Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ismaʼ x’Għandu x’Jgħid l-Ispirtu

Ismaʼ x’Għandu x’Jgħid l-Ispirtu

“Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-​triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-​lemin, sew lejn ix-​xellug.’”—ISAIJA 30:21.

1, 2. Jehovah kif ikkomunika mal-​bnedmin għal snin sħaħ tul l-​istorja?

 FIL-​GŻIRA taʼ Puerto Rico hemm teleskopju radjoloġiku li hu l-​akbar wieħed u l-​iktar wieħed sensittiv mit-​teleskopji radjoloġiċi b’dixx wieħed li jeżistu fid-​dinja kollha. Ix-​xjenzati ilhom jittamaw għal snin sħaħ li jirċievu messaġġi minn xi ħadd fl-​ispazju permezz taʼ dan l-​istrument enormi. Imma qatt ma rċivew imqar messaġġ wieħed. Iżda fil-​fatt qegħdin jaslu messaġġi ċari li ġejjin minn barra d-​dinja tagħna—u kull wieħed minna jistaʼ jirċivihom x’ħin irid mingħajr ma juża xi tagħmir sofistikat. Dawn ġejjin minn Sors li jisboq bil-​wisq iktar lil kwalunkwe esseri li jimmaġinaw li hemm fuq xi pjaneta oħra. Min hu s-​Sors taʼ dawn il-​messaġġi, u min qed jirċivihom? Il-​messaġġi x’ikun fihom?

2 Il-Bibbja fiha diversi rakkonti dwar okkażjonijiet fejn kien possibbli li xi nies jisimgħu b’widnejhom stess messaġġi t’oriġini divina. Xi drabi dawn il-​messaġġi twasslu minn ħlejjaq spirti li jaqdu bħala messaġġiera t’Alla. (Ġenesi 22:​11, 15; Żakkarija 4:​4, 5; Luqa 1:​26-28) Fi tliet okkażjonijiet, instemaʼ leħen Jehovah nnifsu. (Mattew 3:17; 17:5; Ġwann 12:​28, 29) Alla tkellem ukoll permezz taʼ bnedmin li qdew bħala profeti, li ħafna minnhom kitbu dak li hu nebbaħhom biex jiktbu. Illum, aħna għandna l-​Bibbja, li fiha bil-​miktub ħafna minn dawn il-​messaġġi, kif ukoll it-​tagħlim taʼ Ġesù u d-​dixxipli tiegħu. (Lhud 1:​1, 2) Jehovah tabilħaqq kien u għadu jgħaddi l-​informazzjoni lill-​ħlejjaq umani tiegħu.

3. X’inhu l-​iskop tal-​messaġġi t’Alla, u x’inhu mistenni minna?

3 Dawn il-​messaġġi mnebbħin kollha li Alla ta ftit li xejn jgħidulna dwar l-​univers fiżiku. Minflok, dawn jiffokaw fuq kwistjonijiet iktar importanti, li jeffettwaw lil ħajjitna sew issa u sew fil-​futur. (Salm 19:​7-11 [19:​8-12, NW]; 1 Timotju 4:8) Jehovah jużahom ukoll biex jgħidilna x’inhi r-​rieda tiegħu u joffrilna l-​gwida tiegħu. Dawn il-​messaġġi huma mod wieħed kif qed jitwettaq il-​kliem tal-​profeta Isaija: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-​triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-​lemin, sew lejn ix-​xellug.’” (Isaija 30:21) Jehovah ma jisforzaniex biex nagħtu widen għall-​“kliem” tiegħu. Jiġi minna jekk insegwux id-​direzzjoni t’Alla biex nimxu fit-​triq li jgħidilna hu. Huwa għal din ir-​raġuni li l-​Iskrittura twissina biex nagħtu widen meta Jehovah jikkomunika magħna. Fil-​ktieb t’Apokalissi, il-​frażi taʼ inkuraġġiment “ħa jismaʼ x’jgħid l-​Ispirtu” tidher sebaʼ darbiet.—Apokalissi 2:​7, 11, 17, 29; 3:​6, 13, 22.

