Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Intom Tafu Ħafna dwar il-Bibbja”

“Intom Tafu Ħafna dwar il-Bibbja”

Proklamaturi tas-​Saltna Jirrapportaw

META Ġesù, li kellu tnax-il sena, tkellem b’kuraġġ mal-​mexxejja reliġjużi f’Ġerusalemm, “kull min semgħu baqaʼ mistagħġeb bid-​dehen u t-​tweġibiet tiegħu.” (Luqa 2:47) B’mod simili llum, ħafna qaddejja żgħażagħ taʼ Jehovah jagħmlu l-​kuraġġ biex jitkellmu maʼ l-​għalliema tagħhom u maʼ sħabhom taʼ l-​iskola dwar Alla u l-​Bibbja, u taʼ spiss huma wkoll jesperjenzaw riżultati li jġibu sodisfazzjon.

Tiffany, li għandha 14-il sena, kienet waqt lezzjoni fejn waħda mid-​diskussjonijiet kienet dwar il-​profezija Biblika tas-​70 ġimgħa taʼ snin, li tinsab f’Danjel 9:​24-27. L-​għalliem ta ftit fatti dwar il-​versi u mill-​ewwel qataʼ fil-​qasir.

Għall-ewwel, Tiffany kienet bejn ħalltejn jekk tgħollix idha jew le. “Imma għal xi raġuni,” hi tgħid, “ħassejtni verament diżgustata li l-​versi ma ġewx spjegati fid-​dettall. U għalhekk, qbadt u għollejt idi.” L-​għalliem baqaʼ mistagħġeb li kien hemm xi ħadd li kellu xi ħaġa x’jgħid dwar dan is-​suġġett, peress li l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​istudenti ma bdew jifhmu kważi xejn.

Ladarba kellha l-​opportunità li tispjega l-​profezija, Tiffany qamet bil-​wieqfa u bdiet titkellem minkejja li ma kinitx preparata minn qabel biex tagħmel dan. Hekk kif spiċċat, kien hemm silenzju assolut fil-​klassi. Tiffany ħassitha daqsxejn beżgħana. Imbagħad il-​klassi nfexxet f’ċapċipa kbira.

“Tassew impressjonajtni, Tiffany, tassew impressjonajtni,” baqaʼ jirrepeti l-​għalliem. Hu ammetta li kien jaf li bilfors li kien hemm iktar spjegazzjoni għal dawk il-​versi, imma Tiffany kienet l-​ewwel persuna li qatt spjegathomlu daqshekk ċar. Fl-​aħħar tal-​lezzjoni, hu staqsa lil Tiffany kif kienet taf daqshekk dwar il-​Bibbja.

“Għax jien waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah,” weġbitu hi. “Il-​ġenituri tiegħi kellhom jispjegawli din il-​profezija għal diversi drabi biex stajt nifhimha sew.”

Sħabha tal-​klassi wkoll baqgħu mistagħġbin bl-​għarfien li kellha dwar il-​Bibbja. Studenta minnhom qalet lil Tiffany: “Issa naf għala intom ix-​Xhieda taʼ Jehovah tmorru minn bieb għal bieb; għax intom tafu ħafna dwar il-​Bibbja.” Oħrajn wegħduha li ma kinux se jibqgħu jinkuha iktar dwar it-​twemmin tagħha.

Meta Tiffany qalet lill-​ġenituri tagħha dwar l-​esperjenza li kellha, huma ssuġġerewlha li toffri l-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem lill-​għalliem tagħha. Meta għamlet dan u wriet lill-​għalliem dik il-​parti li tispjega l-​profezija taʼ Danjel, hu mill-​ewwel aċċetta l-​ktieb u rringrazzjaha.

Tassew, meta ż-​żgħażagħ Kristjani jitkellmu b’kuraġġ dwar dak li għallmuhom il-​ġenituri tagħhom rigward Alla u l-​Bibbja, huma jġibu tifħir u unur lil Jehovah u barkiet għalihom infushom.—Mattew 21:​15, 16.