Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fejn Tistaʼ Tmur għal Parir Tajjeb?

Fejn Tistaʼ Tmur għal Parir Tajjeb?

L-​“industrija tal-​pariri” saret issa negozju li jirrendi biljuni taʼ biljuni taʼ dollari kull sena. In-​nies jixtiequ l-​għajnuna. Heinz Lehmann, bniedem professjonali fil-​qasam tas-​saħħa mentali, jagħmel din l-​osservazzjoni: “[Fis-soċjetà tal-​lum] hemm nuqqas edukattiv u soċjali. Il-​valuri reliġjużi m’għadhomx dawk li kienu dari. Il-​familji huma inqas stabbli . . . , u minħabba f’hekk kulħadd iħawwad.” L-​awtur Eric Maisel jgħid: “Dawk li qabel kienu jmorru jikkonsultaw lill-​mexxej spiritwali tat-​tribù tagħhom, lill-​qassis jew lit-​tabib tagħhom biex jgħinhom fil-​problemi mentali, spiritwali u fiżiċi, issa qegħdin jistrieħu fuq kotba li juru kif wieħed jistaʼ jgħin lilu nnifsu.”

L-​ASSOĊJAZZJONI Psikoloġika Amerikana ħatret grupp taʼ nies biex jinvestiga din l-​industrija li tant qed ikollha suċċess. Dawn qalu li waqt li hemm “possibbiltà kbira li individwi jiġu megħjunin jifhmu lilhom infushom u lil oħrajn . . . , ir-​reklami u t-​titli li jkun hemm fil-​programmi qegħdin dejjem ikunu iktar esaġerati u sensazzjonali.” Wieħed li jikteb fit-​Toronto Star jgħid: “Oqgħod b’sebaʼ għajnejn għall-​ħafna reliġjonisti spiritwali foloz. . . . Oqgħod attent speċjalment mill-​kotba, mit-​tapes u mis-​seminars kollha li juruk kif tgħin lilek innifsek, imma li joffrulek wisq affarijiet, fi żmien wisq qasir, bi ftit wisq sforz jew dixxiplina fuqek innifsek.” Veru li jeżistu ħafna nies li ġenwinament qegħdin ifittxu kif jistgħu jappoġġaw lil dawk li għandhom bżonn l-​għajnuna. Madankollu, ir-​realtà tal-​biki hi li għadd taʼ individwi bla skruplu qegħdin japprofittaw ruħhom minn dawk li jħossuhom waħedhom u li qed isofru, u m’huma qed joffrulhom ebda għajnuna jew soluzzjoni vera.

Meta nqisu dawn l-​affarijiet, x’inhu sors ewlieni t’għajnuna li nistgħu nafdawh? Fejn nistgħu nsibu pariri prattiċi li dejjem jaħdmu?

Sors taʼ Gwida li Ma Jfalli Qatt

Il-​predikatur Amerikan tas-​seklu 19, Henry Ward Beecher qal: “Il-​Bibbja hija mappa mingħand Alla li għandek timxi fuqha, biex tgħinek ħalli ma tegħriqx, turik fejn qiegħed il-​port, u turik kif tistaʼ tidħol fih mingħajr ma tinkalja fuq il-​blat jew ir-​ramel li jinġemaʼ max-​xatt.” Xi ħaddieħor qal dan dwar il-​Bibbja: “Ħadd ma jistaʼ jgħid li l-​Iskrittura m’għandux bżonnha iktar għax issa kiber; għax hekk kif jgħaddu s-​snin dan il-​ktieb jitwessaʼ u jsir iktar profond.” Għala għandek tikkunsidra dan is-​sors bis-​serjetà?

Il-Bibbja tirrikkmanda lilha nfisha b’dan il-​kliem: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Timotju 3:​16, 17) Dak li hemm fil-​Bibbja joriġina mill-​Għajn tal-​ħajja nnifsu, li hu Alla Jehovah. (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Minħabba f’hekk, hu jaf sew kif aħna magħmulin, bħalma jfakkarna Salm 103:14: “Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” Għalhekk, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa dwar il-​valur li għandha l-​Bibbja.

