Nistadu għan-Nies fil-Baħar Eġew
BL-ART tal-Greċja mifruxa fit-tramuntana u fil-punent, bil-gżira taʼ Kreta fin-nofsinhar, u bit-Turkija fil-lvant, il-Baħar Eġew ikopri parti kbira ferm mill-Mediterran tal-lvant. Peress li kien il-benniena fejn żviluppaw xi wħud mill-iktar ċivilizzazzjonijiet kbar u bikrin, il-Baħar Eġew huwa mimli gżejjer kbar u żgħar. Ix-xtut blatin tal-gżejjer, bid-djar żgħar u bojod tagħhom imferrxin ’l hawn u ’l hemm u jleqqu fid-dawl tax-xemx, ispiraw lil wieħed poeta biex ixebbahhom maʼ “żwiemel tal-ġebel bix-xagħar taʼ fuq għonqhom imħabbel.”
Mhux taʼ b’xejn li dawn il-gżejjer saru waħda mill-iktar attrazzjonijiet turistiċi popolari fid-dinja! Is-sbuħija fiżika tagħhom hija mogħnija bil-kwalitajiet mill-aqwa taʼ l-irġiel u n-nisa li jgħixu u jaħdmu hemmhekk. Dawn in-nies, li huma prattiċi u ospitabbli, iżda fl-istess ħin indipendenti, jagħtu karatteristika speċjali lil din iż-żona unika.
Ħafna min-nies tal-gżejjer jiksbu l-għajxien tagħhom billi jistadu fl-ilmijiet tal-Baħar Eġew. Madankollu, hemm tip ieħor taʼ “sajd” importanti li qed jagħti ħafna frott f’dawk l-inħawi. Is-“sajjieda tal-bnedmin,” evanġelizzaturi taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, imorru minn gżira għal oħra fl-Eġew, u jagħmlu dixxipli Kristjani.—Mattew 4:18, 19; Luqa 5:10.
Xi 19-il seklu ilu, evanġelizzaturi Kristjani żaru l-gżejjer taʼ l-Eġew. Madwar is-sena 56 E.K., l-appostlu Pawlu, waqt li kien ġej lura mit-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, waqaf għal ftit żmien fil-gżejjer taʼ Lésvos, Kijos, Samos, Kos, u Rodi. Billi dejjem kien predikatur żeluż, Pawlu żgur li ppriedka lil xi wħud min-nies taʼ dawn il-gżejjer. (Atti 20:14, 15, 24; 21:1, 2) Wara s-sentejn ħabs li qattaʼ f’Ruma, x’aktarx li żar Kreta u ħa sehem fl-attività Kristjana t’hemmhekk. Lejn it-tmiem taʼ l-ewwel seklu, l-appostlu Ġwanni kien eżiljat fil-gżira taʼ Patmos, “minħabba l-Kelma taʼ Alla u x-xhieda taʼ Ġesù.” (Apokalissi 1:9) Kif inhuma sejrin il-proklamaturi taʼ l-aħbar tajba llum f’dawn il-gżejjer?
Kampanji Premjanti taʼ Ppridkar
L-ippridkar f’dawn il-gruppi taʼ gżejjer huwa diffiċli u jitlob ħafna ħin u enerġija. Jirrikjedi sforz kbir u sagrifiċċji persunali. Xi wħud mill-gżejjer huma mbegħdin ħafna minn xulxin. M’hemm l-ebda sistema organizzata taʼ trasport bil-baħar jew bl-ajru lejn xi wħud minn dawn il-gżejjer, waqt li lejn xi gżejjer oħrajn it-trasport lanqas biss jeżisti, speċjalment fix-xitwa. Il-baħar jistaʼ jkun qawwi, speċjalment meta jonfħu l-meltemia—l-irjiħat taʼ l-istaġun li jiġu mit-tramuntana. Iktar minn hekk, f’ħafna mill-gżejjer, l-irħula huma iżolati u diffiċli ferm biex tasal għalihom għax it-toroq huma maqlugħin, mimlijin trab u taʼ spiss bilkemm tkun tistaʼ tgħaddi minnhom. Xi wħud mill-irħula jistgħu jintlaħqu biss permezz taʼ dgħajjes żgħar.