4. Huwa raġunevoli li nistennew li fi żmienna Alla jikkomunika magħna direttament mis-​sema?

4 Illum, Jehovah ma jkellimniex direttament mis-​sema. Saħansitra fi żminijiet Bibliċi, kienet xi ħaġa rari li Alla jikkomunika mal-​bniedem b’dan il-​mod soprannaturali, u xi kultant kienu jgħaddu s-​sekli bejn darba u oħra. Matul l-​istorja, Jehovah fil-​biċċa l-​kbira kkomunika mal-​poplu tiegħu b’modi iktar indiretti. Anki fi żmienna hekk jagħmel. Mela, ejja nikkunsidraw tliet modi li bihom Jehovah jikkomunika magħna llum.

“L-​Iskrittura Kollha Hija Mnebbħa”

5. X’inhi l-​għodda prinċipali li Jehovah qed juża llum biex jikkomunika magħna, u kif nistgħu nibbenefikaw minnha?

5 L-għodda prinċipali biex Alla jikkomunika mal-​bnedmin hija l-​Bibbja. Din hija mnebbħa minn Alla, u kulma fiha jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina. (2 Timotju 3:16) Il-​Bibbja mimlija b’eżempji veri taʼ nies li wżaw il-​libertà tagħhom biex jiddeċiedu jekk jagħtux widen għal leħen Jehovah jew le. Dawn l-​eżempji jfakkruna għala huwa vitali li nagħtu widen għal dak li jgħid l-​ispirtu t’Alla. (1 Korintin 10:11) Il-​Bibbja fiha wkoll għerf prattiku, u tagħtina pariri għal meta jkollna bżonn nagħmlu xi deċiżjonijiet fil-​ħajja tagħna. Hu bħallikieku Alla jkun warajna, jkellimna f’widnejna u jgħidilna l-​kliem: “Din hi t-​triq; għaddi minnha.”

6. Il-​Bibbja għala hija bil-​wisq aqwa mill-​kitbiet l-​oħra kollha?

6 Sabiex nisimgħu dak li l-​ispirtu jgħid permezz tal-​paġni tal-​Bibbja, irridu naqrawha regolarment. Il-​Bibbja m’hijiex sempliċement ktieb miktub tajjeb u popolari, wieħed mill-​ħafna kotba li hawn illum. Il-​Bibbja hija mnebbħa mill-​ispirtu t’Alla u fiha l-​ħsibijiet tiegħu. Lhud 4:12 jgħid: “Il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-​ruħ u l-​ispirtu u l-​ġogi u l-​mudullun; u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.” Aħna u naqraw il-​Bibbja, dak li hemm miktub fiha jinfed sa l-​iktar ħsibijiet u motivi ġewwinija tagħna bħal xabla, u b’hekk juri sa liema punt qed ngħixu ħajjitna fi qbil mar-​rieda t’Alla.

7. Il-​qari tal-​Bibbja għala huwa vitali, u aħna inkuraġġiti li nagħmlu dan kemm spiss?

7 Il-“ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb” jistgħu jinbidlu hekk kif jgħaddi ż-​żmien u hekk kif niġu effettwati mill-​esperjenzi tagħna fil-​ħajja—kemm pjaċevoli u kemm diffiċli. Jekk ma nistudjawx il-​Kelma t’Alla kontinwament, il-​ħsibijiet, l-​attitudnijiet, u l-​emozzjonijiet tagħna ma jibqgħux iktar f’armonija mal-​prinċipji t’Alla. Għaldaqstant, il-​Bibbja twissina: “Ibqgħu eżaminaw jekk intomx fil-​fidi, ibqgħu agħtu prova x’intom.” (2 Korintin 13:​5, NW) Jekk irridu li nibqgħu nisimgħu dak li jgħid l-​ispirtu, għandna nobdu l-​parir biex naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum.—Salm 1:2.

