Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jibnu l-Fidi Permezz taʼ Studju tal-Bibbja fl-Indja

Jibnu l-Fidi Permezz taʼ Studju tal-Bibbja fl-Indja

Aħna Minn Dawk li Għandhom Fidi

MILL-​MUNTANJI maestużi u miksijin bis-​silġ tal-​Himalaya fit-​tramuntana sax-​xtut sħan taʼ l-​Oċean Indjan fin-​nofsinhar, l-​Indja hija art kollha varjetà, kemm ġeografikament kif ukoll reliġjożament. Mill-​popolazzjoni tagħha taʼ ’l fuq minn elf miljun ruħ, madwar 83 fil-​mija huma Ħindu, 11 fil-​mija Musulmani, u l-​bqija Kristjani taʼ l-​isem inkella Sikhs, Buddisti, jew Ġajnisti. Kollha jgawdu l-​libertà tal-​qima. “Ir-​reliġjon għandha rwol vitali fil-​mod taʼ ħajja fl-​Indja,” tgħid The World Book Encyclopedia.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah, li jgħoddu iktar minn 21,200 fl-​Indja, huma deskritti b’mod xieraq bħala li qed jgħixu fi qbil mal-​fidi Kristjana tagħhom. Bħal sħabhom spiritwali f’partijiet oħra tad-​dinja, ix-​Xhieda fl-​Indja jqisuh bħala privileġġ li jgħinu lill-​ġirien tagħhom jibnu fidi soda fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja Mqaddsa. (2 Timotju 3:​16, 17) Ikkunsidra kif familja f’Chennai, fin-​nofsinhar taʼ l-​Indja, ħadet l-​għarfien tal-​verità tal-​Bibbja.

Qabel ma ġiet f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah, din il-​familja kienet attiva f’movimenti kariżmatiċi Kattoliċi li jistqarru li jaraw viżjonijiet, jitkellmu b’ilsna differenti, u jfejqu ’l-morda. Tant kienu prominenti fil-​knisja u fil-​komunità, li saħansitra xi nies kienu jindirizzaw lil uħud mill-​membri taʼ din il-​familja bħala “swami,” li tfisser “mulej.” Imbagħad, darba waħda, wieħed Xhud żar lil din il-​familja u wrihom mill-​Bibbja li Ġesù hu l-​Iben t’Alla, mhux Alla li Jistaʼ Kollox, kif jemmnu l-​biċċa l-​kbira min-​nies. Ix-​Xhud urihom ukoll li l-​isem t’Alla hu Jehovah u li l-​iskop tiegħu hu li jagħmel l-​art ġenna sabiħa.—Salm 83:​18, KŻ; Luqa 23:43; Ġwann 3:16.

Peress li kellhom rispett għall-​Kelma t’Alla u għoġobhom dak li semgħu, xi membri tal-​familja aċċettaw li jkollhom studju regulari tal-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Minħabba f’dan dawk li kienu jafuhom fil-​knisja tagħhom bdew iwaqqgħuhom għaċ-​ċajt. Madankollu, il-​familja baqgħet determinata li tkompli l-​istudju tal-​Bibbja tagħha. Hekk kif l-​għarfien tagħhom żdied u l-​fidi tagħhom kompliet tissaħħaħ, huma qatgħu l-​prattiċi reliġjużi foloz li kienu jagħmlu qabel. Illum, tliet membri minn din il-​familja huma Xhieda mgħammdin żelużi, u l-​omm taqdi bħala pijuniera awżiljarja kull meta jkun possibbli.

Fidi biex Ikampaw maʼ Diżabilitajiet

Sunder Lal, żagħżugħ li jgħix f’raħal fil-​Punjab, kellu bżonn taʼ ħafna fidi u kuraġġ sabiex jaqsam l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla m’oħrajn. (Mattew 24:14) L-​ewwelnett, hu kien ċaħad it-​twemmin f’ħafna allat li kienu jħaddnu familtu u n-​nies tar-​raħal tiegħu sabiex iqim lil veru Alla, Jehovah. Barra minn hekk, Sunder Lal m’għandux saqajn.