Per eżempju, ħu l-gżira taʼ l-Icaria. Il-11-il pubblikatur taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna fil-kongregazzjoni żgħira t’hemmhekk ma jistgħux ikopru l-irħula kollha fuq dik il-gżira u l-gżejjer
żgħar l-oħrajn tal-viċin. Għalhekk, aħwa Kristjani minn Samos jiġu biex jgħinu fl-ippridkar lin-nies taʼ l-Icaria, kif ukoll lil dawk fil-gżejjer taʼ Phournoi, Patmos, u Lipsos. Reċentement, matul waħda minn dawn il-kampanji taʼ jumejn, ix-Xhieda rnexxielhom iħallu 650 rivista, 99 browxer, u 25 ktieb fuq suġġetti Bibliċi! Huma baqgħu mistagħġbin meta ltaqgħu maʼ nies li ma kellhom l-ebda idea dwar min hu Jehovah, nies li talbuhom jibqgħu biex jgħallmuhom iktar mill-Bibbja. Waħda mara qalet lil waħda Xhud: “Sewwa, issa int sejra. Imma jien għad baqagħli ħafna mistoqsijiet fuq il-Bibbja. Min se jgħinni?” L-oħt Kristjana wegħditha li kienet se żżomm kuntatt magħha bit-telefon, u fil-fatt hi bdiet studju tal-Bibbja b’dan il-mod.Meta indokratur li jivvjaġġa żar l-Icaria, hu għamel arranġament biex il-gżira tinħadem kollha kemm hi f’Sibt u Ħadd wieħed. Għal dan hu kiseb l-għajnuna taʼ madwar 30 pubblikatur tas-Saltna minn Samos. Dawn l-aħwa kellhom iħallsu minn buthom biex joqogħdu żewġt iljieli f’lukanda u biex jikru l-karozzi u vetturi li jingranaw fuq erbaʼ roti. Dik il-ġimgħa kien hemm jumejn taʼ xita bil-qliel, u ma tbassar l-ebda titjib fit-temp għal matul tmiem il-ġimgħa. Imma l-aħwa ma ħallewx dan jaqtagħlhom qalbhom, billi ftakru fil-kliem taʼ Koħèlet 11:4: “Min jgħarrex għar-riħ ma jiżraʼ qatt, u min jagħti kas tas-sħab ma jaħsadx.” Eventwalment, it-temp żamm xi ftit, u wara li kienu koprew il-gżira kollha bil-messaġġ importanti tagħhom, l-aħwa marru lura d-dar ferħanin u sodisfatti.
Is-16-il pubblikatur li jgħixu fuq il-gżira taʼ Andros jagħmlu sforz kbir biex ikopru l-gżira kollha. Meta żewġt aħwa rġiel waslu f’raħal iżolat, huma kienu determinati li jippridkaw lill-abitanti kollha. Huma kellmu lin-nies fi djarhom, fit-toroq, u fl-għelieqi. Żaru wkoll l-għassa tal-pulizija u ħallew xi letteratura hemmhekk. Billi kienu fiduċjużi li kienu kellmu lir-raħħala kollha, kienu se jitilqu. Imma hekk kif kienu ħerġin mill-pjazza tar-raħal, raw il-qassis Ortodoss Grieg ġej. Huma rrealizzaw illi hu kien għadu ma ngħatax xiehda, u għalhekk offrewlu fuljett li aċċettah bil-ferħa. Issa kienu ċerti li ma kienu ħallew lil ħadd barra fl-isforz tagħhom biex jilħqu lil kulħadd bl-aħbar tajba!
Gavdos (jew Kawda)—gżira żgħira taħt Kreta li għandha biss 38 abitant—hi meqjusa bħala l-iktar gżira li qegħda ’l isfel fl-Ewropa. (Atti 27:16) Wieħed indokratur li jivvjaġġa u martu, flimkien maʼ koppja miżżewġa oħra, qattgħu tlett ijiem jippridkaw hemmhekk. Biex jiffrankaw ftit flus, huma raqdu f’tinda. L-abitanti kollha ntlaħqu bl-aħbar tajba, u l-aħwa kienu ferħanin li n-nies t’hemmhekk ma kinux preġudikati. Dawn ma kienu semgħu xejn—tajjeb jew ħażin—dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. In-nies taʼ dak il-post, inkluż il-qassis, aċċettaw 19-il ktieb u 13-il browxer. Hekk kif ix-Xhieda kienu sejrin lura lejn Kreta fuq dgħajsa żgħira, il-baħar tant tqawwa li ħajjithom kienet fil-periklu. “Aħna rringrazzjajna lil Jehovah li wasalna d-dar qawwijin u sħaħ, imma gglorifikajnieh ukoll talli ħalliena nonoraw lil ismu f’din il-gżira li qegħda l-iktar waħda ’l isfel fl-Ewropa,” qalu huma.