8. Liema kliem taʼ l-​appostlu Pawlu jgħinna neżaminaw lilna nfusna meta niġu biex naqraw il-​Bibbja?

8 Tfakkira importanti għal dawk li jaqraw il-​Bibbja hija din: Int u taqra, ħu biżżejjed ħin biex dak li tkun qed taqra jidħol f’qalbek! Ma rridux li, sempliċement biex nobdu l-​parir biex naqraw il-​Bibbja kuljum, naqraw diversi kapitli taʼ malajr mingħajr ma nifhmu sew dak li nkunu qed naqraw. Filwaqt li huwa vitali li naqraw il-​Bibbja regolarment, il-​motiv tagħna m’għandux ikun biss biex inżommu maʼ xi skeda; imma għandu jkollna xewqa ġenwina biex nitgħallmu dwar Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu. F’dan ir-​rigward, għandna mnejn nużaw dak li qal l-​appostlu Pawlu biex neżaminaw lilna nfusna. F’ittra li kiteb lil sħabu l-​Kristjani, hu qal: “Jiena ninżel għarkubbtejja quddiem il-​Missier biex . . . jagħtikom li . .  . Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-​fidi, biex tniżżlu l-​għeruq tagħkom fl-​imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-​qaddisin kollha, x’inhu l-​wisaʼ u t-​tul, l-​għoli u l-​fond taʼ l-​imħabba taʼ Kristu; tagħrfu kemm din l-​imħabba taʼ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-​milja kollha taʼ Alla.”—Efesin 3:​14, 16-19.

9. Kif nistgħu nrabbu u nkomplu niżviluppaw xewqa profonda biex nitgħallmu minn Jehovah?

9 Veru, xi wħud minna ma tantx iħobbu jaqraw, mentri oħrajn jikluhom il-​kotba. Madankollu, sew jekk inħobbu naqraw u sew jekk le, xorta nistgħu nrabbu jew inkomplu niżviluppaw xewqa profonda biex nitgħallmu minn Jehovah. L-​appostlu Pietru spjega li għandu jkollna xenqa biex niksbu għarfien mill-​Bibbja, u għaraf li xewqa bħal din għandha mnejn tkun xi ħaġa li rridu niżviluppawha. Hu kiteb: “Bħal trabi tat-​twelid, . . . [“ifformaw xenqa,” NW] għall-​ħalib safi, il-​ħalib tar-​ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-​salvazzjoni.” (1 Pietru 2:2) Huwa vitali li niddixxiplinaw lilna nfusna jekk irridu li ‘nifformaw xenqa’ biex nistudjaw il-​Bibbja. Sewwa sew bħalma nistgħu nsiru nħobbu xi platt ikel ġdid wara li nkunu doqnieh bosta drabi, hekk ukoll l-​attitudni tagħna lejn il-​qari u l-​istudju tistaʼ tinbidel għall-​aħjar jekk aħna niddixxiplinaw lilna nfusna biex nimxu maʼ rutina regulari.

‘Ikel fil-​Ħin’

10. Min huma dawk li jifformaw “l-​ilsir leali u diskret,” u Jehovah kif qed jużahom illum?

10 Mezz ieħor li Jehovah juża biex ikellimna semmieh Ġesù f’Mattew 24. Hawnhekk hu kien qed jitkellem dwar il-​kongregazzjoni Kristjana midluka bl-​ispirtu​—l-​“ilsir leali u diskret” li ġie maħtur biex jipprovdi l-​“ikel [spiritwali] fiż-​żmien xieraq.” Jekk jitqiesu bħala individwi, il-​membri taʼ din il-​klassi huma n-​‘nies taʼ dar’ Ġesù. (Mattew 24:​45-47, NW) Dawn, flimkien maʼ “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” jirċievu inkuraġġiment u gwida. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Ħafna minn dan l-​ikel fiż-​żmien xieraq jiġi permezz taʼ letteratura stampata, bħalma huma It-​Torri taʼ l-​Għassa, Stenbaħ!, u letteratura oħra. Ikel spiritwali ieħor jingħata permezz taʼ taħditiet u turijiet fil-​konvenzjonijiet, fl-​assembleat, u fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

11. Aħna kif nuru li qed naċċettaw dak li l-​ispirtu għandu x’jgħid permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret”?

