Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla

Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla

“Għandna mwettqa aħjar il-​kelma tal-​profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha.”—2 PIETRU 1:19.

1, 2. Liema eżempju tistaʼ tirrakkonta dwar messija falz?

 Matul is-​sekli, kien hawn ħafna messijiet foloz li pprovaw ibassru l-​futur. Fil-​ħames seklu E.K., wieħed raġel li sejjaħ lilu nnifsu Mosè kkonvinċa lil xi Lhud fuq il-​gżira taʼ Kreta li hu kien il-​messija u kien se jeħlishom mill-​oppressjoni. Meta wasal il-​jum li fih kellha sseħħ il-​liberazzjoni tagħhom, huma segwewh lejn post fl-​għoli li jagħti għal fuq il-​Baħar Mediterran. Hu qalilhom li kulma kellhom jagħmlu kien li jinxteħtu fil-​baħar u dan jinferaq quddiemhom. Għadd kbir minn dawk li qabżu l-​baħar għerqu, u dak il-​messija falz għosfor.

2 Fis-seklu 12, tfaċċa “messija” fil-​Jemen. Il-​kalif, jew ħâkem, talbu jurih sinjal li jagħti prova li hu tassew kien messija. Dan il-​“messija” ppropona li l-​kalif iqabbad lil xi ħadd jaqtagħlu rasu. Hu pprofetizza li kien se jirxoxta kważi immedjatament, u dan kellu jservi bħala s-​sinjal. Il-​kalif qabel mal-​pjan—u dan kien it-​tmiem taʼ dak il-​“messija.”

3.Min hu l-​Messija veru, u l-​ministeru tiegħu x’wera?

3 Il-messijiet foloz u l-​profeziji tagħhom fallew għalkollox, imma l-​fatt li noqogħdu attenti għall-​kelma profetika t’Alla qatt ma se jirriżulta f’diżappunt. Il-​Messija veru, Ġesù Kristu, kien it-​twettiq ħaj taʼ ħafna profeziji Bibliċi. Per eżempju, meta kkwota l-​profezija taʼ Isaija, l-​Evanġelista Mattew kiteb: “‘Art taʼ Żebulun, u art taʼ Naftali, it-​triq tal-​baħar, art ’il hemm mill-​Ġordan, Galilija tal-​ġnus! Il-​poplu li kien qiegħed fid-​dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-​mewt idda dawl għalihom.’ Minn dak iż-​żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: ‘Indmu għax is-​Saltna tas-​Smewwiet waslet.’” (Mattew 4:​15-17; Isaija 8:23–9:1 [9:​1, 2, NW]) Ġesù Kristu kien dak id-​“dawl kbir,” u l-​ministeru tiegħu wera li hu kien il-​Profeta li Mosè kien bassar dwaru. Dawk li ma jagħtux widen għal kliem Ġesù kellhom jinqerdu.​—Dewteronomju 18:​18, 19; Atti 3:​22, 23.

4. Ġesù kif wettaq Isaija 53:12?

4 Ġesù wettaq ukoll il-​kliem profetiku li nsibu f’Isaija 53:12: “Hu offra ruħu għall-​mewt, u kien magħdud mal-​midinbin. Hu li neħħa l-​ħtijiet tal-​kotra, u ndaħal għall-​midinbin.” Billi kien jaf li dalwaqt kien se jagħti l-​ħajja umana tiegħu bħala prezz tal-​fidwa, Ġesù saħħaħ il-​fidi tad-​dixxipli tiegħu. (Mark 10:45) Dan għamlu b’mod li jispikka permezz tat-​trasfigurazzjoni.

