Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla għal Żmienna

Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla għal Żmienna

“Bin il-​bniedem, kun af li din id-​dehra tgħodd għal żmien it-​tmiem.”—DANJEL 8:17.

1. Jehovah x’iridhom ikunu jafu l-​bnedmin kollha dwar żmienna?

 JEHOVAH ma jżommux għalih l-​għarfien dwar ġrajjiet futuri. Pjuttost, hu Dak li jikxef il-​misteri. Fil-​fatt, hu jridna lkoll inkunu nafu li dħalna fil-​fond sew fi “żmien it-​tmiem.” X’aħbar vitali hi din għas-​sitt biljun ruħ li hawn jgħixu fuq l-​art bħalissa!

2. In-​nies għala jinsabu mħassbin dwar il-​futur taʼ l-​umanità?

2 Tistgħaġeb int li din id-​dinja waslet fi tmiemha? Il-​bniedem kapaċi jimxi fuq il-​qamar, imma f’ħafna postijiet ma jistax mingħajr biżaʼ jippassiġġa fit-​toroq taʼ din il-​pjaneta. Kapaċi jimla dar b’kumditajiet moderni, imma ma jistax irażżan l-​għadd li dejjem jiżdied taʼ familji mkissrin. U kapaċi jikseb viżibilju taʼ informazzjoni permezz tat-​televiżjoni u l-​kompjuter, imma ma jistax jgħallem lin-​nies jgħixu flimkien fil-​paċi. Dawn il-​fallimenti jsaħħu l-​evidenza Skritturali abbundanti li qed ngħixu fi żmien it-​tmiem.

3. Meta ntużaw l-​ewwel darba fuq l-​art il-​kelmiet “żmien it-​tmiem”?

3 Dawn il-​kelmiet impressjonanti—“żmien it-​tmiem”—intużaw l-​ewwel darba fuq l-​art xi 2,600 sena ilu mill-​anġlu Gabrijel. Profeta t’Alla twerwer meta semaʼ lil Gabrijel jgħid: “Bin il-​bniedem, kun af li din id-​dehra tgħodd għal żmien it-​tmiem.”—Danjel 8:17.

Dan Hu “Żmien it-​Tmiem”!

4. Il-​Bibbja b’liema modi oħrajn tirreferi għal żmien it-​tmiem?

4 L-espressjonijiet “żmien it-​tmiem” u “żmien taʼ l-​aħħar” jidhru sitt darbiet fil-​ktieb taʼ Danjel. (Danjel 8:​17, 19; 11:​35, 40; 12:​4, 9) Dawn jirreferu għall-​“aħħar tad-​dinja,” imbassar mill-​appostlu Pawlu. (2 Timotju 3:​1-5) Ġesù Kristu rrefera għal dan il-​perijodu bħala l-​“miġja” tiegħu fil-​kariga taʼ Sultan fuq it-​tron fis-​sema.—Mattew 24:​37-39.

5, 6. Min huma dawk li ‘flew sewwa’ l-​Bibbja matul iż-​żmien tat-​tmiem, u b’liema riżultat?

5Danjel 12:4 jgħid: “Imma int, Danjel, agħlaq dan id-​diskors u ssiġilla l-​ktieb saż-​żmien taʼ l-​aħħar. Ħafna bnedmin għad jifluh sewwa u jikbru fl-​għaqal.” Ħafna minn dak li kiteb Danjel ġie mistur u qisu magħluq b’siġill biex il-​bnedmin ma setgħux jifhmuh għal sekli sħaħ. Imma xi ngħidu għal-​lum?

6 F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, ħafna Kristjani leali ‘flew sewwa’ l-​paġni tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. X’kien ir-​riżultat? Billi Jehovah bierek l-​isforzi tagħhom, l-​għarfien veru sar abbundanti. Per eżempju, Xhieda taʼ Jehovah midlukin ngħataw dehen li bih setgħu jifhmu li Ġesù Kristu sar Sultan tas-​sema fis-​sena 1914. Fi qbil mal-​kliem taʼ l-​appostlu li nsibu fit-​2 Pietru 1:​19-21, dawn il-​midlukin u sħabhom leali ‘joqogħdu attenti għall-​kelma profetika’ u huma assolutament ċerti li dan huwa ż-​żmien tat-​tmiem.