11 L-informazzjoni provduta mill-​ilsir leali u diskret għandha l-​għan li ssaħħaħ il-​fidi u tħarreġ is-​sens tagħna biex nagħżlu. (Lhud 5:​14, Saydon) Pariri bħal dawn għandhom mnejn ikunu ġenerali, sabiex b’hekk kulħadd ikun jistaʼ japplikahom b’mod persunali. Kultant żmien, nirċievu wkoll pariri li jittrattaw aspetti partikulari tal-​kondotta tagħna. Liema attitudni għandu jkollna jekk aħna verament qed nagħtu widen għal dak li l-​ispirtu jgħid permezz tal-​klassi taʼ l-​ilsir? L-​appostlu Pawlu jwieġeb: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom.” (Lhud 13:17) Veru li kulmin hu involut f’dan l-​arranġament hu imperfett. Però, minkejja dan, Jehovah jieħu gost juża lill-​qaddejja umani tiegħu biex jiggwidana f’dan iż-​żmien tat-​tmiem.

Gwida mill-​Kuxjenza Tagħna

12, 13. (a) Jehovah x’ipprovda iktar biex jiggwidana? (b) X’influwenza pożittiva jistaʼ jkollha l-​kuxjenza saħansitra fuq nies li m’għandhomx għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla?

12 Jehovah tana xi ħaġa oħra biex tiggwidana—il-​kuxjenza tagħna. Lill-​bniedem ħalqu b’xi ħaġa ġo fih li ġġagħlu jinduna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Hija parti min-​natura tagħna. Fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani, l-​appostlu Pawlu spjega: “Għax meta l-​pagani, li ma għandhomx il-​Liġi, jagħmlu bl-​istint naturali tagħhom dawk l-​opri li titlob il-​Liġi, huma jkunu liġi għalihom infushom. Dawn juru b’għemilhom li l-​preċetti tal-​Liġi huma miktuba f’qalbhom, u dan tixhdu wkoll il-​kuxjenza u r-​raġuni tagħhom, li issa jakkużaw u issa japprovaw għemilhom.”—Rumani 2:​14, 15.

13 Ħafna nies li ma jafux lil Jehovah jistgħu, sa ċertu punt, iġibu l-​ħsibijiet u l-​għemejjel tagħhom fi qbil mal-​prinċipji divini taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Ikun bħallikieku qed jisimgħu leħen baxx ġewwa fihom li qed jiggwidahom fid-​direzzjoni t-​tajba. Jekk dan jistaʼ jiġri fil-​każ taʼ dawk li m’għandhomx għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla, kemm iktar għandu dan il-​leħen ġewwieni jkellem lill-​Kristjani veri! Żgur li kuxjenza Kristjana li hija rfinuta permezz taʼ l-​għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla u li taħdem f’armonija maʼ l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah tistaʼ tipprovdi gwida taʼ min joqgħod fuqha.​—Rumani 9:1.

14. Kif tistaʼ kuxjenza li tkun imħarrġa fuq il-​Bibbja tgħinna nimxu fuq il-​gwida taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah?