Sa l-​1992 Sunder Lal kellu ħajja normali. Kien jaħdem bħala assistent taʼ tabib u ngħaqad mal-​familja tiegħu fil-​qima taʼ diversi allat taħt il-​gwida tal-​guru magħżul tagħhom. Imbagħad, darba waħda fil-​għaxija, waqt li kien qed jaqsam il-​linji tal-​ferroviji, waqaʼ. Għaddiet ferrovija minn fuqu u qatgħatlu saqajh it-​tnejn barra minn koxxtejh ’l isfel. Għalkemm baqaʼ ħaj, ħajtu sfat fix-​xejn. Bħalma tistaʼ timmaġina, Sunder Lal spiċċa ferm iddisprat u saħansitra beda jaħsibha jagħmilx suwiċidju. Il-​familja tiegħu kienet t’għajnuna kbira għalih, imma l-​futur tiegħu kien jidher mingħajr tama.

Imbagħad, wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah żar lil Sunder Lal, u wrieh mill-​Bibbja li Alla kien wiegħed li se jagħmel l-​art ġenna li tgħaxxaq u kien se jagħti saħħa perfetta lil dawk kollha li jħobbuh u li għandhom il-​biżaʼ tiegħu. Sunder Lal aċċetta studju tal-​Bibbja, u studja b’mod ħabrieki għal sena. Ġie mistieden biex jattendi għal-​laqgħat Kristjani u fl-​aħħar, wasslu l-​ħabib tiegħu fuq ir-​rota. Għalkemm il-​vjaġġ kien wieħed taʼ tbatija, ġie premjat bil-​kbir. Hekk kif iltaqaʼ m’oħrajn li kienu jemmnu verament fil-​wegħdi tal-​Kelma t’Alla u kienu jgħixu fi qbil mat-​tagħlim Bibliku, beda jara li dak li kien tgħallem fl-​istudju persunali tiegħu tal-​Bibbja kien verament minnu.

Sunder Lal beda jaqsam l-​aħbar tajba mal-​ġirien tiegħu, u fl-​1995 tgħammed. Għall-​ewwel, hu kien jieħu sehem fil-​ministeru billi jitkaxkar minn bieb għal bieb fir-​raħal tiegħu, kif normalment kien jagħmel biex imur minn post għall-​ieħor. Imma issa rċieva għotja mingħand ħutu spiritwali—tricycle mgħammra b’mod speċjali biex tiġi “misjuqa” bl-​idejn. Grazzi għat-​tricycle tiegħu, issa hu iktar indipendenti u kapaċi jivvjaġġa 12-il kilometru waħdu biex jattendi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Kultant hu jivvjaġġa f’irwiefen qawwijin, u drabi oħra f’temperatura taʼ ’l fuq minn 43 grad Celsius.

Minbarra li jattendi għal-​laqgħat, Sunder Lal jikkonduċi ħafna studji tal-​Bibbja m’oħrajn li jixtiequ l-​għajnuna biex jibnu fidi soda fil-​veru Alla, Jehovah. Fil-​fatt sebgħa mill-​istudenti tal-​Bibbja li kellu issa huma mgħammdin, bħalma huma tliet persuni oħra li kkuntattjahom hu iżda li studjaw il-​Bibbja maʼ Xhieda oħrajn.

“Mhux kulħadd għandu l-​fidi,” tgħid il Bibbja. (2 Tessalonikin 3:2) Imma dawk li huma disposti sewwa għall-​ħajja taʼ dejjem jistgħu jibnu fidi soda permezz taʼ studju regulari tal-​Kelma t’Alla. (Atti 13:48) Ukoll, studju bħal dan iġiegħel l-​għajnejn jixegħlu bit-​tama taʼ futur meraviljuż—xi ħaġa li iktar u iktar nies fl-​Indja qed jeżerċitaw fidi fiha.

[Mappa f’paġna 30]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

AFGANISTAN

PAKISTAN

NEPAL

BHUTAN

ĊINA

BANGLADEXX

MJANMAR

LAOS

TAJLANDJA

VJETNAM

KAMBODJA

SRI LANKA

INDJA

[Sors taʼ l-​istampa]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.