Fil-fatt, il-​Bibbja mimlija prinċipji u linji taʼ gwida li, jekk napplikawhom fi kwalunkwe ċirkustanza li nistgħu nsibu ruħna fiha, se jkunu taʼ benefiċċju għalina. Permezz tagħha Alla jgħidilna: “Din hi t-​triq; għaddi minnha.” (Isaija 30:21) Tistaʼ l-​Bibbja tissodisfa l-​ħtiġijiet tan-​nies fi żmienna? Ħa naraw.

Il-​Bibbja Tilħaq il-​Ħtiġijiet Tagħna . . .

Biex Inlaħħqu maʼ l-​Ansjetajiet. Il-​Bibbja tgħidilna: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.”—Filippin 4:​6, 7. Ħassejt int li t-​talb kien effettiv u li għenek meta ġejt f’sitwazzjoni fejn kont ansjuż emozzjonalment minħabba xi tbatija ekonomika, xi abbuż sesswali u verbali, jew meta mietlek xi ħadd li kont tħobb? Ikkunsidra l-​esperjenza li ġejja.

Wara li Jackie saret taf li bintha ġiet abbużata sesswalment, hi tammetti: “Ma nistax insib kliem biex nispjega l-​ħtija li ħassejt minħabba li ma kellix il-​ħila nipproteġi lil binti. Tgħidx kemm iġġilidt miegħi nnifsi biex neħles mill-​imrar, il-​mibegħda, u r-​rabja li kont qed inħoss. Ħassejt li dawn is-​sentimenti bdew jivvelenawli ħajti. Tgħidx kemm kelli bżonn lil Jehovah biex iħarisli qalbi.” Wara li qrat u reġgħet qrat Filippin 4:​6, 7, Jackie għamlet ħilitha kollha biex tapplika l-​parir misjub hemmhekk. “Jien kuljum nitlob, għal darba wara l-​oħra, biex ma nħallix dawn is-​sentimenti negattivi jeqirduni, u Jehovah għenni niżviluppa qalb kalma u ferħana. Verament inħoss paċi ġo fija,” tgħid Jackie.

Forsi int ukoll għandek mnejn issib ruħek f’xi sitwazzjoni li ma tkunx tistaʼ tikkontrollaha jew issolviha u li ġġib magħha ansjetajiet emozzjonali. Jekk issegwi l-​parir tal-​Bibbja u titlob, int tkun tistaʼ b’mod effettiv tlaħħaq mas-​sitwazzjoni. Is-​salmista jinkuraġġina b’dan il-​kliem: “Erħi fil-​Mulej it-​triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.”​—Salm 37:5.

Għall-Inkuraġġiment. Is-​salmista b’apprezzament qal dan il-​kliem: “Mulej, [i]nħobb id-​dar taʼ l-​għamara tiegħek, il-​post fejn jgħammar sebħek. Jien b’riġli wieqaf fil-​wita; fil-​ġemgħat, Mulej, lilek inbierek.” (Salm 26:​8, 12) Il-​Bibbja tinkuraġġina niltaqgħu flimkien regolarment biex inqimu lil Jehovah. Din is-​sħubija kif tistaʼ tissodisfa l-​ħtiġijiet tagħna? X’qalu nies oħra?