14 Kuxjenza tajba, waħda li hija mħarrġa fuq il-​Bibbja, tistaʼ tfakkarna dwar il-​mod kif iridna naġixxu l-​ispirtu. Jistaʼ jkun hemm żmien meta la l-​Iskrittura u lanqas il-​pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-​Bibbja ma jikkummentaw preċiżament fuq xi sitwazzjoni partikulari li nistgħu nsibu ruħna fiha. Xorta waħda, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ tagħtina twissija, billi tiftħilna għajnejna ħalli ma niħdux xi korsa li tistaʼ tkun taʼ ħsara. F’każi bħal dawn, jekk ninjoraw dak li tkun qed tgħidilna l-​kuxjenza, għandu mnejn fil-​fatt ifisser li nkunu qed ninjoraw dak li jgħidilna l-​ispirtu taʼ Jehovah. Mill-​banda l-​oħra, billi nitgħallmu nistrieħu fuq il-​kuxjenza tagħna li tkun imħarrġa fuq il-​Bibbja, aħna nkunu nistgħu nagħmlu għażla għaqlija saħansitra meta ma jkun hemm ebda istruzzjoni bil-​miktub propju dwar dik is-​sitwazzjoni partikulari. Madankollu huwa vitali li nżommu f’moħħna li meta ma jkunx hemm xi prinċipju, regola, jew liġi provduta minn Alla, ma jkunx xieraq li nimponu fuq Kristjani oħrajn dak li tgħid il-​kuxjenza tagħna fi kwistjonijiet purament persunali.—Rumani 14:​1-4; Galatin 6:5.

15, 16. X’jistaʼ jġiegħel il-​kuxjenza tagħna ma tibqax taħdem tajjeb, u kif nistgħu nevitaw li jiġri dan?

15 Kuxjenza nadifa u mħarrġa fuq il-​Bibbja hija għotja tajba mingħand Alla. (Ġakbu 1:17) Imma rridu nipproteġu din l-​għotja mill-​influwenzi li jistgħu jħassruha, jekk nixtiequ li din taħdem kif suppost bħala mezz biex ikollna protezzjoni morali. Użanzi, tradizzjonijiet, u drawwiet lokali li jmorru kontra l-​livelli t’Alla, jekk nimxu magħhom, jistgħu jġagħlu l-​kuxjenza tagħna ma tibqax taħdem tajjeb u b’hekk ma tqanqalniex biex nimxu fid-​direzzjoni t-​tajba. Jistaʼ jiġri li ma nkunux nistgħu niġġudikaw l-​affarijiet tajjeb u forsi anki naslu biex inqarrqu bina nfusna u nibdew nemmnu li għemil ħażin hu fil-​fatt tajjeb.—Qabbel Ġwann 16:2.

16 Jekk inkomplu ninjoraw it-​twissijiet tal-​kuxjenza tagħna, il-​leħen tagħha jibqaʼ dejjem jiddgħajjef sa ma naslu fi stat li ma nibqgħux inħossu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u għalina jsir kollox xejn m’hu xejn. Is-​salmista tkellem dwar nies bħal dawn meta qal: “Qalbhom saret ma tħossx sewwa sew bħax-​xaħam.” (Salm 119:​70, NW) Xi wħud li jinjoraw it-​tingiż tal-​kuxjenza tagħhom ma jibqgħux jirraġunaw l-​affarijiet tajjeb. Huma ma jibqax ikollhom il-​gwida tal-​prinċipji t’Alla u għalhekk ma jkunux jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet tajbin. Biex nevitaw sitwazzjoni bħal din, għandna nkunu sensittivi għal dak li l-​kuxjenza Kristjana tagħna tidderiġina biex nagħmlu, saħansitra fi kwistjonijiet li jidhru żgħar ħafna.—Luqa 16:10.

Henjin Dawk li Jagħtu Widen u Jobdu

17. Kif se niġu mberkin jekk nagħtu widen għall-​‘kliem minn warajna’ u nobdu minn dak li tgħidilna l-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja?

17 Il-‘kliem minn warajna’ huwa provdut permezz taʼ l-​Iskrittura u permezz taʼ l-​ilsir leali u diskret. Jekk aħna niħduha drawwa li nagħtu widen għalih u nibqgħu nobdu t-​tfakkiriet tal-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja, Jehovah se jberikna bl-​ispirtu tiegħu. Imbagħad, l-​ispirtu qaddis se jżidilna l-​abbiltà tagħna li nirċievu u nifhmu dak li jgħidilna Jehovah.

18, 19. Il-​gwida taʼ Jehovah kif tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għalina kemm fil-​ministeru u kemm fil-​ħajja persunali tagħna?

