Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek Int l-Istess Ħarsa t’Alla lejn Uħud Vjolenti?

Għandek Int l-Istess Ħarsa t’Alla lejn Uħud Vjolenti?

Minn żmien twil ilu, in-​nies ammiraw u onoraw irġiel setgħanin, uħud li juru saħħa fiżika kbira u qlubija. Wieħed minn dawn kien eroj mitoloġiku mill-​Greċja tal-​qedem, Erakles, jew Erkole, kif kienu jsibuh ir-​Rumani.

ERAKLES kien iktar minn sempliċi eroj taʼ fama kbira; kien l-​iktar setgħani fost il-​gwerriera. Skond il-​leġġenda, hu kien nofsu bniedem u nofsu alla, it-​tifel taʼ l-​alla Grieg Żews, u Alkmena, omm umana. Il-​bravuri tiegħu bdew meta kien għadu daqsxejn taʼ tarbija fin-​nieqa. Meta waħda mill-​allat nisa li kienet għajjura bagħtet żewġt isriep kbar ħafna biex joqtluh, Erakles fgahom. Iktar tard f’ħajtu hu ġġieled battalji, għeleb mostri, u tqabad mal-​mewt biex isalva lil wieħed ħabib. Barra minn hekk, hu ħarbat bliet sħaħ, stupra diversi nisa, xeħet tifel minn fuq torri għal isfel, u qatel lil martu u wliedu.

Għalkemm ma kienx persuna vera, il-​mitiku Erakles deher minn żmien żemżem fl-​istejjer taʼ pajjiżi antiki li kienu magħrufin mal-​Griegi. Ir-​Rumani kienu jqimuh bħala alla; in-​negozjanti u l-​vjaġġaturi kienu jitolbuh biex ikollhom prosperità u biex jipproteġihom mill-​periklu. L-​istejjer dwar il-​bravuri tiegħu ilhom jaffaxxinaw lin-​nies għal eluf taʼ snin.

L-​Oriġini tal-​Leġġenda

Għandhom l-​istejjer dwar Erakles u eroj mitoloġiċi oħrajn xi bażi reali? Sa ċertu punt, iva. Il-​Bibbja titkellem dwar żmien, kmieni fl-​istorja tal-​bniedem, meta fuq l-​art tassew li kien hawn “allat” u “wħud nofshom bnedmin u nofshom allat.”

Meta ddeskriva dak il-​perijodu, Mosè kiteb: “U ġara li meta l-​bnedmin bdew joktru fuq l-​art u tweldulhom il-​bniet, raw ulied Alla li l-​bniet tal-​bnedmin kienu ħelwin, u ’l dawk li għoġbuhom ħaduhom b’nisa tagħhom.”—Ġenesi 6:​1, 2.

Dawn “ulied Alla” ma kinux bnedmin; kienu wlied anġeliċi t’Alla. (Qabbel Ġob 1:6; 2:1; 38:​4, 7.) Il-​kittieb Bibliku Ġuda jirrakkonta li xi anġli “ma beżgħux għal posthom u telqu mnejn kienu jgħammru.” (Ġuda 6) Fi kliem ieħor, huma ħallew il-​post assenjat lilhom fl-​organizzazzjoni tas-​sema t’Alla għaliex ippreferew jgħixu maʼ nisa sbieħ fuq l-​art. Ġuda jżid li dawn l-​anġli ribellużi kienu bħan-​nies taʼ Sodoma u Gomorra, li ‘ngħataw għaż-​żína u ntelqu wara l-​pjaċiri kontra n-​natura.’—Ġuda 7.

Il-Bibbja ma tagħtiniex id-​dettalji kollha dwar l-​attivitajiet taʼ dawn l-​anġli diżubbidjenti. Madankollu, leġġendi antiki mill-​Greċja u minn pajjiżi oħrajn jagħtu stampa taʼ għadd t’allat irġiel u nisa li kienu jgħixu fost il-​bnedmin, b’mod viżibbli jew inviżibbli. Meta kienu jieħdu s-​sura taʼ  bniedem, kienu taʼ ġmiel li ma bħalu. Huma kielu, xorbu, raqdu, u kellhom x’jaqsmu sesswalment bejniethom u mal-​bnedmin. Għalkemm suppost li kienu qaddisin u immortali, kienu jigdbu u jqarrqu, jargumentaw u jiġġieldu, jisseduċu u jistupraw. Rakkonti mitoloġiċi bħal dawn għandhom mnejn jirriflettu, għalkemm f’forma mirquma u mgħawġa, il-​kundizzjonijiet li l-​ktieb Bibliku taʼ Ġenesi jgħid li attwalment kien hawn qabel id-​Dilluvju.

L-​Uħud Setgħanin tal-​Qedem, Irġiel taʼ Fama

L-​anġli diżubbidjenti u materjalizzati kellhom relazzjonijiet sesswali maʼ nisa, u n-​nisa kellhom it-​tfal. Dawn ma kinux tfal normali. Kienu Nefilim, nofshom bnedmin u nofshom anġli. Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħid: “Kien hemm il-​ġganti dak iż-​żmien – u wara wkoll – meta wlied Alla resqu lejn il-​bniet tal-​bnedmin, u huma wildulhom. Dawn kienu . . . [“l-​uħud setgħanin li kienu mill-​qedem, l-​irġiel taʼ fama,” NW].”—Ġenesi 6:4.

Il-kelma Ebrajka “nefilim” letteralment tfisser “uħud li waqqgħu lil oħrajn,” jew li jġagħlu lil oħrajn jaqgħu, permezz t’atti vjolenti. B’hekk, m’għandniex għalfejn niskantaw li r-​rakkont tal-​Bibbja jżid: “U l-​art . . . [i]mtliet bil-​vjolenza.” (Ġenesi 6:11) Il-​persunaġġi mitoloġiċi nofshom bnedmin u nofshom allat, bħal Erakles u l-​eroj Babiloniż Gilgamex, jixbhu sew lin-​Nefilim.

Innota li n-​Nefilim kienu msejħin “uħud setgħanin” u “rġiel taʼ fama.” Kuntrarju għar-​raġel twajjeb Noè, li għex fl-​istess żmien, in-​Nefilim ma kinux interessati f’li jippromwovu l-​fama taʼ Jehovah. Kienu interessati f’li jagħmlu isem għalihom infushom, f’li jingħataw glorja u fir-​reputazzjoni tagħhom stess. B’atti setgħanin, li mingħajr ebda dubju kienu jinvolvu l-​vjolenza u t-​tixrid taʼ demm, huma kisbu l-​fama li tant ixxennqu għaliha mid-​dinja taʼ madwarhom taʼ nies li jiċħdu ’l Alla. Kienu iktar minn sempliċi eroj taʼ żmienhom—in-​nies kienu jibżgħu minnhom, jirrispettawhom, u kien jidher li ħadd u xejn ma setaʼ għalihom.

Waqt li n-​Nefilim u l-​missirijiet anġeliċi tagħhom li ma żammewx posthom setgħu kienu miżmumin fuq wiċċ l-​idejn mill-​kontemporanji taʼ żmienhom, ċertament li ma kienu famużi xejn f’għajnejn Alla. Il-​mod taʼ ħajja tagħhom kien moqżież. B’riżultat taʼ dan, Alla ħa azzjoni kontra dawk l-​anġli li waqgħu. L-​appostlu Pietru kiteb: “Alla ma ħafirhiex lill-​anġli li dinbu, imma tefagħhom fil-​ħofor mudlama taʼ l-​infern biex hemm jinżammu sa jum il-​ġudizzju; . . . [u] ma ħafirhiex lid-​dinja tal-​qedem – barra minn Noè, il-​ħabbâr tal-​ġustizzja, u sebgħa min-​nies oħra – meta bagħat id-​dilluvju fuq id-​dinja tal-​ħażen.”—2 Pietru 2:​4, 5.

Fid-Dilluvju globali, l-​anġli ribellużi neħħew l-​iġsma materjali tagħhom u rritornaw fl-​għajb lejn il-​qasam taʼ l-​ispirti. Alla kkastigahom billi ma ħallihomx jerġgħu jimmaterjalizzaw iġsma umani. In-​Nefilim, in-​nisel soprannaturali taʼ l-​anġli diżubbidjenti, għebu kollha. Noè u l-​familja żgħira tiegħu biss salvaw mill-​Għarqa.

Irġiel taʼ Fama Llum

Illum, fuq l-​art m’għadx hawn allat jew uħud nofshom bnedmin u nofshom allat. Minkejja dan, il-​vjolenza għadha tiżdied. L-​irġiel taʼ fama tal-​lum huma glorifikati f’kotba, films, televixin, u mużika. Żgur li qatt ma jgħaddilhom minn moħħhom biex idawru ħaddejhom, iħobbu l-​għedewwa tagħhom, ifittxu s-​sliem, jaħfru, jew jevitaw il-​vjolenza. (Mattew 5:​39, 44; Rumani 12:17; Efesin 4:32; 1 Pietru 3:11) Minflok, l-​uħud setgħanin taʼ żmienna huma ammirati għas-​saħħa li għandhom u għall-​abbiltà tagħhom biex jiġġieldu, jivvendikaw ruħhom, u jpattu l-​vjolenza b’iktar vjolenza. a

Il-ħarsa t’Alla lejn uħud bħal dawn baqgħet bħalma kienet fi żmien Noè. Jehovah ma jammirahomx lil dawk li jħobbu l-​vjolenza, u lanqas ma jieħu gost bil-​bravuri tagħhom. Is-​salmista kanta: “Jgħarbel il-​Mulej il-​ġust u l-​ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-​dnewwa.”—Salm 11:5.

Tip Differenti taʼ Saħħa

B’kuntrast qawwi maʼ l-​irġiel setgħanin u vjolenti hemm l-​iktar bniedem famuż li qatt eżista, Ġesù Kristu, raġel taʼ sliem. Meta kien fuq l-​art hu m’għamel l-​“ebda deni.” (Isaija 53:9) Meta l-​għedewwa tiegħu ġew biex jarrestawh fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, is-​segwaċi tiegħu kellhom xi sjuf. (Luqa 22:​38, 47-51) Huma setgħu qajmu rvell biex jipprovaw jevitaw li hu jingħata f’idejn il-​Lhud.—Ġwann 18:36.

Fil-fatt, l-​appostlu Pietru ħareġ is-​sejf tiegħu biex jiddefendi lil Ġesù, imma Ġesù qallu: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:​51, 52) Iva, il-​vjolenza tnissel vjolenza, bħalma wriet l-​istorja tal-​bniedem darba wara l-​oħra. Apparti mill-​opportunità li jiddefendi lilu nnifsu bl-​armi, Ġesù kellu mezz ieħor taʼ difiża. Hu mbagħad qal lil Pietru: “Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli?”—Mattew 26:53.

Minflok ma rrikorra għall-​vjolenza jew għall-​protezzjoni anġelika, Ġesù ħalla lilu nnifsu jinħataf minn dawk li qatluh. Għala? Raġuni waħda hi li hu kien jaf li kien għadu ma wasalx il-​waqt taʼ Missieru tas-​sema biex itemm il-​ħażen fuq l-​art. Minflok ma ħa l-​kwistjoni f’idejh, Ġesù fada f’Jehovah.