It-​Trasfigurazzjoni Tibni l-​Fidi

5. Int kif tiddeskriviha fi kliemek it-​trasfigurazzjoni?

5 It-trasfigurazzjoni kienet ġrajja profetika. Ġesù qal: “Bin il-​bniedem għandu jiġi fil-​glorja taʼ Missieru flimkien maʼ l-​anġli tiegħu. . . . Tassew, ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-​mewt qabel ma jaraw Bin il-​bniedem ġej fis-​Saltna tiegħu.” (Mattew 16:​27, 28) Kien hemm xi appostli li attwalment raw lil Ġesù ġej fis-​Saltna tiegħu? Mattew 17:​1-7 jgħid: “Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’ l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom.” Xi ġrajja impressjonanti! “Wiċċu sar jiddi bħax-​xemx, u lbiesu sar abjad bħad-​dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.” Barra minn hekk, “sħaba kollha dawl għattiethom,” u semgħu l-​leħen t’Alla nnifsu jgħid: “‘Dan hu Ibni l-​għażiż, li fih sibt l-​għaxqa tiegħi: isimgħu lilu.’ Id-​dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-​art, mimlijin biżaʼ. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: ‘Qumu. La tibżgħux.’”

6. (a) Ġesù t-​trasfigurazzjoni għala sejħilha dehra? (b) It-​trasfigurazzjoni taʼ liema ħaġa kienet previżjoni?

6 Din il-​ġrajja taʼ l-​għaġeb x’aktarx li seħħet fuq waħda mill-​qċaċet tal-​Muntanja Ħermon, fejn Ġesù u t-​tliet appostli għaddew il-​lejl. Evidentement, it-​trasfigurazzjoni seħħet bil-​lejl, u b’hekk kienet saħansitra iktar ċara. Raġuni waħda għala Ġesù sejħilha dehra kienet għaliex Mosè u Elija, li kienu ilhom mejtin, ma kinux preżenti letteralment. Kristu biss kien attwalment qiegħed hemmhekk. (Mattew 17:​8, 9) Lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, din il-​wirja li tgħammxek tathom previżjoni spettakolari tal-​preżenza glorjuża taʼ Ġesù fil-​qawwa tas-​Saltna. Mosè u Elija jiffiguraw lill-​werrieta midlukin li huma mseħbin maʼ Ġesù, u d-​dehra rrinforzat b’qawwa kbira x-​xiehda li hu ta dwar is-​Saltna u l-​kariga futura tiegħu bħala sultan.

7. Kif nafu li t-​trasfigurazzjoni kienet għadha ċara f’moħħ Pietru?

7 It-trasfigurazzjoni għenet biex issaħħaħ il-​fidi tat-​tliet appostli li kien se jkollhom irwol ewlieni fil-​kongregazzjoni Kristjana. Il-​wiċċ jiddi taʼ Kristu, l-​ilbies ilellex tiegħu, u l-​leħen t’Alla nnifsu jiddikjara li Ġesù kien Ibnu l-​maħbub li lilu għandhom jisimgħu​—permezz taʼ dan kollu, intlaħaq l-​iskop bl-​iktar mod effettiv. Imma l-​appostli ma kellhom jgħidu lil ħadd b’din id-​dehra sa ma Ġesù jkun qam mill-​imwiet. Xi 32 sena wara, din id-​dehra kienet għadha ċara f’moħħ Pietru. Billi ġibed l-​attenzjoni lejha u lejn is-​sinjifikat tagħha, hu kiteb: “Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef . . . [“minsuġin bil-​għaqal,” Saydon] meta għarrafniekom dwar il-​qawwa taʼ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-​miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-​kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-​Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-​Tron Glorjuż instemaʼ jgħid għalih: ‘Dan hu Ibni, l-​għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.’ Aħna smajnieh dan il-​leħen ġej mis-​sema meta konna miegħu fuq il-​muntanja mqaddsa.”—2 Pietru 1:​16-​18.

8. (a) Il-​proklamazzjoni t’Alla rigward Ibnu fuq liema ħaġa ffokat l-​attenzjoni? (b) X’kien indikat mis-​sħaba li dehret fit-​trasfigurazzjoni?

