Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qed Tirrikkmanda Lilek Innifsek lil Ħaddieħor?

Qed Tirrikkmanda Lilek Innifsek lil Ħaddieħor?

‘Ma jimpurtanix x’jaħseb ħaddieħor!’ Forsi ġieli għamiltha din l-​istqarrija sfiqa, f’mument taʼ rabja jew frustrazzjoni. Imma meta ma tibqax tħossok daqshekk minfuħ bik innifsek, għandu mnejn li tibda tħossok ansjuż. Għala? Għaliex il-​biċċa l-​kbira minna fil-​fatt jimpurtana x’jaħseb ħaddieħor dwarna.

TABILĦAQQ, għandu jimpurtana x’jaħseb ħaddieħor. Speċjalment aħna bħala Kristjani, ministri ordnati t’Alla Jehovah, għandna nkunu konċernati b’mod xieraq dwar kif ħaddieħor iħares lejna. Wara kollox, aħna “spettaklu għad-​dinja.” (1 Korintin 4:9) Fit-​2 Korintin 6:​3, 4, insibu l-​parir f’loku taʼ l-​appostlu Pawlu: “Aħna xejn ma nagħmlu li jistaʼ jkun taʼ tfixkil lil xi ħadd, biex il-​ministeru tagħna ma jaqax fl-​għajb. F’kollox . . . [“nirrikkmandaw lilna nfusna,” NW] bħala ministri taʼ Alla.”

Iżda, x’ifisser li nirrikkmandaw lilna nfusna lil ħaddieħor? Ifisser dan li għandna nagħtu importanza lilna nfusna jew li niġbdu attenzjoni mhux xierqa lejna u lejn l-​abbiltajiet tagħna? Le. Imma dan jitlob li napplikaw il-​kliem li nsibu fl-​1 Pietru 2:12: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-​pagani biex . . . jaraw sewwa l-​għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-​żjara tiegħu.” Il-​Kristjani jirrikkmandaw lilhom infushom billi jħallu l-​kondotta tagħhom titkellem għaliha nfisha! Fl-​aħħar mill-​aħħar, dan iġib tifħir, mhux lilna, imma lil Alla. Minkejja dan, li nirrikkmandaw lilna nfusna lil ħaddieħor jistaʼ jġib ukoll benefiċċji persunali. Ejja neżaminaw tliet oqsma fejn dan jistaʼ jurik biċ-​ċar li hu minnu fil-​każ tiegħek.

Bħala Sieħeb/Sieħba b’Possibbiltà taʼ Żwieġ

Per eżempju, ejja nieħdu ż-​żwieġ. Dan huwa rigal mingħand Alla Jehovah, il-​wieħed “li minnu tieħu isimha kull familja fis-​sema u fl-​art.” (Efesin 3:15) Forsi hija x-​xewqa tiegħek li xi darba tiżżewweġ. Jekk inhu hekk, sa liema punt qed tirrikkmanda lilek innifsek bħala sieħeb/sieħba fil-​futur? Iva, x’reputazzjoni bnejt għalik innifsek bħala ġuvni Kristjan, jew xebba Kristjana?

F’xi pajjiżi din hi xi ħaġa li l-​familji huma konċernati bil-​kbir dwarha. Per eżempju, fil-​Gana hemm it-​tradizzjoni li meta żewġ persuni jkunu jixtiequ jiżżewġu, dawn jinformaw lill-​ġenituri tagħhom. Min-​naħa tagħhom dawn jinformaw lil membri oħrajn tal-​familja. Il-​familja tar-​raġel imbagħad tibda titkixxef x’reputazzjoni għandha din il-​mara f’dawk l-​inħawi. Meta l-​ġenituri jikkonvinċu ruħhom li l-​mara hija waħda xierqa, huma jinformaw lill-​familja tal-​mara bl-​intenzjoni taʼ binhom li jiżżewweġ lil binthom. Il-​familja tal-​mara issa tiċċekkja r-​reputazzjoni tar-​raġel qabel ma tagħti l-​kunsens tagħha għaż-​żwieġ. Għalhekk, qawl Ganjan jgħid li għandek issaqsi lil min jaf tassew lill-​persuna.