7. Liema huma xi rakkonti li jagħmlu l-​ktieb taʼ Danjel uniku?

7 Il-ktieb taʼ Danjel huwa uniku f’ħafna modi. Fil-​paġni tiegħu, wieħed sultan jhedded li joqtol lill-​għorrief tiegħu talli ma jkunux kapaċi jgħidulu x’inhi u xi tfisser il-​ħolma taʼ taħbil il-​moħħ li ħolom, imma l-​profeta t’Alla jħoll it-​taħbila! Tliet żgħażagħ li jirrifjutaw li jqimu statwa immensa jiġu mitfugħin ġo forn tan-​nar iħeġġeġ, u madankollu jibqgħu ħajjin bla mittiefsa. Matul ċelebrazzjoni taʼ festa, mijiet taʼ nies jilmħu id tikteb kliem misterjuż fuq ħajt taʼ palazz. Raġel imdaħħal fiż-​żmien jiġi mitfugħ f’ħofra taʼ l-​iljuni minħabba konfoffa mill-​agħar kontrih, imma jeħlisha ħafif mingħajr girfa. Erbaʼ bhejjem jidhru f’dehra, u dawn jingħataw sinjifikat profetiku li jestendi saż-​żmien tat-​tmiem.

8, 9. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​ktieb taʼ Danjel, speċjalment issa fiż-​żmien tat-​tmiem?

8 B’mod ċar, il-​ktieb taʼ Danjel hu minsuġ b’żewġ elementi differenti għall-​aħħar—wieħed narrattiv u l-​ieħor profetiku. It-​tnejn li huma jistgħu jibnulna l-​fidi. Ir-​rakkonti juruna li Alla Jehovah jberikhom lil dawk li jżommu l-​integrità lejh. U l-​partijiet profetiċi jibnulna l-​fidi billi juruna li Jehovah jkun jaf il-​korsa taʼ l-​istorja minn sekli—saħansitra millennji—qabel.

9 Diversi profeziji miktubin minn Danjel jiġbdu l-​attenzjoni tagħna lejn is-​Saltna t’Alla. Hekk kif nosservaw it-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji, il-​fidi tagħna tissaħħaħ, u tissoda wkoll il-​konvinzjoni tagħna li qed ngħixu fiż-​żmien tat-​tmiem. Imma xi kritiċi jattakkaw lil Danjel, billi jgħidu li l-​profeziji fil-​ktieb li jġorr ismu fil-​fatt inkitbu wara li seħħew il-​ġrajjiet li suppost jiddeskrivu. Jekk dak li jgħidu huwa veru, dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar dak li bassar il-​ktieb taʼ Danjel rigward iż-​żmien tat-​tmiem. Xi xettiċi jitfgħu dubji wkoll fuq ir-​rakkonti tal-​ktieb. Mela ejja ninvestigaw.

Mgħoddi Ġuri!

10. Il-​ktieb taʼ Danjel f’liema sens jinsab taħt att t’akkuża?

10 Immaġina li qiegħed il-​qorti, waqt ġuri. Il-​prosekutur jinsisti li l-​akkużat huwa ħati taʼ qerq. Sewwa, il-​ktieb taʼ Danjel jippreżenta lilu nnifsu bħala xogħol awtentiku miktub minn profeta Ebrew li għex matul is-​sebaʼ u s-​sitt seklu Q.E.K. Imma l-​kritiċi jsostnu li l-​ktieb huwa xogħol qarrieq. Mela ejja l-​ewwel naraw jekk il-​parti narrattiva tal-​ktieb taqbilx mal-​fatti storiċi.

11, 12. Xi ġralha l-​akkuża li Beltassar kien biss karattru fittizju?

11 Nassumu li qed nikkunsidraw dak li jistaʼ jissejjaħ il-​każ tal-​monarka nieqes. Danjel kapitlu 5 juri li Beltassar kien qed jaħkem bħala sultan f’Babilonja meta dik il-​belt ġiet megħluba fis-​sena 539 Q.E.K. Xi kritiċi attakkaw dan il-​punt għaliex isem Beltassar ma kien jinstab imkien ħlief fil-​Bibbja. Minflok, studjużi taʼ l-​istorja tal-​qedem identifikaw lil Nabonidu bħala l-​aħħar sultan Babiloniż.