Patmos hija l-gżira fejn l-appostlu Ġwanni kiteb l-aħħar ktieb tal-Bibbja, l-Apokalissi. Sa ftit żmien ilu ma kien hemm l-ebda Xhud taʼ Jehovah f’Patmos. L-aħwa minn Samos organizzaw kampanja taʼ ppridkar f’din il-gżira. Huma kienu jafu li setgħu jiltaqgħu m’oppożizzjoni ħarxa minħabba li l-gżira hija fortizza tal-Knisja Griega Ortodossa. Waħda mara stiednet f’darha liż-żewġt aħwa
nisa li kienu qegħdin jagħtuha l-aħbar tajba. Ir-raġel taʼ din il-mara baqaʼ jistaqsi min kien bagħat lill-aħwa għandhom. Meta spjegaw li kienu qed iżuru kull dar, hu reġaʼ staqsa: “Żgur li ma bagħatkomx xi ħadd mill-ġirien?” Iktar tard il-mara, li kienet saret taf bix-Xhieda taʼ Jehovah meta kienet fiz-Zaire, spjegat lill-aħwa x’kien ġara dak in-nhar stess fil-għodu, billi qalet: “Kont qed nitlob lil Jehovah, bħalma għamilt fi ġranet oħrajn, biex jibgħat lil xi Xhieda fil-gżira. Żewġi qagħad jidħaq bija. Meta rajtkom fil-bieb, bqajt mistagħġba u anki hu. Għalhekk baqaʼ jistaqsikom min bagħatkom id-dar tagħna.” Minnufih inbeda studju tal-Bibbja mal-mara. L-istudju sar fuq it-telefon għal għaxar xhur, għalkemm dan sewa kemxa ġmielha kemm lill-oħt kif ukoll lill-mara li wriet interess. Din tgħammdet u llum hija l-unika Xhud f’dik il-gżira fejn l-appostlu Ġwanni ġie iżolat 1,900 sena ilu.“Nistadu” fil-Portijiet
Kull sajf, il-cruise liners jieqfu f’ħafna portijiet Eġej, u jġibu magħhom għadd kbir taʼ turisti. B’hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom opportunità unika li jilħqu nies minn diversi nazzjonalitajiet u taʼ lingwi differenti. Il-kongregazzjonijiet iżommu provvista taʼ letteratura Biblika f’ħafna lingwi differenti, u l-pubblikaturi jħallu eluf taʼ rivisti mat-turisti. Xi cruise liners iżuru l-istess portijiet kull ġimgħa, u dan iforni lill-aħwa b’opportunitajiet eċċellenti biex jagħmlu ż-żjajjar lura u saħansitra jikkonduċu studji tal-Bibbja maʼ xi wħud mill-membri taʼ l-ekwipaġġ tal-vapuri.
Fis-sajf taʼ l-1996, waħda oħt li hija pubblikatriċi full-time f’Rodi, tat xiehda lil wieħed żagħżugħ mill-Ġamajka li kien jaħdem fuq cruise liner li kien iżur dak il-port kull nhar taʼ Ġimgħa. Il-Ġimgħa taʼ wara, ir-raġel ġie mistieden biex jattendi għall-konvenzjoni distrettwali li kienet se ssir fil-gżira. Bil-Bibbja bl-Ingliż f’idha, l-oħt pijuniera għenitu jifhem xi wħud mill-veritajiet Bibliċi li kienu preżentati fil-programm. Iż-żagħżugħ baqaʼ impressjonat profondament bl-imħabba u l-kordjalità murijin mix-Xhieda fil-konvenzjoni. Imbagħad, il-Ġimgħa taʼ wara, hu stieden żewġ pijunieri fuq il-vapur. Dawn ħadu magħhom xi letteratura bl-Ingliż u bl-Ispanjol. Il-basktijiet tagħhom żvojtaw f’inqas minn siegħa! Iż-żagħżugħ Ġamajkan studja l-Bibbja kull nhar
taʼ Ġimgħa, sakemm għadda s-sajf. Imbagħad, fis-sajf taʼ wara reġaʼ ġie, lest biex ikompli l-istudju tiegħu. Iżda, din id-darba hu ddeċieda li jibdel l-impjieg tiegħu biex ikun jistaʼ jipprogressa spiritwalment. Imbagħad reġaʼ telaq. Kemm ferħu l-aħwa f’Rodi meta saru jafu li dan iż-żagħżugħ tgħammed kmieni fl-1998!Naqbdu “Ħut” li Jpassi
Il-Baħar Eġew huwa magħruf għall-abbundanza taʼ ħut li jpassi fih, bħas-sardin u l-pixxispad. Dan jaqsam ilmijietu u jispiċċa fix-xbieki taʼ sajjieda kapaċi. B’mod simili, l-evanġelizzaturi tas-Saltna jsibu ħafna qlub li jwieġbu għall-messaġġ fost il-ħaddiema li jimmigraw lejn il-Greċja minn ħafna pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant.