8 L-iktar parti importanti kienet il-​proklamazzjoni t’Alla: “Dan hu Ibni l-​għażiż, li fih sibt l-​għaxqa tiegħi: isimgħu lilu.” Din l-​istqarrija tiffoka l-​attenzjoni fuq Ġesù bħala s-​Sultan t’Alla mqiegħed fuq it-​tron, li lejh il-​ħolqien kollu jrid ikun ubbidjenti. Is-​sħaba li għattiethom indikat li t-​twettiq taʼ din id-​dehra kellu jkun b’mod inviżibbli. Kien se jkun jidher biss bl-​għajnejn tal-​fehma min-​naħa taʼ dawk li jagħrfu s-​“sinjal” tal-​preżenza inviżibbli taʼ Ġesù fil-​qawwa tas-​Saltna. (Mattew 24:3) Fil-​fatt, l-​istruzzjoni li tahom Ġesù biex id-​dehra ma jgħiduha lil ħadd sakemm hu jkun qam mill-​imwiet turi li l-​eżaltazzjoni u l-​glorifikazzjoni tiegħu kellhom iseħħu wara l-​irxoxt tiegħu.

9. It-​trasfigurazzjoni għala għandha ssaħħilna l-​fidi tagħna?

9 Wara li rrefera għat-​trasfigurazzjoni, Pietru stqarr: “Hekk għandna mwettqa aħjar il-​kelma tal-​profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-​dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-​jum u f’qalbkom titlaʼ l-​kewkba taʼ filgħodu. Dan fuq kollox għandkom tkunu tafu: li l-​ebda profezija taʼ l-​Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-​rieda tal-​bnedmin; imma, meta l-​bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-​Ispirtu s-​Santu.” (2 Pietru 1:​19-21) It-​trasfigurazzjoni tenfasizza kemm hi taʼ min joqgħod fuqha l-​kelma profetika t’Alla. Aħna rridu noqogħdu attenti għal din il-​kelma u mhux għall-​“ħrejjef minsuġin bil-​għaqal,” li m’għandhomx l-​appoġġ jew l-​approvazzjoni t’Alla. It-​trasfigurazzjoni għandha ssaħħaħ il-​fidi tagħna fil-​kelma profetika għaliex dik il-​viżjoni bil-​quddiem tal-​glorja u tal-​qawwa tas-​Saltna li Ġesù kien se jkollu saret realtà. Iva, għandna evidenza li ħadd ma jistaʼ jiċħadha li Kristu hu preżenti llum bħala sultan potenti fis-​sema.

Kif Titlaʼ l-​Kewkba taʼ Fil-​għodu

10. Min hu, jew, x’inhi l-​“kewkba taʼ filgħodu” li semma Pietru, u għala twieġeb hekk?

10 Pietru kiteb: “Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti . . . [għall-kelma profetika]; hi bħal fanal li jagħti d-​dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-​jum u f’qalbkom titlaʼ l-​kewkba taʼ filgħodu.” Min hu, jew, x’inhi l-​“kewkba taʼ filgħodu”? L-​espressjoni “kewkba taʼ filgħodu” tidher darba biss fil-​Bibbja, u tfisser l-​istess bħal “kewkba . . . tas-​sebħ.” F’Apokalissi 22:16 (Saydon) Ġesù Kristu jissejjaħ il-​“kewkba tiddi tas-​sebħ.” F’ċerti staġuni tas-​sena, dawn il-​kwiekeb huma l-​aħħar kwiekeb li jitilgħu fuq ix-​xefaq tal-​lvant. Dawn jitilgħu preċiż qabel ma tfeġġ ix-​xemx, u b’hekk iħabbru s-​sebħ taʼ jum ġdid. Pietru uża l-​espressjoni “kewkba taʼ filgħodu” biex jirreferi għal Ġesù wara li Hu rċieva l-​qawwa tas-​Saltna. F’dak iż-​żmien Ġesù telaʼ fl-​univers kollu, inkluż l-​art tagħna! Bħala l-​Kewkba Messjanika taʼ Fil-​għodu, hu jħabbar is-​sebħ taʼ jum ġdid, jew era ġdida, għall-​umanità ubbidjenti.