18 Iżjed minn hekk, l-​ispirtu taʼ Jehovah se jqawwina biżżejjed biex niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli b’għerf u kuraġġ. Bħalma ġara fil-​każ taʼ l-​appostli, l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jżid il-​kapaċitajiet mentali tagħna u jgħinna biex dejjem naġixxu u nitkellmu fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja. (Mattew 10:​18-20; Ġwann 14:26; Atti 4:​5-8, 13, 31; 15:28) L-​ispirtu taʼ Jehovah flimkien maʼ l-​isforzi persunali tagħna se jgħinuna nirnexxu meta nagħmlu deċiżjonijiet importanti f’ħajjitna, billi jagħtuna l-​kuraġġ biex naġixxu fi qbil mad-​deċiżjonijiet li nkunu ħadna. Per eżempju, forsi qed taħseb dwar jekk tirranġax l-​affarijiet biex tissimplifika ħajtek ħalli tkun tistaʼ ssib iktar ħin għal affarijiet spiritwali. Jew forsi trid tagħmel xi deċiżjonijiet importanti li se jbiddlulek ħajtek bħal ngħidu aħna, li tagħżel lil min trid tiżżewweġ, jew tara jekk l-​impjieg offrut lilek jgħoddx għalik, jew li tixtri xi dar. Minflok ma nistrieħu biss fuq l-​emozzjonijiet tagħna taʼ bnedmin li aħna, meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet bħal dawn, għandna nagħtu widen għal dak li għandu x’jgħidilna l-​ispirtu t’Alla u naġixxu fi qbil mal-​gwida li jagħtina.

19 Aħna verament napprezzaw it-​tfakkiriet utli u l-​pariri li ningħataw minn sħabna l-​Kristjani, inkluż l-​anzjani. Madankollu, m’għandniex għalfejn noqogħdu nistennew li ħaddieħor jiġbdilna l-​attenzjoni f’kull ħaġa. Jekk inkunu nafu x’inhu għaqli li nagħmlu u liema bidliet hemm bżonn fl-​attitudni u l-​kondotta tagħna sabiex nogħġbu lil Alla, ejja nagħmluhom. Ġesù qal: “Jekk dawn il-​ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.”—Ġwann 13:17.

20. Liema barka se jkollhom dawk li jagħtu widen għall-​‘kliem minn warajhom’?

20 Jidher ċar li sabiex il-​Kristjani jkunu jafu x’għandhom jagħmlu biex jogħġbu lil Alla, m’hemmx bżonn li jisimgħu leħen letterali mis-​sema, u lanqas m’hemm bżonn li jidhrilhom xi anġlu. Huma għandhom il-​Kelma miktuba t’Alla u l-​gwida kollha mħabba tiegħu permezz tal-​klassi tal-​midlukin hawn fuq l-​art, u dan kollu hu barka kbira għalihom. Jekk jobdu b’attenzjoni dan il-​‘kliem minn warajhom’ u jsegwu l-​gwida tal-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja, huma se jirnexxu f’li jagħmlu r-​rieda t’Alla. Imbagħad jistgħu jkunu żguri li se jaraw it-​twettiq tal-​wegħda taʼ l-​appostlu Ġwanni: “Min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17.

Reviżjoni fil-​Qosor

• Jehovah għala jikkomunika mal-​ħlejjaq umani tiegħu?

• Kif nistgħu nibbenefikaw minn programm taʼ qari regulari mill-​Bibbja?

• Kif għandna nwieġbu għad-​direzzjoni li ningħataw mill-​klassi taʼ l-​ilsir?

• Għala m’għandniex ninjoraw dak li tkun qed tgħidilna l-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Il-​bniedem m’għandu bżonn ebda tagħmir sofistikat biex jirċievi messaġġi mingħand Alla

[Sors taʼ l-​istampa]

Bil-​Korteżija taʼ Arecibo Observatory/David Parker/Science Photo Library

[Stampa f’paġna 15]

Jehovah jkellimna permezz tal-​Bibbja u permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret”