Megħjuna biex Negħleb il-Mistħija
Bijografija
KIF RAKKONTATA MINN RUTH L. ULRICH
Infqajt nibki hemmhekk, fuq l-għatba taʼ dak il-membru tal-kleru. Kien għadu kif ħareġ il-gideb kollu li kellu fuq l-istonku tiegħu kontra Charles T. Russell, li kien l-ewwel president tal-Watch Tower Bible and Tract Society. Ħalli nispjegalkom kif jien, daqsxejn taʼ tifla, kont qed inħabbat il-bibien tan-nies.
Twelidt fl-1910, ġewwa familja reliġjuża ħafna. Konna ngħixu f’razzett fin-Nebraska fl-Istati Uniti taʼ l-Amerka. Il-Bibbja konna naqrawha flimkien bħala familja kull fil-għodu u kull fil-għaxija wara l-ikel. Kull nhar taʼ Ħadd, missieri kien jieħu ħsieb l-iskola tal-katekiżmu tal-knisja Metodista fir-raħal ċkejken taʼ Winside, madwar sitt kilometri ’l bogħod mir-razzett tagħna. Kellna karozzella biż-żwiemel, li kellha t-twieqi bil-purtieri, u b’hekk stajna nattendu l-knisja kull nhar taʼ Ħadd fil-għodu kemm fil-bnazzi u kemm fil-maltemp.
Meta kelli madwar tmien snin, ħija ż-żgħir marad bil-paralisi infantili, u ommi ħaditu għall-kura fi sptar f’Iowa, li kien għal dawk morda b’mard li ma jitfejjaqx. Minkejja li ħadet ħsiebu b’tant għożża, ħija miet waqt li kienu hemmhekk. Sakemm kienet Iowa, ommi ltaqgħet maʼ waħda mill-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah. Tħaddtu ħafna flimkien, u ommi saħansitra attendiet xi laqgħat taʼ l-Istudenti tal-Bibbja maʼ din il-mara.
Meta ommi ġiet lura d-dar, ġabet magħha serje taʼ kotba intitolati Studies in the Scriptures, li kienu pubblikati mill-Watch Tower Society. F’qasir żmien ikkonvinċiet ruħha li l-Istudenti tal-Bibbja kienu qed jgħallmu l-verità u li t-tagħlim dwar l-immortalità tar-ruħ tal-bniedem u dak dwar li l-ħżiena jiġu turmentati għal dejjem ma kienx veru.—Ġenesi 2:7, KŻ; Koħèlet 9:5, 10; Eżekjel 18:4, KŻ.
Iżda missieri tgħidx kemm ħadha bi kbira, u
għamel kulma setaʼ biex ma jħallihiex tattendi l-laqgħat taʼ l-Istudenti tal-Bibbja. Lili u lil ħija Clarence baqaʼ jiħodna miegħu l-knisja. Imma, meta missieri ma kienx ikun id-dar, ommi kienet tistudja l-Bibbja magħna. Lilna t-tfal dan tana l-opportunità li nqabblu t-tagħlim taʼ l-Istudenti tal-Bibbja maʼ dak tal-knisja li konna nattendu.Jien u Clarence konna nattendu l-klassijiet tal-katekiżmu kull nhar taʼ Ħadd, u darba ħija staqsa xi mistoqsijiet lill-katekista, u din ma setgħetx tweġibhom. Meta rġajna lura d-dar, għedna b’kollox lil ommi u minħabba f’hekk domna niddiskutu ħafna dwar dawn is-suġġetti. Fl-aħħar, ma bqajtx immur il-knisja u bdejt nattendi l-laqgħat taʼ l-Istudenti tal-Bibbja m’ommi, u ftit warajja ħija Clarence għamel l-istess ħaġa.
