Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Evanġelji Fatti Storiċi jew Ħrejjef?

L-Evanġelji Fatti Storiċi jew Ħrejjef?

MAD-​DINJA kollha, l-​istorja taʼ Ġesù taʼ Nazaret—raġel żagħżugħ li biddel l-​istorja tal-​bniedem—hija parti mill-​bażi li fuqha mibnija s-​soċjetà. Hija parti mill-​edukazzjoni li n-​nies jieħdu kemm mill-​iskola u kemm mill-​ħajja taʼ kuljum. Ħafna jqisu l-​Evanġelji bħala s-​sors taʼ veritajiet u espressjonijiet li jgħoddu għal kull żmien, bħal per eżempju, “Ħa jkun id-​diskors tagħkom, ‘Iva, iva’ ‘Le, le.’” (Mattew 5:37) Tabilħaqq, ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju setgħu kienu l-​bażi għal xi lezzjonijiet li għallmuk il-​ġenituri tiegħek, anki jekk forsi huma stess ma kinux Kristjani.

Miljuni taʼ segwaċi sinċieri taʼ Kristu, sabu fl-​Evanġelji d-​deskrizzjoni tar-​raġel li għalih huma kienu lesti li jbatu u jmutu. L-​Evanġelji kienu wkoll il-​mezz li nissel fihom kuraġġ, sabar, fidi, u tama. Allura ma taqbilx li hemm bżonn taʼ evidenza ċara u żgura qabel ma tittimbra dawn ir-​rakkonti bħala li huma vvintati? Meta tikkunsidra x’effett kbir kellhom l-​Evanġelji fuq il-​ħsieb u l-​aġir tal-​bniedem, ma tistenniex li tingħata provi konvinċenti minn xi ħadd li jipprova jitfaʼ dubju fuq dawn ir-​rakkonti?

Aħna nistidnuk biex tikkunsidra numru taʼ mistoqsijiet li jqanqlu l-​ħsieb dwar l-​Evanġelji. Ara għalik innifsek x’jaħsbu ċerti studenti taʼ l-​Evanġelji dwar dawn il-​kwistjonijiet, avolja xi wħud minnhom m’humiex Kristjani huma stess. Imbagħad mill-​informazzjoni li tieħu tkun tistaʼ tiddeċiedi għalik innifsek.

MISTOQSIJIET X’TIKKUNSIDRA

Setgħu l-​Evanġelji kienu l-​frott taʼ l-​immaġinazzjoni taʼ xi nies tas-​sengħa?

Robert Funk, il-​fundatur tas-​seminar dwar Ġesù, jgħid: “Mattew, Mark, Luqa, u Ġwanni ppreżentaw lill-​Messija b’mod li kien fi qbil mad-​duttrina Kristjana li żviluppat wara l-​mewt taʼ Ġesù.” Madankollu, fl-​istess żmien li kienu qegħdin jinkitbu l-​Evanġelji, ħafna minn dawk li kienu semgħu l-​kliem taʼ Ġesù kif ukoll osservaw l-​għemejjel tiegħu u rawh wara li qam mill-​mewt, kienu għadhom ħajjin. Ħadd minnhom m’akkuża lill-​kittieba taʼ l-​Evanġelji b’xi qerq.

Nieħdu l-​każ tal-​mewt u l-​irxoxt taʼ Kristu. Rakkonti taʼ min joqgħod fuqhom dwar il-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù ma jinstabux biss fl-​Evanġelji iżda wkoll fl-​ewwel ittra kanonika taʼ l-​appostlu Pawlu lil Kristjani f’Korintu tal-​qedem. Hu kiteb: “Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-​Iskrittura; difnuh u qam mill-​imwiet fit-​tielet jum, skond l-​Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-​Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu. Mbagħad deher lil Ġakbu u lill-​appostli kollha. Fl-​aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-​waqt.” (1 Korintin 15:​3-8) Dawn ix-​xhieda setgħu jipproteġu l-​fatti storiċi li kellhom x’jaqsmu mal-​ħajja taʼ Ġesù.

