63:3, NW].
[Nota taʼ taħt]
a The Finished Mystery kien is-sebaʼ wieħed minn serje taʼ volumi intitolata Studies in the Scriptures, li l-ewwel sitta minnhom inkitbu minn Charles Taze Russell. The Finished Mystery kien pubblikat wara l-mewt taʼ Russell.
[Stampa f’paġna 23]
Smajna t-taħdita taʼ Ħuna Rutherford fl-1917 f’Alliance, Ohio
[Stampa f’paġna 23]
Maʼ Ralph quddiem il-karavan li bena
[Stampa f’paġna 24]
Maż-żewġ uliedi llum