12 Madankollu, fis-​sena 1854, instabu xi ċilindri żgħar tal-​fuħħar fil-​fdalijiet taʼ Ur, il-​belt antika Babiloniża, fejn illum hemm l-​Iraq. Dawn l-​iskrizzjonijiet antiki kien fihom talba li fiha s-​Sultan Nabonidu rrefera għal “Bel-sar-ussur, ibni l-​kbir.” Anki l-​kritiċi kellhom jaqblu: Dan kien il-​Beltassar tal-​ktieb taʼ Danjel. Mela l-​monarka nieqes ma kien nieqes xejn wara kollox, sempliċement li sorsi sekulari kienu għadhom ma sabu xejn dwaru. Din hija biss waħda mill-​ħafna provi li l-​kitbiet taʼ Danjel huma verament awtentiċi. Din l-​evidenza turi li l-​ktieb taʼ Danjel huwa żgur parti mill-​Kelma profetika t’Alla li jistħoqqilha li niftħu widnejna sew għaliha issa stess, fiż-​żmien tat-​tmiem.

13, 14. Min kien Nabukodonosor, u taʼ liema alla falz kien devot b’mod speċjali?

13 Bħala parti essenzjali mill-​ktieb taʼ Danjel hemm profeziji li jinvolvu l-​avvanz taʼ qawwiet dinjin u l-​atti taʼ xi wħud mill-​ħakkiema tagħhom. Wieħed minn dawn jistaʼ jissejjaħ gwerrier li bena imperu. Bħala l-​eredi tat-​tron, dan il-​prinċep taʼ Babilonja, flimkien maʼ l-​eżerċtu tiegħu, farrak il-​qawwiet armati taʼ Neko, il-​Fargħun Eġizzjan, f’Karkemis. Imma l-​prinċep Babiloniż vittorjuż irċieva messaġġ li minħabba fih kellu jħalli f’idejn il-​ġenerali tiegħu biex itemmu r-​rebħa. Malli sar jaf li missieru, Nabopolassar, kien miet, iż-​żagħżugħ Nabukodonosor ħa t-​tron fis-​sena 624 Q.E.K. Tul ir-​renju tiegħu taʼ 43 sena, hu bena imperu li ħaddan fih territorji li darba kienu okkupati mill-​Assirja, u estenda l-​ħakma tiegħu għas-​Sirja u ’l isfel fil-​Palestina sal-​fruntiera taʼ l-​Eġittu.

14 Id-devozzjoni reliġjuża taʼ Nabukodonosor kienet speċjalment lejn Marduk, l-​alla ewlieni taʼ Babilonja. Is-​sultan ta l-​kredtu lil Marduk għar-​rebħiet kollha tiegħu. F’Babilonja, Nabukodonosor bena u sebbaħ it-​tempji taʼ Marduk u t’għadd kbir t’allat Babiloniżi oħrajn. L-​istatwa tad-​deheb mibnija minn dan is-​sultan Babiloniż fuq il-​witja taʼ Dura jistaʼ jkun li kienet dedikata lil Marduk. (Danjel 3:​1, 2) U milli jidher Nabukodonosor kien jistrieħ ħafna fuq il-​qari tax-​xorti meta kien jippjana l-​manuvri militari tiegħu.

15, 16. Nabukodonosor x’għamel għal Babilonja, u xi ġralu meta ftaħar dwar il-​kobor tagħha?

15 Billi lesta s-​swar doppji u massiċċi taʼ Babilonja, li kienu bdew jinbnew minn missieru, Nabukodonosor għamel il-​belt kapitali tidher qisha ħadd ma jistaʼ għaliha. Biex jissodisfa lis-​sultana Medjana tiegħu, li kienet tixxennaq għall-​għoljiet u l-​foresti t’art twelidha, Nabukodonosor jingħad li bena l-​ġonna mdendlin—wieħed mis-​sebaʼ għeġubijiet tad-​dinja tal-​qedem. Lil Babilonja għamilha waħda mill-​akbar bliet bis-​swar taʼ dak iż-​żmien. U kemm kien kburi b’dak iċ-​ċentru tal-​qima falza!

16 “Hijiex din Babilonja l-​kbira li jien . . . bnejt?” ftaħar Nabukodonosor darba waħda. Madankollu, skond Danjel 4:​27-33 [4:​30-36, NW], “il-​kelma kienet għadha f’fomm is-​sultan,” meta dan inħakem mill-​ġenn. Għal sebaʼ snin sħaħ ma kienx f’qagħda li jmexxi u kien jiekol il-​ħaxix bħall-​barrin, sewwa sew bħalma kien bassar Danjel. Imbagħad saltnatu ngħatatlu lura. Taf x’sinjifikat profetiku għandu dan kollu? Tistaʼ tispjega kif it-​twettiq ewlieni taʼ dan iġibna preċiż saż-​żmien tat-​tmiem?