Għall-kuntrarju taʼ dak li jallegaw il-​kritiċi moderni, l-​Iskrittura Griega Kristjana m’hijiex il-​frott taʼ xi immaġinazzjoni. Minflok, insibu xi invenzjonijiet f’dokumenti tat-​tieni seklu E.K., f’ċerti rakkonti mhux Skritturali li ħarġu dwar Ġesù. Dan kien fiż-​żmien, meta fil-​komunitajiet li kienu tbegħdu mill-​kongregazzjoni appostolika kienet qed tiżviluppa l-​apostasija mill-​Kristjanità vera.—Atti 20:​28-30.

Setgħu l-​Evanġelji kienu leġġendi?

Il-kittieb u kritiku C. S. Lewis sabha diffiċli li jqis l-​Evanġelji bħala sempliċi leġġendi. “Bħala studjuż taʼ l-​istorja letterarja jien konvint mija fil-​mija li l-​Evanġelji jistgħu jkunu kollox minbarra leġġendi,” kiteb hu. “Ma fihomx biżżejjed immaġinazzjoni biex ikunu leġġendi. . . . Il-​parti l-​kbira mill-​ħajja taʼ Ġesù ma nafuhiex, u l-​ebda individwu li jivvinta leġġenda m’huwa se jħalli daqshekk dettalji barra.” Huwa interessanti wkoll il-​fatt li għalkemm l-​istudjuż magħruf taʼ l-​istorja H. G. Wells qatt ma stqarr li hu Kristjan, hu rrikonoxxa li l-​erbaʼ kittieba taʼ l-​Evanġelji jaqblu f’li jagħtuna stampa taʼ personalità distinta ferm u f’dan huma jikkonvinċuna ħafna.

Ejja naraw waħda mill-​okkażjonijiet fejn Ġesù rxoxtat deher lid-​dixxipli tiegħu. Wieħed tas-​sengħa f’li jivvinta l-​leġġendi x’aktarx kien jippreżenta r-​ritorn taʼ Ġesù b’xi wirja spettakolari, waqt li jagħti xi diskors importanti. Inkella forsi kien jiddeskrivi lil Ġesù bħala li kien imdawwar b’dawl u dija kbira. Minflok, il-​kittieba taʼ l-​Evanġelji jiddeskrivuh biss bħala li qagħad bil-​wieqfa quddiem id-​dixxipli tiegħu. Imbagħad staqsa: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” (Ġwann 21:5) L-​istudjuż Gregg Easterbrook jikkonkludi: “Dawn huma t-​tip taʼ dettalji li jissuġġerixxu li r-​rapport huwa wieħed ġenwin, mhux mibni fuq il-​ħrejjef.”

Diffikultà oħra għall-​akkuża li l-​Evanġelji huma biss leġġendi hija l-​metodu strett li kienu jużaw ir-​rabbini biex jgħallmu. Dan il-​metodu, li kien l-​iktar popolari fiż-​żmien meta nkitbu l-​Evanġelji, kien marbut ħafna mat-​tagħlim bl-​amment—proċess taʼ li żżomm xi ħaġa f’moħħok billi toqgħod tirrepetiha ħafna drabi mingħajr il-​bżonn li tifhimha. Dan jiffavorixxi t-​traduzzjoni eżatta u bir-​reqqa tal-​kliem u taʼ l-​għemejjel taʼ Ġesù iktar milli t-​tiswir taʼ verżjoni mżejna.

Jekk l-​Evanġelji kienu leġġendi, setgħu dawn jinħolqu daqshekk malajr wara l-​mewt taʼ Ġesù?

Skond l-​evidenza li għandna, l-​Evanġelji nkitbu bejn is-​snin 41 u 98 E.K. Ġesù miet fis-​sena 33 E.K. Dan ifisser li r-​rapporti dwar il-​ħajja tiegħu ġew miġburin flimkien fi żmien relattivament qasir wara li ntemm il-​ministeru tiegħu. Dan huwa taʼ xkiel kbir għall-​argument li r-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju huma sempliċement leġġendi. Il-​leġġendi jeħtieġu ż-​żmien biex jiżviluppaw. Per eżempju, ħu l-​Ilijade u l-​Odissea tal-​poeta antik Grieg Omeru. Xi wħud isostnu li l-​kitba taʼ dawn iż-​żewġ leġġendi, f’forma taʼ poeżiji twal, ħadet mijiet taʼ snin biex tiżviluppa u tiġi stabbilita. Xi ngħidu għall-​Evanġelji?