Nissielet mal-Mistħija
F’Settembru taʼ l-1922, jien u ommi attendejna l-konvenzjoni memorabbli taʼ l-Istudenti tal-Bibbja f’Cedar Point, Ohio. Għadni qed narah qisu l-bieraħ, dak il-pavaljun enormi jinfetaħ quddiemna hekk kif Joseph F. Rutherford, il-president tal-Watch Tower Society, beda jħeġġeġ lill-iktar minn 18,000 ruħ li attendew, bil-kliem li kien miktub fuq il-pavaljun: “Irreklamaw lis-Sultan u s-Saltna.” Tant qanqalni dak il-kliem li ħassejt l-urġenza li ngħid lill-oħrajn dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mattew 6:9, 10; 24:14.
Fil-konvenzjonijiet li saru mill-1922 sa l-1928 ġew adottati serje taʼ riżoluzzjonijiet, u dawn il-messaġġi ġew stampati fuq fuljetti li l-Istudenti tal-Bibbja qassmu għaxriet taʼ miljuni minnhom lin-nies madwar id-dinja. Jien kont twila u niexfa—kulħadd kien isejjaħli kelb tal-fenek—u kont inqassam dawn il-fuljetti minn dar għal dar b’ħeffa li ma bħalha. Dan ix-xogħol veru kont nieħu gost nagħmlu, però li nkellem lin-nies fuq il-bibien u ngħidilhom dwar is-Saltna t’Alla, din kienet ħaġ’oħra.
Tant kont nistħi li saħansitra ma kontx nistaʼ għaliha meta ommi kienet tistieden partita qraba d-dar kull sena. Kont ningħalaq f’kamarti u nibqaʼ hemm sakemm imorru. Darba ommi riedet tieħu ritratt tal-familja kollha, u għajtitli biex immur ħdejhom. Ma ridt immur b’xejn u tgħidx kemm werżaqt meta hi letteralment kaxkritni ’l barra minn kamarti.
Madankollu, wasal il-jum meta b’determinazzjoni qbadt ftit rivisti bbażati fuq il-Bibbja u poġġejthom fil-basket tiegħi. Ma nafx kemm-il darba għedt, “Mhux se jirnexxili,” imma wara li għedt hekk bdejt ngħid lili nnifsi, “Hemm bżonn li mmur.” Fl-aħħar tlaqt nippriedka. Wara, ħassejtni verament ferħana li għamilt il-kuraġġ biex immur. L-akbar ferħ tiegħi kien, mhux fix-xogħol innifsu, imma fil-fatt li rnexxieli nagħmlu. Kien bejn wieħed u ieħor f’dan iż-żmien li ltqajt maʼ dak il-membru tal-kleru li semmejt qabel u tlaqt minn ħdejh nibki. Maż-żmien, bl-għajnuna taʼ Jehovah ksibt il-kuraġġ biex inkellem lin-nies fuq il-bibien, u l-ferħ tiegħi żdied. Imbagħad, fl-1925, tgħammidt fl-ilma b’simbolu tad-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah.
Bidu tal-Ministeru Full-Time
Meta kelli 18-il sena, xtrajt karozza bil-flus li writt mingħand iz-zija, u bdejt fix-xogħol taʼ pijunier, bħalma jissejjaħ ix-xogħol tal-ministeru full-time. Sentejn wara, fl-1930, jien u oħt oħra aċċettajna l-inkarigu taʼ l-ippridkar flimkien. Sadanittant, anki Clarence kien beda fix-xogħol taʼ pijunier. Ftit wara hu aċċetta l-istedina biex jaqdi fil-Betel, il-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York.
Kien għal dik il-ħabta li missieri u ommi sseparaw, u jien u ommi ordnajna speċi taʼ karavan, dar fuq ir-roti, u bdejna nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier flimkien. Dan kien fiż-żmien li bdiet id-Dipressjoni l-Kbira fl-Istati Uniti. Konna determinati li nkomplu nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier avolja kellna sfida verament kbira quddiemna. Konna npartu l-letteratura bbażata fuq il-Bibbja maʼ xi tiġieġa, bajd, u ħaxix, kif ukoll maʼ xi batteriji antiki u biċċiet taʼ l-aluminju. Dawn taʼ l-aħħar konna nbigħuhom biex nixtru l-petrol għall-karozza, kif ukoll inkopru xi spejjeż oħra. Tgħallimt nagħtiha ż-żejt biex xejn ma jiġġammja, kif ukoll inbiddlilha ż-żejt tal-magna. Rajna kemm Jehovah jaf iżomm kelmtu, u dejjem sabilna mod biex jgħinna negħlbu l-ostakli.—Mattew 6:33.