Immissu xi Elementi Profetiċi

17. Kif tiddeskriviha l-​ħolma profetika li Alla bagħat lil Nabukodonosor fit-​tieni sena tar-​renju tiegħu bħala ħakkiem dinji?

17 Issa ejja mmissu xi elementi profetiċi fil-​ktieb taʼ Danjel. Matul it-​tieni sena tar-​renju taʼ Nabukodonosor bħala ħakkiem dinji skond il-​profezija Biblika (606/605 Q.E.K.), Alla bagħatlu ħolma tal-​biżaʼ. Skond Danjel kapitlu 2, il-​ħolma kienet tinvolvi statwa immensa li rasha kienet tad-​deheb, sidirha u dirgħajha tal-​fidda, żaqqha u koxxtejha tal-​bronż, riġlejha tal-​ħadid, u saqajha tal-​ħadid imħallat bit-​tafal. X’kienu jirrappreżentaw id-​diversi partijiet taʼ l-​istatwa?

18. X’kienu jirrappreżentaw ir-​ras tad-​deheb, is-​sider u d-​dirgħajn tal-​fidda, u ż-​żaqq u l-​koxox tal-​bronż taʼ l-​istatwa fil-​ħolma?

18 Il-profeta t’Alla qal lil Nabukodonosor: “Int, sultan . . . inti huwa r-​ras tad-​deheb.” (Danjel 2:​37, 38) Nabukodonosor kien il-​kap taʼ dinastija li ħakmet fuq l-​Imperu Babiloniż. Din intrebħet mill-​Medo-Persja, rappreżentata mis-​sider u d-​dirgħajn tal-​fidda fl-​istatwa. Wara dawn ġie l-​Imperu Grieg, rappreżentat miż-​żaqq u l-​koxox tal-​bronż. Din il-​qawwa dinjija kif bdiet?

19, 20. Min kien Alessandru l-​Kbir, u xi rwol kellu f’li jagħmel il-​Greċja qawwa dinjija?

19 Fir-rabaʼ seklu Q.E.K., wieħed żagħżugħ kellu rwol sinjifikanti fit-​twettiq tal-​profezija taʼ Danjel. Twieled fis-​sena 356 Q.E.K., u d-​dinja saret tafu bħala Alessandru l-​Kbir. Wara li missieru, Filippu, inqatel fis-​sena 336 Q.E.K., Alessandru wiret it-​tron tal-​Maċedonja fl-​età taʼ 20 sena.

20 Kmieni f’Mejju tas-​sena 334 Q.E.K., Alessandru beda kampanja taʼ konkwisti. Kellu eżerċtu żgħir imma effiċjenti taʼ 30,000 suldat taʼ l-​infanterija u 5,000 tal-​kavallerija. Ħdejn ix-​Xmara Graniku fil-​majjistral taʼ l-​Asja Minuri (issa t-​Turkija), Alessandru rebaħ l-​ewwel battalja tiegħu kontra l-​Persjani fis-​sena 334 Q.E.K. Sas-​sena 326 Q.E.K., dan il-​konkwistatur qalbieni kien rebħilhom għalkollox u kien mar tant ’il bogħod lejn il-​lvant li wasal sax-​Xmara Indu, fejn illum hemm il-​Pakistan. Imma Alessandru tilef il-​battalja finali tiegħu waqt li kien f’Babilonja. Fit-​13 taʼ Ġunju, tas-​sena 323 Q.E.K., wara li kien għadu għex biss 32 sena u 8 xhur, kellu jċedi għall-​iktar għadu tal-​biżaʼ, il-​mewt. (1 Korintin 15:55) Madankollu, permezz tal-​konkwisti tiegħu, il-​Greċja kienet saret qawwa dinjija, bħalma kienet bassret il-​profezija taʼ Danjel.

21. Minbarra l-​Imperu Ruman, liema qawwa dinjija oħra kienet iffigurata mir-​riġlejn tal-​ħadid taʼ l-​istatwa fil-​ħolma?