Xi ngħidu għall-​pajjiżi tal-​Punent, fejn fil-​biċċa l-​kbira individwu jistaʼ jagħżel hu stess lis-​sieħba tiegħu fiż-​żwieġ? Saħansitra f’dawn il-​pajjiżi, raġel jew mara li huma Kristjani maturi jagħmlu tajjeb jekk ifittxu rakkomandazzjoni sinċiera mingħand dawk li jafu sew lis-​sieħeb jew sieħba li se jkollhom, bħall-​ġenituri jew ħbieb maturi. Skond il-​ktieb Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja, żagħżugħa tistaʼ tistaqsi: “‘Liema xorta taʼ reputazzjoni għandu dan il-​ġuvni? Min huma l-​ħbieb tiegħu? Juri kontroll fuqu nnifsu? Kif jittrattahom lill-​persuni anzjani? Minn liema xorta taʼ familja ġej? Kif jingwalaha magħhom? X’inhi l-​attitudni tiegħu lejn il-​flus? Jabbuża mix-​xorb alkoħoliku? Jitilgħulu malajr, u saħansitra jkun vjolenti? Liema responsabbiltajiet għandu fil-​kongregazzjoni, u kif jeħodhom? Nistaʼ jien nirrispettah profondament?’—Levitiku 19:32; Proverbji 22:29; 31:23; Efesin 5:​3-5, 33; 1 Timotju 5:8; 6:10; Titu 2:​6, 7.” a

Raġel jistaʼ bl-​istess mod ikun irid jitkixxef dwar il-​mara Kristjana li hu jkun bi ħsiebu jiżżewweġ. Skond il-​Bibbja, Bogħaż ħa interess bħal dan f’Rut, il-​mara li hu żżewweġ iktar tard. Meta Rut staqsiet: “Kif sibt ħniena f’għajnejk u ħarist lejja, jien, li jien mara barranija?” Bogħaż wieġeb: “Qaluli b’kull ma għamilt.” (Rut 2:​10-12) Iva, Bogħaż mhux biss osserva personalment li Rut kienet mara leali, dedikata, u taħdem iebes, imma hu rċieva wkoll kummenti favorevoli minn oħrajn dwarha.

Bl-istess mod, oħrajn se jibbażaw fuq il-​mod kif iġġib ruħek biex jaraw jekk intix sieħeb/sieħba xierqa għaż-​żwieġ. Kif eżatt qed tirrikkmanda lilek innifsek lil ħaddieħor f’dan ir-​rigward?

Bħala Impjegat/a

Il-​post tax-​xogħol huwa qasam ieħor fejn li żżomm kondotta tajba jistaʼ jkun għall-​ġid tiegħek. Illum għal kull għadma hawn mitt kelb, u biex issib xogħol tistaʼ tkun ħaġa diffiċli ferm. Dawk l-​impjegati li huma magħrufin bħala wħud li ma joqogħdux għal dawk taʼ fuqhom, li dejjem jaslu tard, u li huma diżonesti taʼ spiss jitkeċċew. Xi kumpaniji jistgħu wkoll jagħtu s-​sensja lil xi impjegati taʼ l-​esperjenza biex inaqqsu l-​ispejjeż. Meta wħud mingħajr xogħol ifittxu impjieg ġdid, għandu mnejn li l-​kumpaniji jiċċekkjaw maʼ min kienu jaħdmu qabel biex jaraw x’kienu d-​drawwiet tagħhom taʼ fuq ix-​xogħol, x’kienet l-​attitudni tagħhom, u x’esperjenza għandhom. Ħafna Kristjani rrikkmandaw lilhom infushom lil dawk li jħaddmuhom bl-​imġiba rispettabbli, l-​ilbies modest, il-​manjieri mill-​aħjar, u l-​kwalitajiet Kristjani li jispikkaw tagħhom.

L-onestà hija waħda minn dawn il-​kwalitajiet—kwalità li ħafna minn dawk li jimpjegaw lin-​nies jagħtuha prijorità kbira. Bħall-​appostlu Pawlu, irridu “nġibu ruħna sewwa f’kollox.” (Lhud 13:18) F’waħda mill-​kumpaniji tal-​minjieri fil-​Gana, ġie rapportat li kien hemm is-​serq. Wieħed supervisor f’impjant partikulari, li huwa Xhud, żamm l-​impjieg tiegħu waqt li oħrajn ngħataw is-​sensja. Għala? Id-​diretturi kienu osservaw l-​onestà tiegħu matul is-​snin. Ix-​xogħol iebes tiegħu u r-​rispett li kellu lejn l-​awtorità kienu magħrufin sew. Iva, il-​kondotta retta tiegħu għenitu jżomm l-​impjieg tiegħu!

X’inhuma xi affarijiet oħrajn li jistaʼ jagħmel Kristjan biex jirrikkmanda lilu nnifsu fil-​qasam tax-​xogħol? Tgħallem agħmel sew kwalunkwe xogħol li jtuk. (Proverbji 22:29) Aħdem b’mod diliġenti u kuxjenzjożament. (Proverbji 10:4; 13:4) Ittratta bir-​rispett lil min iħaddmek u lis-​supervisor taʼ fuqek. (Efesin 6:5) Il-​puntwalità, l-​onestà, l-​effiċjenza, u x-​xogħol iebes huma kwalitajiet stmati minn dawk li jħaddmu n-​nies, u dawn il-​kwalitajiet jistgħu jgħinuk issib xogħol anki meta dan ikun skars.

Privileġġi fil-​Kongregazzjoni

Issa iktar minn qatt qabel, hemm bżonn taʼ rġiel maturi biex jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni Kristjana. Għal liema raġuni? Isaija pprofetizza: “Kabbar il-​post taʼ l-​għarix tiegħek, wessaʼ t-​tined taʼ l-​għamajjar tiegħek.” (Isaija 54:2) Bi twettiq taʼ din il-​profezija, il-​kongregazzjoni taʼ Jehovah mad-​dinja kollha tkompli tesperjenza ż-​żjieda.

Għalhekk, jekk int raġel Kristjan, kif tistaʼ tirrikkmanda lilek innifsek bħala wieħed li hu kwalifikat li jinħatar biex jaqdi f’xi kariga? Ikkunsidra l-​eżempju taż-​żagħżugħ Timotju. Luqa jirrapporta li Timotju “kellu fama tajba maʼ l-​aħwa taʼ Listra u Ikonju.” Iva, bil-​kondotta mill-​aħjar tiegħu, dan iż-​żagħżugħ kien irrikkmanda lilu nnifsu lil ħaddieħor f’żewġt ibliet differenti. Pawlu għalhekk stieden lil Timotju biex jingħaqad miegħu fil-​ministeru taʼ l-​ivvjaġġar.—Atti 16:​1-4.

Kif jistaʼ raġel illum “jirsisti għal kariga taʼ indokratur” (NW) b’mod xieraq u kif irid Alla? Ċertament mhux billi jitħabat għall-​ħatra imma billi jikkultiva l-​kwalitajiet spiritwali li huma meħtieġa għal responsabbiltajiet bħal dawn. (1 Timotju 3:​1-10, 12, 13; Titu 1:​5-9) Hu jistaʼ juri wkoll li hu “jixtieq xogħol sabiħ” billi jkollu sehem sħiħ fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Dawk li jirrikkmandaw lilhom infushom bħala rġiel Kristjani responsabbli jieħdu interess sinċier fil-​benesseri taʼ ħuthom spiritwali. Huma jimxu fuq il-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu: “Aqsmu ġidkom mal-​qaddisin li jinsabu fil-​bżonn; ilqgħu f’darkom lill-​barranin.” (Rumani 12:13) Billi jagħmel dawn l-​affarijiet, raġel Kristjan jistaʼ verament ‘jirrikkmanda lilu nnifsu bħala ministru t’Alla.’

Il-​Ħin Kollu

Li nirrikkmandaw lilna nfusna lil ħaddieħor ma jfissirx li nippretendu li aħna xi ħaġa jew insiru wħud li ‘jogħġbu lill-​bnedmin.’ (Efesin 6:6) Fl-​aħħar mill-​aħħar, dan ifisser li nirrikkmandaw lilna nfusna lill-​Ħallieq tagħna, Alla Jehovah, billi kuxjenzjożament insegwu l-​liġijiet u l-​prinċipji tiegħu. Jekk int tiżviluppa l-​ispiritwalità tiegħek u ssaħħaħ ir-​relazzjoni li għandek m’Alla Jehovah, ħaddieħor se jara l-​progress fil-​mod kif tittratta mal-​membri tal-​familja tiegħek, maʼ dawk li jaħdmu miegħek, u maʼ Kristjani sħabek. Huma se josservaw ukoll il-​karattru sod u l-​bilanċ tiegħek, is-​sens tajjeb taʼ ġudizzju, il-​kapaċità taʼ kif tittratta r-​responsabbiltà, u l-​umiltà tiegħek. B’dan se tirbaħ l-​imħabba u r-​rispett tagħhom u, iktar importanti, se tirbaħ l-​approvazzjoni t’Alla Jehovah minħabba li tirrikkmanda lilek innifsek lil ħaddieħor!

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Stampa f’paġna 19]

Ħafna ġenituri b’mod għaqli jitkixxfu dwar ir-​reputazzjoni taʼ xi ħadd li binhom jew binthom huma interessati li jiżżewġu

[Stampa f’paġna 20]

Ħu jirrikkmanda lilu nnifsu għall-​privileġġi taʼ servizz billi juri konsiderazzjoni lejn ħaddieħor