Naċċetta Inkarigi Bħala Missjunarja
Fl-1946, ġejt mistiedna nattendi s-sebaʼ klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), qrib South Lansing, New York. Sa dakinhar jien u ommi konna ilna naqdu bħala pijunieri flimkien għal iktar minn 15-il sena. Minkejja dan hi ma riditx ittellifli l-opportunità li jkolli taħriġ għax-xogħol taʼ missjunarja. Għalhekk inkuraġġietni biex naċċetta l-privileġġ li nattendi l-Iskola taʼ Gilgħad. Wara l-gradwazzjoni, jien u Martha Hess minn Peoria, Illinois, ġejna assenjati biex naqdu bħala missjunarji flimkien. Aħna u tnejn oħra ġejna mibgħutin ġewwa Cleveland, Ohio, għal sena sakemm stennejna biex jibagħtuna fl-inkarigu tagħna barra l-pajjiż.
Dak l-inkarigu wasal fl-1947. Jien u Martha ġejna assenjati biex immorru naqdu fil-Ħawajj. Ladarba ma kienx hemm problemi biex wieħed jemigra għal dawn il-gżejjer, ommi ġiet tgħix qrib tagħna fil-belt taʼ Ħonolulu. Saħħitha kienet sejra lura, u barra l-attivitajiet li kelli bħala missjunarja, kont ukoll ngħin lil ommi. Stajt nieħu ħsiebha sakemm mietet fil-Ħawajj fl-1956, fl-età taʼ 77 sena. Meta wasalna kien hemm madwar 130 Xhud fil-Ħawajj, imma saż-żmien li mietet ommi, kien hemm iktar minn elf, u għalhekk ma kienx hemm bżonn iktar taʼ missjunarji.
Imbagħad jien u Martha rċivejna ittra mill-Watch Tower Society fejn offritilna inkarigu fil-Ġappun. L-ewwel tħassib tagħna kien jekk konniex kapaċi nitgħallmu nitkellmu bil-Ġappuniż. Dak iż-żmien kelli 48 sena, u Martha kienet biss erbaʼ snin iżgħar minni. Imma ħallejna kollox f’idejn Jehovah u aċċettajna l-inkarigu.
Preċiż wara l-konvenzjoni internazzjonali li saret f’Yankee Stadium u fil-Polo Grounds taʼ New
York, tlaqna bil-vapur lejn Tokjo. Kellna nħabbtu wiċċna maʼ maltempata kbira, hekk kif qrobna lejn il-port taʼ Yokohama, fejn kien hemm Don u Mabel Haslett, Lloyd u Melba Barry, u missjunarji oħrajn jistennewna. F’dak iż-żmien fil-Ġappun kien hemm biss 1,124 Xhud.Mill-ewwel bdejna nistudjaw il-Ġappuniż u nieħdu sehem fil-ministeru minn bieb għal bieb. Ktibna ftit kliem biex nagħmlu introduzzjoni bil-Ġappuniż però wżajna l-alfabet Ingliż, u konna naqrawhielhom. L-inkwilini kienu jweġbuna, “Yoroshii desu” jew, “Kekko desu,” li sirna nafu li jfissru, “Tajjeb” jew, “Prosit.” Imma ma konniex inkunu nafu jekk l-inkwilini kinux interessati jew le, għax dak il-kliem kien jintuża wkoll biex jgħidulek li ma kinux interessati. It-tifsira kont tiħodha mit-ton jew mill-espressjoni taʼ wiċċhom. Domna ftit biex drajna ninterpretaw x’riedu jfissru.