11. (a) It-​2 Pietru 1:19 għala ma jfissirx li titlaʼ “kewkba taʼ filgħodu” fil-​qlub letterali tal-​bnedmin? (b) Int kif tispjegaha l-​iskrittura tat-​2 Pietru 1:19?

11 Ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja jippromwovu l-​idea li l-​kliem taʼ l-​appostlu Pietru li nsibu fit-​2 Pietru 1:19 jirreferi għall-​qalb letterali taʼ persuna. Qalb taʼ persuna adulta tiżen biss minn 250 sa 300 gramma. Kif jistaʼ Ġesù Kristu—li issa hu ħlejqa spirtu, immortali, u glorjuża fis-​sema—jitlaʼ f’dawn l-​organi umani żgħar? (1 Timotju 6:16) Bla dubju taʼ xejn, huma l-​qlub figurattivi tagħna li huma involuti f’din il-​kwistjoni, għax huwa permezz tagħhom li noqogħdu attenti għall-​kelma profetika t’Alla. Imma jekk tħares sewwa lejn it-​2 Pietru 1:19 fin-​New World Translation, tistaʼ tara li din it-​traduzzjoni tuża l-​virgoli qabel u wara l-​frażi “sakemm iżernaq il-​jum u l-​kewkba taʼ bi nhar li titlaʼ,” li sempliċement iżżid iktar dettall. B’hekk, din il-​frażi tiġi iżolata minn kliem li hemm iktar qabel fil-​vers u mill-​espressjoni “fi qlubkom.” Dan il-​vers jistaʼ jiġi espress b’dan il-​mod: ‘Għandna l-​kelma profetika magħmula iktar fiż-​żgur; u intom qegħdin tagħmlu sew li tagħtu attenzjoni għaliha bħallikieku għal musbieħ li qiegħed jiddi f’post mudlam, jiġifieri, fi qlubkom, sakemm iżernaq il-​jum u l-​kewkba taʼ bi nhar titlaʼ.’

12. X’inhi l-​kundizzjoni tal-​maġġuranza tal-​qlub tal-​bnedmin, imma x’inhu minnu dwar il-​Kristjani veri?

12 X’inhi l-​kundizzjoni tal-​qlub figurattivi tal-​maġġuranza tal-​bnedmin midinbin? Qlubhom huma mdallmin spiritwalment! Madankollu, jekk aħna Kristjani veri, hu bħallikieku għandna lampa qegħda tiddi f’qalbna, li mingħajrha qlubna jkunu mudlama. Kif jindika l-​kliem taʼ Pietru, huwa billi joqogħdu attenti għall-​kelma profetika t’Alla, li titfaʼ d-​dawl, li l-​Kristjani ġenwini jibqgħu għassa u jkollhom id-​dawl sakemm ibexbex jum ġdid. Dawn jindunaw bil-​fatt li tkun telgħet il-​Kewkba taʼ Fil-​għodu, mhux fil-​qlub letterali tal-​bnedmin, imma quddiem il-​ħolqien kollu.

13. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​Kewkba taʼ Fil-​għodu diġà telgħet? (b) Il-​Kristjani għala jistgħu jissaportu l-​kundizzjonijiet diffiċli li Ġesù bassar għal żmienna?