Becky tirrakkonta: “Il-​ġenituri tiegħi ma kinux jaqdu lil Jehovah, u għalhekk kienu jagħmlu minn kollox biex insibha diffiċli u ma nibqax naqdi lil Alla. Jien irrid nagħmel sforz kbir biex nattendi l-​laqgħat.” Becky tħoss li kellha ħafna barkiet għax għamlet ħilitha kollha biex tattendi l-​laqgħat regolarment. “Il-​laqgħat isaħħuli l-​fidi, sabiex inkun nistaʼ nibqaʼ soda meta niffaċċja l-​pressjonijiet li jiġu fuqi kuljum, bħala studenta, bħala bint, u bħala qaddejja taʼ Jehovah. In-​nies fis-​Sala tas-​Saltna tant huma differenti mill-​istudenti taʼ l-​iskola! Huma jimpurtahom u jħobbu jgħinu, u l-​konversazzjonijiet ikunu dejjem inkuraġġanti. Huma ħbieb veri.”

Iva, jekk aħna nobdu dak li tgħid il-​Bibbja u niltaqgħu flimkien regolarment, se nsibu li Jehovah lest jagħtina l-​inkuraġġiment li jkollna bżonn. B’hekk se naraw kemm huwa veru l-​kliem tas-​salmista: “Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh fid-​dwejjaq.”​—Salm 46:2 [46:​1, NW].

Għal Xogħol Sodisfaċenti u Utli. “Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej. Kunu afu li l-​ħidma tagħkom fil-​Mulej m’hijiex għalxejn.” (1 Korintin 15:58) Hija l-​“ħidma tal-​Mulej” verament sodisfaċenti? Qiegħed il-​ministeru Kristjan iwettaq xi ħaġa utli?

Amelia tgħid kif tħossha: “Jien għamilt studju tal-​Bibbja lil koppja li kienu kważi waslu biex jinfirdu. Għent ukoll lil waħda mara li xi ħadd b’mod vjolenti kien qatlilha lil bintha. Din il-​mara kienet turmentata għax ma kinitx taf eżatt x’inhi l-​kundizzjoni tal-​mejtin. Fiż-​żewġ każijiet, il-​fatt li applikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja ġabilhom il-​paċi u t-​tama f’ħajjithom. Tant inħossni ferħana u sodisfatta għaliex ġejt użata biex ngħinhom.” Scott jgħid: “Jekk ikollok esperjenza sabiħa fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, jew tibda studju tal-​Bibbja maʼ xi ħadd, jew ikollok suċċess f’li tagħti xiehda informali, int se tibqaʼ ssemmiha għomrok kollu. Kull darba li tirrakkontaha tibda tħoss l-​istess sentimenti u eċċitament li kont ħassejt dakinhar! L-​aqwa u l-​iktar ferħ dejjiemi jiġi mill-​ministeru.”

Jidher ċar li l-​fatt li applikaw il-​pariri tal-​Bibbja u saru ministri attivi ssodisfa l-​ħtieġa li dawn l-​individwi kellhom għal xogħol sodisfaċenti u utli. Int ukoll mistieden li tieħu sehem f’dan ix-​xogħol li tgħallem lil oħrajn dwar il-​mogħdijiet u l-​prinċipji t’Alla, u fl-​istess ħin tkun qed tibbenefika int stess.​—Isaija 48:17; Mattew 28:​19, 20

Nieħdu Vantaġġ mill-​Kelma t’Alla

Bla ebda dubju, il-​Bibbja hija sors taʼ min jafdah taʼ direzzjonijiet li jirnexxu fid-​dinja tal-​lum. Biex nibbenefikaw minnha, jeħtieġ li nagħmlu sforz kontinwu. Irridu naqrawha, nistudjawha, u nimmeditaw fuqha. Pawlu wissiena: “Dawn il-​ħwejjeġ ħu ħsiebhom [jew kun medhi fihom], agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.” (1 Timotju 4:15; Dewteronomju 11:​18-21) Alla jiggarantilek li jekk tagħmel ħiltek biex tapplika l-​parir tiegħu li hemm fil-​Bibbja, int se jkollok suċċess. Hu jwiegħed: “Ittama fil-​Mulej . . . Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:​5, 6.

[Stampi f’paġna 31]

Meta wieħed jimxi fuq il-​pariri tal-​Bibbja ħajtu tkun sodisfaċenti u premjanti