Esperjenzi li Ferrħuli Qalbi
Darba, waqt li kont għadni qed nissielet mal-lingwa, mort inżur sala kbira fejn kienu jorqdu l-impjegati tal-kumpanija tal-Mitsubishi, u hemmhekk iltqajt maʼ żagħżugħa taʼ 20 sena. Hi bdiet miexja ’l quddiem fl-għarfien tal-Bibbja u tgħammdet fl-1966. Sena wara bdiet tagħmel ix-xogħol taʼ pijuniera u ftit taż-żmien wara saret pijuniera speċjali. U għadha taqdi f’dan ix-xogħol sa llum. Veru tinkuraġġini ferm x’ħin nara kif użat il-ħin u l-enerġija tagħha fil-ministeru full-time minn żgħożitha.
Mhux faċli li n-nies jaċċettaw il-verità tal-Bibbja, speċjalment f’soċjetajiet li m’humiex Kristjani. Madankollu, eluf taʼ nies irnexxielhom jilqgħu din l-isfida, inkluż xi wħud minn dawk li studjajt il-Bibbja magħhom. Huma kissru l-artali Buddisti u l-ixkafef tax-Xintù fi djarhom, li huma Atti 19:18-20.
parti mill-kultura Ġappuniża, minkejja li dawn jiswew partita flus. Veru jridu jkunu kuraġġużi biex jagħmlu dan, għax il-qraba dan jistgħu jqisuh bħala nuqqas taʼ rispett lejn l-antenati mejtin. Il-kuraġġ li wrew ifakkarni f’dak tal-Kristjani tal-bidu li qerdu affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-qima falza.—Niftakar waħda mara li kont nistudja magħha bdiet tippjana biex hi u l-familja tagħha jitilqu minn Tokjo u jmorru joqogħdu xi mkien ieħor. Hi riedet tidħol f’dar li ma kellha ebda oġġett li kellu x’jaqsam mal-qima pagana. Għalhekk uriet ix-xewqa tagħha lil żewġha, u hu mill-ewwel qabel magħha. Kienet qed tirrakkontali kollox b’entużjażmu kbir meta f’daqqa waħda ftakret li kienet ippakkjat vażun taʼ l-irħam li tgħidx kemm kien jiswa flus, u li kienet xtratu għax kienu jgħidu li jekk ikollok dan il-vażun, l-hena tad-dar tiegħek qatt ma tonqos. Minħabba li ġieha dubju jekk dan kellux x’jaqsam mal-qima falza, kissritu bil-martell u rmietu.
Kemm kien premjanti u sodisfaċenti li tara lil din il-mara u oħrajn, li minn jeddhom jeqirdu oġġetti li jiswew il-flus għax kellhom x’jaqsmu mal-qima falza, u jibdew ħajja ġdida taʼ servizz lil Jehovah! Ma tgħaddix ġurnata li ma nirringrazzjax lil Jehovah għall-40 sena li qattajt bħala missjunarja fil-Ġappun.
“Mirakli” taʼ Żmienna
Meta noqgħod nirrifletti fuq is-70 sena li ili naqdi fil-ministeru full-time, ma nkunx nistaʼ nemmen li saru dawn li jien inqishom bħala mirakli taʼ żmienna. Lanqas qatt ma kont nobsor li dik iż-żagħżugħa tant mistħija kellha tqattaʼ ħajjitha kollha tieħu l-inizjattiva hi biex tkellem lin-nies dwar Saltna li l-biċċa l-kbira minnhom ma jridux jafu biha. Iżda, mhux talli rnexxieli nagħmel dan, imma talli rajt mijiet, jekk mhux eluf, taʼ oħrajn jagħmlu l-istess bħali. U dan tant għamluh b’reqqa kbira li l-ftit iktar minn elf ruħ li kien hemm fil-Ġappun meta wasalt jien fl-1958, illum saru iktar minn 222,000 ruħ!