13 Il-Kewkba taʼ Fil-​għodu diġà telgħet! Nistgħu nkunu ċerti dwar dan billi noqogħdu attenti għall-​profezija l-​kbira taʼ Ġesù rigward il-​preżenza tiegħu. Illum, aħna qed nesperjenzaw it-​twettiq tagħha fi ġrajjiet bħalma huma gwerer li qatt ma kien hawn bħalhom, ġuħ, terremoti, u l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba madwar id-​dinja kollha. (Mattew 24:​3-14) Għalkemm il-​kundizzjonijiet diffiċli li Ġesù bassar jeffettwaw lilna l-​Kristjani wkoll, aħna nistgħu nissaportu bil-​paċi u l-​ferħ f’qalbna. Għala? Għaliex noqogħdu attenti għall-​kelma profetika t’Alla u nuru fidi f’dak li jwegħedna għall-​futur. Aħna nafu li ninsabu fuq l-​għatba taʼ l-​aqwa żmien għaliex dħalna fil-​fond sew fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar”! (Danjel 12:4) Id-​dinja tinsab fl-​istat iddisprat li ġie mbassar f’Isaija 60:2: “Ara d-​dlamijiet jiksu l-​art, u sħab iswed il-​popli.” Kif jistaʼ xi ħadd isib triqtu f’dan id-​dlam? Wieħed irid joqgħod attent bl-​umiltà kollha għall-​kelma profetika t’Alla issa, qabel ma jkun tard wisq. Nies taʼ qalb onesta jeħtieġ li jduru lejn Alla Jehovah, l-​Għajn tal-​ħajja u d-​dawl. (Salm 36:10 [36:​9, NW]; Atti 17:28) Billi jagħmel dan biss jistaʼ wieħed jittama li jkollu l-​veru tidwil u t-​tama li jgawdi l-​futur meraviljuż li Alla kellu l-​iskop li tgawdi l-​umanità ubbidjenti.​—Apokalissi 21:​1-5.

“[I]d-Dawl Ġie fid-​Dinja”

14. X’irridu nagħmlu biex nesperjenzaw it-​twettiq tal-​profeziji taʼ l-​għaġeb li hemm fil-​Bibbja?

14 L-Iskrittura tagħmilha ċara li Ġesù Kristu issa qiegħed jaħkem bħala Sultan. Peress li fl-​1914 hu ħa l-​poter, hemm profeziji taʼ l-​għaġeb li għad iridu jitwettqu. Biex nesperjenzaw it-​twettiq tagħhom, irridu nagħtu prova li aħna wħud ġwejdin li jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu, billi nindmu minn xogħlijiet midinbin u minn dnubiet li kkommettejna fl-​injoranza. M’għandniex xi ngħidu, dawk li jħobbu d-​dlam m’humiex se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Ġesù qal: “[I]l-ġudizzju huwa dan: li d-​dawl ġie fid-​dinja, imma l-​bnedmin ħabbew id-​dlam aktar mid-​dawl, għax l-​għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-​ħażen jobgħod id-​dawl, u ma jersaqx lejn id-​dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-​sewwa jersaq lejn id-​dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.”​—Ġwann 3:​19-​21.

15. X’se jiġri jekk aħna nittraskuraw is-​salvazzjoni li Alla għamel possibbli permezz taʼ Ibnu?

15 Id-dawl spiritwali ġie fid-​dinja permezz taʼ Ġesù, u huwa vitali li nisimgħu minnu. Pawlu kiteb: “Alla fl-​imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-​profeti. Issa f’dan l-​aħħar żmien, huwa kellimna permezz taʼ Ibnu, li hu għamlu werriet taʼ kollox.” (Lhud 1:​1, 2) X’jiġri jekk nuru disprezz għas-​salvazzjoni li Alla Jehovah għamel possibbli permezz taʼ Ibnu? Pawlu kompla: “Jekk il-​kelma li ngħatat permezz taʼ l-​anġli kienet tiswa tant li min ma kienx iħarisha, jew ma kienx joqgħod għaliha, kien jieħu l-​ħlas li ħaqqu, kif nistgħu neħilsuha aħna jekk inwarrbu salvazzjoni hekk kbira? Din hi salvazzjoni li ngħatat l-​ewwel bil-​fomm tal-​Mulej stess, u mbagħad wassluha sħiħa lilna dawk li semgħuh. Maʼ tagħhom Alla żied ix-​xhieda tiegħu b’sinjali u għeġubijiet u ħafna għemejjel setgħana, u wkoll bid-​doni taʼ l-​Ispirtu s-​Santu mqassmin skond ir-​rieda tiegħu.” (Lhud 2:​2-4) Iva, Ġesù għandu rwol prinċipali fl-​ipproklamar tal-​kelma profetika.​—Apokalissi 19:10.