Rezi kellha biss għaxar snin meta qrat għall-ewwel darba dwar Jehovah u l-iskopijiet tiegħu fil-paġni taʼ It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Dan kien fl-Albanija. Tliet snin wara hi marret toqgħod flimkien mal-familja tagħha fil-gżira taʼ Rodi. Jum minnhom, Rezi talbet lil Jehovah biex jgħinha tiltaqaʼ man-nies tiegħu fid-dar il-ġdida tagħha. B’ferħ kbir għal Rezi, l-għada missierha ġie d-dar b’dawk ir-rivisti familjari, It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Rezi ltaqgħet maʼ l-oħt li kienet tat ir-rivisti lil missierha, u fi żmien qasir bdiet tistudja mill-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Xi kultant, hi talbet biex tagħmel l-istudju tliet darbiet fl-istess ġurnata! Wara xahrejn hi saret pubblikatriċi mhix mgħammda, u f’Marzu taʼ l-1998 tgħammdet fl-età t’14-il sena. Dak in-nhar stess, hi bdiet tagħmel ix-xogħol taʼ pijuniera awżiljarja, u sitt xhur wara saret pijuniera regulari, jew ministru full-time.
Ħu fil-gżira taʼ Kos kien qed jistudja maʼ xi nies mir-Russja. Meta staqsiehom jekk kellhomx xi ħbieb li xtaqu jistudjaw il-Bibbja, huma ħaduh għand koppja Armenjana—Leonidas u martu, Ophelia—f’raħal xi 30 kilometru ’l bogħod. L-aħwa kellhom sorpriża tistenniehom. Il-koppja Armenjana ħarġu basket mimli letteratura Biblika bl-Armenjan u bir-Russu pubblikata mill-Watch Tower Society! Huma spjegaw li kienu studjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah u kienu għamlu progress tant li kienu saru pubblikaturi mhux mgħammdin. Iżda minħabba taqlib politiku u diffikultajiet ekonomiċi, huma kellhom jitilqu minn art twelidhom. Hekk kif waslu f’Kos, huma bdew jistudjaw m’omm u m’oħt Leonidas, li kienu diġà joqogħdu hemmhekk. F’tebqa t’għajn, ix-Xhud kellu tliet studji ġodda x’jikkonduċi—wieħed maʼ Ophelia, wieħed maʼ Leonidas, u l-ieħor m’omm u m’oħt Leonidas. Dan kien jirrikjedi li jivvjaġġa bil-mutur 30 kilometru ’l hemm u lura tliet darbiet fil-ġimgħa. Leonidas u martu tgħammdu ftit xhur wara. Kemm ġie premjat l-ispirtu taʼ ssagrifikar persunali taʼ dawn l-aħwa lokali!
Jehovah Jkabbar
Il-barka taʼ Jehovah hija evidenti fuq l-isforzi bla waqfien li qegħdin jagħmlu l-iktar minn 2,000 proklamatur tas-Saltna f’dawn il-gżejjer Eġej. Fihom issa hemm 44 kongregazzjoni u 25 grupp tax-Xhieda taʼ Jehovah. Mill-gruppi, 17 huma taʼ lingwi barranin, ladarba hija r-rieda taʼ Jehovah li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:4) Barra minn hekk, it-13-il pijunier speċjali qegħdin jagħmlu sforz vigoruż biex jilħqu ħafna iżjed uħud f’dawk it-territorji iżolati.
Għal sekli sħaħ il-Baħar Eġew kien iċ-ċentru taʼ żvilupp kulturali u negozjar kummerċjali. F’dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin sar l-iktar post popolari fejn mijiet t’eluf taʼ turisti jqattgħu l-btajjel tagħhom. Imma iktar importanti, bħala “sajjieda tal-bnedmin,” il-proklamaturi tas-Saltna sabu li f’dawn il-gżejjer hemm ħafna nies taʼ qalb onesta li huma ħerqana li jfaħħru lil Jehovah. Flimkien, huma wieġbu b’mod grandjuż għall-istedina profetika: “Ħa jagħtu glorja lill-Mulej u jxandru t-tifħir tiegħu fil-gżejjer.”—Isaija 42:12.
[Mappa f’paġna 22]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)
Il-Baħar Eġew
IL-GREĊJA
Lésvos
Kijos
Samos
Icaria
Phournoi
Patmos
Kos
Rodi
Kreta
IT-TURKIJA
[Stampa f’paġna 23]
Il-gżira taʼ Lésvos
[Stampa f’paġna 24]
Il-gżira taʼ Patmos
[Stampa f’paġna 24]
Il-gżira taʼ Kreta