Għall-ewwel li wasalna l-Ġappun, jien u
Martha ngħatajna l-inkarigu li naqdu fl-uffiċċju tal-fergħa f’Tokjo. Fl-1963, inbniet fergħa ġdida b’sitt sulari minflok l-oħra, u għadna ngħixu hemmhekk minn dakinhar. F’Novembru taʼ l-1963, kellna l-privileġġ li nkunu fost il-163 ruħ li attendew għat-taħdita tad-dedikazzjoni mill-indokratur tal-fergħa, Lloyd Barry. Sa dakinhar it-total taʼ Xhieda fil-Ġappun kien taʼ 3,000.Xi privileġġ u ferħ li tara x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna jikber daqshekk u tara n-numru taʼ Xhieda jsir iktar minn 14,000 fl-1972, is-sena li fiha tlestiet fergħa li kienet akbar, fil-belt taʼ Numazu. Imma sa l-1982, fil-Ġappun kien hemm 68,000 ixandru s-Saltna u għalhekk inbniet fergħa oħra akbar fil-belt taʼ Ebina, madwar 80 kilometru ’l bogħod minn Tokjo.
Sadanittant, il-fergħa fil-qalba taʼ Tokjo ġiet rinnovata. Maż-żmien din saret id-dar taʼ iktar minn 20 missjunarju li kienu qdew fil-Ġappun għal 40 jew 50 sena jew iktar, inkluż jien u Martha Hess, l-oħt li flimkien qdejna bħala missjunarji għal ħafna snin. F’din id-dar missjunarja jgħixu wkoll tabib u l-mara tiegħu, li hija infermiera. Huma jieħdu ħsiebna, u bl-imħabba kollha jagħtuna l-kura li jkollna bżonn. Dan l-aħħar, żdiedet infermiera oħra, u matul il-ġurnata jiġu aħwa Kristjani nisa oħrajn biex jgħinuhom. Żewġ membri mill-familja Betel taʼ Ebina jiġu meta jkun imisshom biex jippreparaw l-ikel u jnaddfu. Jehovah tabilħaqq berikna!—Salm 34:9, 11 [34:8, 10, NW].
Xi ħaġa li spikkat fil-ħajja missjunarja tiegħi kienet dik li seħħet f’Novembru li għadda, 36 sena wara d-dedikazzjoni tal-bini li fih qed ngħixu aħna l-missjunarji li ilna ħafna f’dan ix-xogħol. Fit-13 taʼ Novembru, 1999, kont fost l-4,486 ruħ, inkluż mijiet taʼ Xhieda minn 37 pajjiż, li ilhom jaqdu lil Jehovah għal snin twal. Ilkoll kemm aħna attendejna għad-dedikazzjoni tal-parti l-ġdida tal-faċilitajiet tal-fergħa tal-Watch Tower Bible and Tract Society f’Ebina ġewwa l-Ġappun. Fil-preżent, il-membri tal-familja f’dik il-fergħa jgħoddu madwar 650 ruħ.
Matul it-80 sena mindu mort għall-ewwel darba kollni mistħija nxandar il-messaġġi tal-Bibbja minn dar għal dar, Jehovah kien u għadu dejjem miegħi biex isaħħaħni. Hu għenni negħleb il-mistħija. Jien nemmen b’qalbi kollha li Jehovah jistaʼ juża lil kulmin ikollu fidi fih, saħansitra lil dawk li jistħu żżejjed bħali. U kemm inħossni sodisfatta bil-ħajja tiegħi għax kont inkellem lin-nies li ma nafhomx dwar Alla tagħna, Jehovah!
[Stampa f’paġna 21]
Maʼ ommi u Clarence, li kien qed iżurna minn Betel
[Stampa f’paġna 23]
Membri tal-klassi tagħna waqt li qed nistudjaw fuq il-ħaxix fl-Iskola taʼ Gilgħad qrib South Lansing, New York
[Stampa f’paġna 23]
Xellug: Jien, Martha Hess, u ommi, fil-Ħawajj
[Stampa f’paġna 24]
Lemin: Membri tal-familja tagħna fid-dar missjunarja f’Tokjo
[Stampa f’paġna 24]
Taħt: Maʼ Martha Hess, l-oħt li flimkien qdejna bħala missjunarji għal ħafna snin
[Stampa f’paġna 25]
Il-parti l-ġdida tal-faċilitajiet tal-fergħa li ġiet dedikata f’Novembru li għadda