16. Għala jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fil-​profeziji kollha t’Alla Jehovah?

16 Kif diġà rajna, Pietru qal: “L-​ebda profezija taʼ l-​Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu.” Il-​bnedmin, bil-​ħila tagħhom biss, ma jistgħu qatt joriġinaw xi profezija vera, imma aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fil-​profeziji kollha t’Alla. Dawn joriġinaw minn Alla Jehovah nnifsu. Permezz taʼ l-​ispirtu qaddis, hu għen lill-​qaddejja tiegħu jifhmu kif il-​profeziji tal-​Bibbja qegħdin jitwettqu. Aħna tassew grati lejn Jehovah li rajna t-​twettiq taʼ ħafna profeziji bħal dawn mis-​sena 1914 ’l hawn. U ninsabu assolutament ċerti li l-​profeziji li fadal dwar it-​tmiem taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet mill-​agħar se jitwettqu kollha. Huwa vitali li nibqgħu nagħtu attenzjoni għat-​tbassir divin waqt li nħallu d-​dawl tagħna jiddi. (Mattew 5:16) Kemm aħna grati li Jehovah qed iġiegħel ‘id-​dawl ifiġġ għalina fid-​dlam oħxon’ li qiegħed jiksi l-​art illum!—Isaija 58:10.

17. Għala neħtieġu d-​dawl spiritwali mingħand Alla?

17 Id-dawl fiżiku jgħinna naraw. Dan jagħmilha possibbli wkoll li jikbru l-​prodotti agrikoli, u dawn jipprovdulna varjetà kbira taʼ ikel. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr id-​dawl fiżiku. Xi ngħidu għad-​dawl spiritwali? Dan jipprovdilna gwida u jurina l-​futur bħalma hu mbassar fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. (Salm 119:105) Alla Jehovah bl-​imħabba kollha ‘jibgħat id-​dawl tiegħu u s-​sewwa tiegħu.’ (Salm 43:3) Żgur li għandna nuru apprezzament profond għal dawn il-​provvedimenti. Għalhekk, ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nassorbu d-​dawl taʼ “l-​għarfien glorjuż dwar Alla” ħalli jilluminalna l-​qalb figurattiva tagħna.—2 Korintin 4:​6, NW; Efesin 1:18.

18. Il-​Kewkba taʼ Fil-​għodu taʼ Jehovah x’jinsab lest biex jagħmel issa?

18 Kemm aħna mberkin li nafu li fl-​1914, Ġesù Kristu, il-​Kewkba taʼ Fil-​għodu, telaʼ fl-​univers kollu u beda jwettaq id-​dehra tat-​trasfigurazzjoni! Il-​Kewkba taʼ Fil-​għodu taʼ Jehovah issa jinsab preżenti, lest biex iwettaq l-​għan t’Alla f’konnessjoni mat-​twettiq tat-​trasfigurazzjoni—il-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” (Apokalissi 16:​14, 16) Wara li din is-​sistema qadima tkun ġiet meqruda għalkollox, Jehovah se jwettaq il-​wegħda tiegħu taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida,” fejn inkunu nistgħu nfaħħruh għal dejjem bħala l-​Mulej Sovran taʼ l-​univers u bħala dak Alla tal-​profezija vera. (2 Pietru 3:13) Sakemm jasal dak il-​jum grandjuż, ejja nkomplu mexjin fid-​dawl divin billi noqogħdu attenti għall-​kelma profetika t’Alla.

Int kif Twieġeb?

• Int kif tiddeskriviha t-​trasfigurazzjoni taʼ Ġesù?

• It-​trasfigurazzjoni kif tibnilna l-​fidi?

• Min hu, jew, x’inhi l-​Kewkba taʼ Fil-​għodu taʼ Jehovah, u din meta telgħet?

• Għala għandna noqogħdu attenti għall-​kelma profetika t’Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Tistaʼ tispjega x’sinjifikat għandha t-​trasfigurazzjoni?

[Stampa f’paġna 15]

Il-​Kewkba taʼ Fil-​għodu diġà telgħet. Taf kif u meta?