Din ma kinitx xi pożizzjoni taʼ dgħjufija iżda taʼ saħħa ġewwinija kbira. Ġesù wera fidi soda li Jehovah kien se jirranġa l-​affarijiet fiż-​żmien Tiegħu u bil-​mod Tiegħu. Minħabba l-​ubbidjenza tiegħu, Ġesù ġie eżaltat għal pożizzjoni taʼ fama li hi sekondarja biss għal dik taʼ Jehovah nnifsu. L-​appostlu Pawlu kiteb rigward Ġesù: “[Hu] ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-​mewt, anzi sal-​mewt . . . [“fuq zokk tat-​tortura,” NW]. Għalhekk Alla għollieh sas-​smewwiet u żejjnu bl-​Isem li hu fuq kull isem, biex fl-​isem taʼ Ġesù – fis-​sema, fl-​art u f’qiegħ l-​art – il-​ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom, u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-​Mulej, għall-​glorja taʼ Alla l-​Missier.’”—Filippin 2:​8-11.

Il-​Wegħda t’Alla li Jtemm il-​Vjolenza

Il-​Kristjani veri jfasslu ħajjithom fuq l-​eżempju u t-​tagħlim taʼ Ġesù. Huma ma jammirawx jew ma jimitawx lin-​nies taʼ fama u vjolenti tad-​dinja. Huma jafu li fil-​waqt xieraq t’Alla, uħud bħal dawn se jitqaċċtu ’l barra għal dejjem, sewwa sew bħalma ġralhom l-​uħud ħżiena fi żmien Noè.

Alla hu l-​Ħallieq taʼ l-​art u tar-​razza umana. Hu wkoll is-​Sovran bi dritt. (Apokalissi 4:11) Jekk imħallef uman għandu awtorità legali biex jieħu deċiżjonijiet ġudizzjarji, kemm għandu iktar awtorità Alla biex jagħmel hekk. Ir-​rispett tiegħu għall-​prinċipji taʼ tjieba tiegħu stess, kif ukoll l-​imħabba tiegħu lejn dawk li jħobbuh, se jġagħluh itemm il-​ħażen kollu u lil dawk li jagħmluh.—Mattew 13:​41, 42; Luqa 17:​26-30.

Dan se jwassal għal sliem dejjiemi fuq l-​art, sliem mibni fis-​sod fuq il-​ġustizzja u t-​tjieba. Dan kien imbassar fil-​profezija magħrufa sew dwar Ġesù Kristu: “Għax tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-​setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: ‘Kunsillier taʼ l-​għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-​sliem.’ Kbira tkun setgħetu, u s-​sliem bla qjies fuq it-​tron taʼ David u s-​saltna tiegħu. Hu jwettaqha u jsaħħaħha bil-​ħaqq u s-​sewwa, minn issa u għal dejjem. Il-​ħeġġa tal-​Mulej taʼ l-​eżerċti tagħmel dan.”—Isaija 9:​5, 6 [9:​6, 7, NW].

B’raġuni tajba, mela, il-​Kristjani jagħtu kas il-​parir ispirat taʼ żmien twil ilu: “Tgħirx għall-​bnedmin vjolenti, u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu; għax min jimxi bl-​imgħawweġ jistkerrhu l-​Mulej, imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-​sewwa.”—Proverbji 3:​31, 32.

[Nota taʼ taħt]

a Il-karattri vjolenti f’ħafna mil-​logħob tal-​kompjuter u l-​films tal-​fantaxjenza taʼ spiss jirriflettu dawn il-​karatteristiċi ħżiena u vjolenti b’mod iktar intens.

[Kumment f’paġna 26]

L-​UĦUD SETGĦANIN TAʼ ŻMIENNA HUMA AMMIRATI GĦAS-​SAĦĦA LI GĦANDHOM U GĦALL-​ABBILTÀ TAGĦHOM BIEX IPATTU L-​VJOLENZA B’IKTAR VJOLENZA

[Sors taʼ l-​istampa f’paġna 29]

Alinari/Art Resource, NY