Fil-ktieb tiegħu Caesar and Christ, l-​istudjuż taʼ l-​istorja Will Durant jikteb: “Li ftit irġiel komuni . . . ivvintaw personalità tant qawwija u li tappella, etika tant għolja u stampa taʼ fratellanza umana li tant tqanqal, kien ikun miraklu ferm iktar inkredibbli minn kwalunkwe wieħed li hemm miktub fl-​Evanġelji. Wara żewġ sekli taʼ Kritika Iktar Għolja, il-​qofol tal-​ħajja, tal-​karattru, u tat-​tagħlim taʼ Kristu tistaʼ tgħid li għadu ċar, u jifforma l-​iktar fattur affaxxinanti fl-​istorja tan-​nies tal-​Punent.”

Kienu l-​Evanġelji addattati iktar tard għall-​ħtiġijiet tal-​komunità bikrija Kristjana?

Xi kritiċi jargumentaw li dak li kien qed jiġri fil-​komunità bikrija Kristjana setaʼ ġiegħel lill-​kittieba taʼ l-​Evanġelji jaddattaw l-​istorja taʼ Ġesù jew iżidu magħha. Madankollu, studju bir-​reqqa taʼ l-​Evanġelji juri li ma kien sar l-​ebda tbagħbis bħal dan. Jekk ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju dwar Ġesù ġew mibdulin b’qerq mill-​Kristjani fl-​ewwel seklu, allura għala xorta baqgħu jidhru fihom kummenti negattivi dwar il-​Lhud u anki dwar il-​Ġentili?

Eżempju taʼ dan insibuh f’Mattew 6:​5-7, fejn Ġesù hu kwotat li qal: “U meta titolbu, tkunux bħal dawk taʼ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-​sinagogi u f’salib it-​toroq, biex jidhru quddiem in-​nies. Tassew, ngħidilkom, li l-​ħlas tagħhom ġa ħaduh.” B’mod ċar, din kienet kundanna għall-​mexxejja reliġjużi Lhud. Imbagħad Ġesù żied jgħid: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-​pagani [il-Ġentili]; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.” Billi kkwotaw lil Ġesù b’dan il-​mod, il-​kittieba taʼ l-​Evanġelji ma kinux qegħdin jipprovaw jikkonvertu lin-​nies. Kienu biss qed iniżżlu bil-​miktub dak li fil-​fatt qal Ġesù Kristu.

Ikkunsidra wkoll ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju dwar in-​nisa li żaru l-​qabar taʼ Ġesù u sabuh vojt. (Mark 16:​1-8) Skond Gregg Easterbrook, “fis-​soċjetà antika tal-​Lvant Nofsani, kwalunkwe xiehda mogħtija minn mara kienet titqies bħala li żgur ma tistax toqgħod fuqha: per eżempju, żewġ xhieda rġiel kienu biżżejjed biex jikkundannaw mara fuq adulterju, iżda l-​ebda mara ma setgħet tikkundanna raġel bix-​xiehda tagħha.” Tabilħaqq, l-​istess dixxipli taʼ Ġesù ma emmnuhomx lin-​nisa! (Luqa 24:11) Għaldaqstant, ftit hemm ċans li storja bħal din ġiet ivvintata apposta.

Il-fatt li fl-​ittri taʼ l-​appostli u fil-​ktieb t’Atti ma nsibux parabboli huwa prova b’saħħitha li dawk il-​parabboli li nsibu fl-​Evanġelji ma daħħluhomx il-​Kristjani tal-​bidu iżda ntqalu minn Ġesù stess. Barra minn hekk, jekk inqabblu sew l-​Evanġelji maʼ l-​ittri naraw li la Pawlu u lanqas il-​kittieba l-​oħrajn taʼ l-​Iskrittura Griega ma wżaw b’tattika lil Ġesù biex jgħidu dak li kienu jaħsbu huma. Kieku l-​komunità Kristjana bikrija għamlet hekk, allura konna nistennew li għallinqas ftit mill-​materjal fl-​ittri nsibuh ukoll fir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju. Iżda ladarba ma nsibu xejn minn dan, nistgħu bla dubju taʼ xejn nikkonkludu li l-​materjal fl-​Evanġelji huwa oriġinali u awtentiku.

