Insiru Nafu lil Dak Alla taʼ Mħabba
Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
FL-ETÀ taʼ 16-il sena, żagħżugħ Brażiljan jismu Antônio kien diġà qataʼ qalbu mill-ħajja. Tant kien iħoss li ma jiswa għal xejn li wasal biex beda jieħu d-drogi u jixrob ħafna. Tgħidx kemm-il darba ħaseb biex jikkommetti suwiċidju. Kien f’dawn il-mumenti li kien jiftakar fil-kliem li kienet qaltlu ommu li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Imma kif setaʼ jsib lil dan Alla taʼ mħabba?
Antônio beda jipprova jaqtaʼ l-vizzju tad-drogi u x-xorb, u għalhekk mar għand il-kappillan tal-post biex jitolbu l-għajnuna. Għalkemm Antônio sar attiv ferm fil-Knisja Kattolika, hu xorta waħda kien għad baqagħlu ħafna mistoqsijiet iberrnu f’moħħu. Per eżempju, hu b’xejn ma setaʼ jifhem x’ifisser il-kliem taʼ Ġesù, “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” (Ġwann 8:32) Ġesù liema xorta taʼ ħelsien wiegħed? Fil-knisja ma sabx risposti sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tiegħu. Maż-żmien, Antônio beda jitbiegħed bil-mod il-mod mill-knisja u reġaʼ waqaʼ għall-vizzji li kellu qabel. Fil-fatt, sar agħar milli kien.
Kien bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien li Maria, mart Antônio, bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Hu qatt ma kien jopponilha, però lix-Xhieda kien iqishom bħala “reliġjon Amerikana li qed ixxerred l-imperjaliżmu Amerikan.”
Maria ma qatgħetx qalbha, u kienet tħalli xi kopji tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! b’artikli li kienet taħseb li setgħu jinteressaw lil Antônio xi mkien fejn setaʼ jarahom faċilment. Minħabba li Antônio kien iħobb jaqra, kultant kienet tegħlbu l-kurżità u kien jagħti titwila lejn ir-rivisti meta martu ma kinitx tkun id-dar. Għall-ewwel darba f’ħajtu, sab it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li kellu dwar il-Bibbja. “Bdejt ninnota wkoll l-imħabba u l-qalb tajba li wrewni kemm marti kif ukoll ix-Xhieda,” jiftakar hu.
Sa nofs is-sena 1992, Antônio ddeċieda li hu wkoll kien jixtieq jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Iżda xorta waħda baqaʼ jieħu d-drogi u jixrob ħafna. Darba minnhom, tard bil-lejl, waqt li hu u ħabibu kienu fi triqithom lura lejn id-dar minn raħal fqir, waqqfuhom il-pulizija. Meta l-pulizija sabu l-kokaina fuq Antônio, tgħidx kemm bdew isawtuh. Wieħed mill-pulizija tefgħu fit-tajn u ppontalu xkubetta maʼ wiċċu. “Oqtlu!” bdew jgħajtu l-pulizija l-oħrajn.
Hekk kif Antônio kien mixħut fit-tajn, beda jġib quddiem għajnejh l-istorja taʼ ħajtu. L-uniċi affarijiet tajbin li setaʼ jiftakar kienu l-familja tiegħu u Jehovah. Lissen talba żgħira lil Jehovah, u talbu bil-ħniena biex jgħinu. Bla ebda raġuni, il-pulizija ħallewh jitlaq. Hu mar id-dar konvint li Jehovah kien ipproteġieh.
Antônio beda jistudja l-Bibbja, din id-darba b’iktar ħeġġa minn qabel. Bil-ftit il-ftit, hu għamel xi bidliet sabiex jogħġob lil Jehovah. (Efesin 4:22-24) Minħabba li ħadem biex irażżan lilu nnifsu, hu beda jipprova jsolvi l-problemi li kellu minħabba li kien jieħu d-drogi. Xorta waħda kellu bżonn taʼ l-għajnuna medika. Matul ix-xahrejn li dam ġewwa klinika taʼ rijabilitazzjoni, hu kellu l-opportunità li jaqra diversi pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, inkluż il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Min-naħa tiegħu, Antônio tkellem dwar dak li tgħallem minn dawn il-kotba maʼ pazjenti oħrajn.
Wara li Antônio ħareġ mill-klinika, hu kompla jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Illum Antônio, Maria, u ż-żewġt ibniet tagħhom, flimkien maʼ omm Antônio, qed jaqdu lil Jehovah bħala familja hienja u magħquda. Antônio jgħid: “Issa nistaʼ nifhem x’ifisser verament il-kliem ‘Alla hu mħabba.’”
[Stampa f’paġna 8]
Waqt ix-xogħol taʼ l-ippridkar f’Rio de Janeiro