21 X’inhu rappreżentat mir-​riġlejn tal-​ħadid taʼ l-​istatwa immensa? Sewwa, kienet Ruma li, qawwija daqs il-​ħadid, farrket u kissret lill-​Imperu Grieg. Billi ma wrew ebda rispett lejn is-​Saltna t’Alla mxandra minn Ġesù Kristu, ir-​Rumani lil dan qatluh fuq zokk tat-​tortura fis-​sena 33 E.K. Fi sforz biex tfarrak il-​Kristjanità vera, Ruma ppersegwitat lid-​dixxipli taʼ Ġesù. Madankollu, ir-​riġlejn tal-​ħadid taʼ l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor iffiguraw mhux biss lill-​Imperu Ruman imma wkoll lil dak li nibet minnu politikament—il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana.

22. L-​istatwa fil-​ħolma kif tgħinna naraw li dħalna fil-​fond sew fiż-​żmien tat-​tmiem?

22 Studju bir-​reqqa jagħti prova li dħalna fil-​fond sew fiż-​żmien tat-​tmiem, għax wasalna fis-​saqajn tal-​ħadid u t-​tafal taʼ l-​istatwa fil-​ħolma. Xi gvernijiet taʼ żmienna huma qawwijin daqs il-​ħadid jew dittatorjali, filwaqt li oħrajn huma dgħajfin bħat-​tafal. Minkejja n-​natura fraġli tat-​tafal, li minnu hu magħmul “nisel il-​bniedem,” mexxejja qawwijin daqs il-​ħadid kellhom iħallu lin-​nies komuni jsemmgħu leħinhom fil-​gvernijiet li jaħkmu fuqhom. (Danjel 2:​43; Ġob 10:9) M’għandniex xi ngħidu, ħakma dittatorjali u n-​nies komuni ma jistgħux jitħalltu flimkien daqskemm ma jistgħux jitħalltu flimkien il-​ħadid u t-​tafal. Imma s-​Saltna t’Alla dalwaqt se ttemm lil din id-​dinja maqsuma f’biċċiet politikament.—Danjel 2:44.

23. Kif tiddeskrivihom il-​ħolma u d-​dehriet li kellu Danjel fl-​ewwel sena tar-​renju taʼ Beltassar?

23 Kapitlu 7 tal-​profezija affaxxinanti taʼ Danjel iġibna wkoll fiż-​żmien tat-​tmiem. Jirrakkonta ġrajja li seħħet fl-​ewwel sena taʼ Beltassar, is-​Sultan Babiloniż. Danjel, li issa kellu iktar minn 70 sena, “ħolom ħolma, u kellu dehriet f’moħħu waqt li kien mimdud fuq friexu.” Kif werwruh dawk id-​dehriet! Hu għajjat: “Ara, l-​erbat irjieħ tas-​sema bdew iqanqlu l-​baħar il-​kbir; u mill-​baħar ħarġu erbaʼ bhejjem kbar, waħda m’hijiex bħall-​oħra.” (Danjel 7:​1-8, 15) X’bhejjem taʼ l-​għaġeb! L-​ewwel waħda hija ljun bil-​ġwienaħ, u t-​tieni waħda qisha ors. Imbagħad jiġi ljupard b’erbaʼ ġwienaħ u erbat irjus! Ir-​rabaʼ bhima, b’saħħa mhux tas-​soltu, għandha snien kbar tal-​ħadid u għaxart iqrun. Minn fost l-​għaxart iqrun li kellha jqum qarn “żgħir” b’“għajnejh bħal taʼ bniedem u fommu jlablab ħafna kliem arroganti.” Xi ħlejjaq grotteski!

24. Skond Danjel 7:​9-14, x’jara Danjel fis-​sema, u lejn xiex tiħodna din id-​dehra?

24 Id-dehriet taʼ Danjel imbagħad iduru lejn is-​sema. (Danjel 7:​9-14) Ix-​“Xiħ fl-​għomor,” Alla Jehovah, jidher bil-​qegħda fuq it-​tron b’mod glorjuż bħala Mħallef. “Eluf taʼ eluf . . . jaqduh, u għaxart elef taʼ għaxriet taʼ eluf wieqfa quddiemu.” Waqt li jagħti lill-​bhejjem ġudizzju taʼ kundanna, Alla jiħdilhom il-​ħakma minn idejhom u jeqred lir-​rabaʼ bhima. Ħakma dejjiema fuq “kull ġens, u poplu, u lsien” tingħata lil xi ħadd “bħal iben taʼ bniedem.” Dan kollu jiħodna lejn iż-​żmien tat-​tmiem u lejn iż-​żmien meta Bin il-​bniedem, Ġesù Kristu, jingħata t-​tron fis-​sena 1914.