Xi ngħidu għal dawk li forsi taħsibhom kontradizzjonijiet fl-​Evanġelji?

Il-kritiċi ilhom isostnu li l-​Evanġelji huma mimlijin kontradizzjonijiet. L-​istudjuż taʼ l-​istorja Durant fittex li jeżamina r-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju b’ħarsa imparzjali, billi ttrattahom bħala dokumenti storiċi. Għalkemm hu jgħid li fihom hemm xi affarijiet li donnhom ma jaqblux, hu jikkonkludi li dawn il-​kontradizzjonijiet huma f’dettalji insinjifikanti, mhux f’affarijiet serji. Fl-​aspetti importanti, l-​evanġelji taʼ Mattew, Mark, u Luqa jaqblu b’mod taʼ l-​għaġeb, u jagħtu l-​istess stampa taʼ Kristu.

Fejn qisu hemm xi nuqqas taʼ qbil fir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju, dan taʼ spiss jistaʼ jissolva faċilment. Biex nagħtu eżempju: Mattew 8:5 jgħid li “resaq . . . [fuq Ġesù] wieħed ċenturjun jitolbu bil-​ħerqa” biex ifejjaqlu lil wieħed mill-​qaddejja tiegħu. F’Luqa 7:​3, naqraw li ċ-​ċenturjun “bagħatlu [lil Ġesù] xi wħud mix-​xjuħ tal-​Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-​qaddej.” Iċ-​ċenturjun bagħat lix-​xjuħ bħala r-​rappreżentanti tiegħu. Għalhekk Mattew setaʼ jgħid li kien iċ-​ċenturjun innifsu li talab lil Ġesù bil-​ħerqa, għaliex hu għamel it-​talba tiegħu permezz tax-​xjuħ, li tkellmu f’ismu. Dan huwa biss eżempju wieħed li juri li l-​konflitti li jingħad li hemm fl-​Evanġelji jistgħu jiġu solvuti.

Xi ngħidu għal dak li ssostni l-​kritika iktar għolja, li l-​Evanġelji ma jissodisfawx il-​livelli biex ikunu jistgħu jiġu kunsidrati bħala storiċi? Durant ikompli: “Mimlijin entużjażmu bis-​sejbiet tagħhom, dawk tal-​Kritika Iktar Għolja għamlu testijiet t’awtentiċità tant ibsin fuq it-​Testment il-​Ġdid, li b’dawn l-​istess livelli ħafna individwi importanti taʼ l-​antik—bħal Ħammurabi, David, Sokrate—isiru karattri leġġendarji. Minkejja l-​preġudizzji u l-​ideat reliġjużi li l-​evanġelisti kellhom qabel, huma rrapportaw ħafna inċidenti illi kienu jitħallew barra kieku kienu sempliċement qed jivvintawhom. [Żgur ma kinux isemmu] l-​pika li kien hemm bejn l-​appostli għal pożizzjoni għolja fis-​Saltna, il-​mod kif huma ħarbu meta Ġesù ġie arrestat, [u] ċ-​ċaħda taʼ Pietru. . . . L-​ebda persuna li tkun qed taqra dawn ir-​rakkonti ma tistaʼ tiddubita jekk il-​persunaġġi msemmijin humiex reali.”

Il-​Kristjanità tal-​lum tirrappreżentah tajjeb lil Ġesù taʼ l-​Evanġelji?

Dawk li ħadu sehem fis-​seminar dwar Ġesù ddikjaraw li r-​riċerka tagħhom mhix “marbuta maʼ dak li jiddeċiedu l-​kunsilli tal-​knejjes.” Imma l-​istudjuż taʼ l-​istorja Wells irrealizza li hemm baħar jaqsam bejn it-​tagħlim taʼ Ġesù kif inhu preżentat fl-​Evanġelji u dak tal-​Kristjaneżmu. Hu kiteb: “M’hemm l-​ebda evidenza li l-​appostli taʼ Ġesù qatt xi darba semgħu bit-​Trinità—għallinqas mingħandu. . . . [U Ġesù] qatt ma qal xejn dwar il-​qima lejn ommu Marija, li ħadet post Isis bħala s-​Sultana tas-​sema. Hu injora dak kollu li fil-​qima u fl-​użu huwa marbut b’mod speċjali mal-​Kristjaneżmu.” Għalhekk, wieħed ma jistax jiġġudika l-​valur taʼ l-​Evanġelji fuq il-​bażi tat-​tagħlim tal-​Kristjaneżmu.