25, 26. Liema mistoqsijiet jistgħu jqumu meta naqraw il-​ktieb taʼ Danjel, u liema pubblikazzjoni tistaʼ tgħinna nweġbuhom?

25 Kulmin jaqra l-​ktieb taʼ Danjel żgur li se jkollu xi mistoqsijiet. Per eżempju, x’jirrappreżentaw l-​erbaʼ bhejjem taʼ Danjel kapitlu 7? X’inhi l-​ispjegazzjoni tas-​“sebgħin ġimgħa” profetiċi msemmijin f’Danjel 9:​24-27? Xi ngħidu dwar Danjel kapitlu 11 u l-​konflitt profetiku tas-​“sultan tat-​tramuntana” u s-​“sultan tan-​nofsinhar”? X’nistgħu nistennew minn dawn is-​slaten fiż-​żmien tat-​tmiem?

26 Jehovah ta d-​dehen lill-​qaddejja midlukin tiegħu fuq l-​art, il-​“qaddisin taʼ Alla l-​Għoli,” kif jissejħu f’Danjel kapitlu 7:​18, biex jifhmu dawn l-​affarijiet. Iktar minn hekk, l-​ilsir leali u diskret għamlilna provvediment biex niksbu iktar dehen mill-​kitbiet imnebbħin tal-​profeta Danjel. (Mattew 24:45) Dan issa huwa disponibbli permezz tal-​ktieb li ħareġ dan l-​aħħar Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel! Din il-​pubblikazzjoni taʼ 320 paġna bi stampi verament sbieħ tkopri kull parti tal-​ktieb taʼ Danjel. Tittratta kull profezija li tibni l-​fidi u kull rakkont miktub minn Danjel, il-​profeta maħbub.

Sinjifikat Veru għal Żmienna

27, 28. (a) X’nistgħu ngħidu li hu minnu dwar it-​twettiq tal-​profeziji fil-​ktieb taʼ Danjel? (b) F’liema perijodu qegħdin ngħixu, u x’għandna nagħmlu?

27 Ikkunsidra dan il-​punt sinjifikanti: Ħlief għal xi ftit dettalji, il-​profeziji kollha fil-​ktieb taʼ Danjel twettqu. Per eżempju, issa qed naraw is-​sitwazzjoni dinjija ffigurata mir-​riġlejn taʼ l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Danjel kapitlu 2. Iz-​zokk tas-​siġra taʼ Danjel kapitlu 4 ġie maħlul miċ-​ċrieki tiegħu meta s-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu, ngħata t-​tron fis-​sena 1914. Iva, bħalma tbassar f’Danjel kapitlu 7, ix-​Xiħ fl-​għomor dak in-​nhar ta l-​ħakma lil Bin il-​bniedem.—Danjel 7:​13, 14; Mattew 16:27–17:9.

28 Kollha għaddew l-​2,300 jum taʼ Danjel kapitlu 8, kif ukoll l-​1,290 jum u l-​1,335 jum taʼ kapitlu 12—dawn kollha jinsabu warajna, għaddew mal-​medda taż-​żmien. Studju taʼ Danjel kapitlu 11 jurina li l-​konflitt bejn is-​“sultan tat-​tramuntana” u s-​“sultan tan-​nofsinhar” wasal fl-​istadji finali tiegħu. Dan kollu jżid maʼ l-​evidenza Skritturali li issa dħalna fil-​fond sew fiż-​żmien tat-​tmiem. Meta nqisu x’post uniku ngawdu fil-​medda taż-​żmien, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu? Mingħajr ebda dubju, għandna niftħu widnejna għall-​kelma profetika t’Alla Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• Alla x’irid li l-​bnedmin kollha jkunu jafu dwar żmienna?

• Il-​ktieb taʼ Danjel kif jistaʼ jibnilna l-​fidi?

• Liema fatturi kellha l-​istatwa fil-​ħolma taʼ Nabukodonosor, u dawn x’kienu jissimbolizzaw?

• X’inhu notevoli dwar it-​twettiq tal-​profeziji li nsibu fil-​ktieb taʼ Danjel?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]