X’INHI D-​DEĊIŻJONI TIEGĦEK?

Wara li kkunsidrajt dawn il-​punti li semmejna, int x’taħseb? Teżisti prova li verament tikkonvinċik li l-​Evanġelji m’huma xejn għajr ħrejjef? Ħafna jsibu li l-​mistoqsijiet u d-​dubji li tqajmu dwar il-​ġenwinità taʼ l-​Evanġelji huma dgħajfin u ma jikkonvinċux. Biex tifforma l-​opinjoni persunali tiegħek, trid taqra l-​Evanġelji b’moħħok miftuħ. (Atti 17:11) Meta tikkunsidra l-​mod konsistenti, onest, u eżatt taʼ kif l-​Evanġelji jippreżentaw il-​personalità taʼ Ġesù, tirrealizza li dawn ir-​rakkonti żgur m’humiex xi ġabra taʼ ħrejjef. a

Jekk teżamina l-​Bibbja bir-​reqqa u tapplika l-​pariri tagħha tara kif din tistaʼ tbiddillek ħajtek għall-​aħjar. (Ġwann 6:68) B’mod speċjali, il-​pariri taʼ Ġesù mniżżlin fl-​Evanġelji ċertament li se jgħinuk tagħmel dan. Iktar minn hekk, mill-​Bibbja tistaʼ titgħallem dwar il-​futur meraviljuż li hemm maħżun għall-​bnedmin ubbidjenti.—Ġwann 3:16; 17:​3, 17.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​kapitli 5 sa 7 taʼ Il-​Bibbja—Il-​Kelma t’Alla jew tal-​Bniedem? u l-​browxer Ktieb għan-​Nies Kollha, pubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Kaxxa f’paġna 7]

Xiehda taʼ Rapportar Awtentiku

XI SNIN ilu, kittieb Awstraljan li qabel kien kritiku tal-​Bibbja stqarr: “Għall-​ewwel darba f’ħajti għamilt dak li normalment jagħmlu bħala l-​ewwel xogħol il-​ġurnalisti: iċċekkjajt il-​fatti li kelli. . . . U nħsadt, għax dak li kont qed naqra [fir-rakkonti taʼ l-​Evanġelju] la kien xi leġġenda u lanqas xi rakkont ivvintat. Kienu ġrajjiet rapportati. Rakkonti taʼ ġrajjiet straordinarji b’informazzjoni miksuba minn ras il-​għajn u minn sorsi sekondarji. . . . Ġrajjiet rapportati jkunu jingħarfu, u dan il-​fatt joħroġ ċar fl-​Evanġelji.”

Bl-​istess mod, E. M. Blaiklock, professur tal-​kitbiet klassiċi fl-​Università t’Auckland, jispjega: “Insostni li jien studjuż taʼ l-​istorja u nħares lejn il-​kitbiet klassiċi mill-​aspett storiku. Nistaʼ nassigurakom li l-​evidenza li hemm dwar il-​ħajja, il-​mewt, u l-​irxoxt taʼ Kristu hija ħafna iktar awtentika mill-​biċċa l-​kbira tal-​fatti taʼ l-​istorja antika.”

[Mappa/Stampi f’paġni 8, 9]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

IL-​FENIĊJA

IL-​GALILIJA

Ix-​Xmara Ġordan

IL-​ĠUDEA

[Stampi]

“L-​evidenza li hemm dwar il-​ħajja, il-​mewt, u l-​irxoxt taʼ Kristu hija ħafna iktar awtentika mill-​biċċa l-​kbira tal-​fatti li hemm taʼ l-​istorja antika.” taʼ Dicembru—IL-​PROFESSUR E. M. BLAIKLOCK

[Sors taʼ l-​Istampa]

Mapep fl-​isfond: Based on a map copyrighted by Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. and Survey of Israel.