Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħajja Perfetta M’Hijiex Sempliċement Ħolma!

Ħajja Perfetta M’Hijiex Sempliċement Ħolma!

Dinja perfetta—xi tfisser għalik? Immaġina soċjetà umana fejn m’hemmx kriminalità, abbuż mid-​droga, ġuħ, faqar, jew inġustizzja. Kulħadd igawdi saħħa emozzjonali u fiżika eċċellenti. M’hemmx niket jew dwejjaq għax saħansitra l-​mewt ġiet eliminata. Huwa realistiku li tixxennaq għal dinja bħal din?

GĦALKEMM ma jinjorawx il-​progress tax-​xjenza u t-​teknoloġija, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma tantx jemmnu li l-​intelliġenza jew l-​għarfien tal-​bniedem se jġib dinja perfetta fejn kulħadd se jgħix fil-​paċi u l-​hena. Mill-​banda l-​oħra, it-​tendenza tal-​bniedem mingħajr ebda dubju hi li jkun irid itejjeb l-​affarijiet u jikkoreġi l-​imperfezzjonijiet. M’għandniex xi ngħidu, sempliċi ħolm mhux realistiku ma jistax jgħin lil dawk bla dar u lill-​foqra, lanqas ma se jissodisfa lil dawk b’diżabilità u lill-​morda li tant jixtiequ jeħilsu mis-​sofferenza tagħhom. Mhux se jkun hawn dinja perfetta sempliċement permezz taʼ xi kreattività umana. Madankollu, minkejja l-​miżerja u l-​moħqrija li hawn fil-​preżent, hemm raġunijiet validi biex temmen li dinja li int kieku ssejħilha perfetta fil-​fatt tinsab fil-​qrib.

Meta taħseb dwar ħajja perfetta, għandu mnejn tiġik f’moħħok il-​ħajja taʼ Ġesù Kristu. Hu ma kienx l-​uniku bniedem perfett li qatt għex fuq l-​art. Adam u Eva, li nħolqu fix-​xbiha t’Alla, gawdew ħajja perfetta f’ġenna taʼ l-​art. Madankollu, huma tilfu din il-​kundizzjoni eċċellenti minħabba r-​ribelljoni tagħhom kontra Missierhom tas-​sema. (Ġenesi 3:1-6) Iżda l-​Ħallieq poġġa fil-​bnedmin xewqa biex jgħixu għal dejjem. Ekkleżjażti 3:11 (Karm Żammit), jixhed għal dan: “Alla għamel kollox tajjeb f’waqtu; qiegħed ukoll f’qalb ulied il-​bniedem il-​ħsieb taʼ l-​eternità, għalkemm il-​bniedem ma jistax jifhem mill-​bidu sat-​tmiem l-​egħmil li għamel Alla.”

Għalkemm l-​imperfezzjoni u d-​dnub wasslu lill-​umanità għal ħajja taʼ “frugħa” u “jasar tat-​taħsir,” innota l-​kliem taʼ faraġ taʼ l-​appostlu Pawlu: “Għax il-​ħlejjaq jistennew imxennqa r-​rivelazzjoni taʼ wlied Alla. Għax il-​ħlejjaq jinsabu taħt il-​frugħa, mhux għax iridu iżda minħabba dak li xeħithom taħtha, bit-​tama li jkunu meħlusin mill-​jasar tat-​taħsir u jaslu fil-​ħelsien taʼ sebħ ulied Alla.” (Rumani 8:19-21, Saydon) Il-​Bibbja tagħmilha ċara li l-​provvedimenti t’Alla f’li jirrestawra ħajja umana perfetta huma disponibbli permezz taʼ Ġesù Kristu.—Ġwann 3:16; 17:3.

Minbarra din it-​tama meraviljuża għall-​futur, aħna lkoll għandna l-​ħila li nimxu ’l quddiem spiritwalment, billi nuru li qed nagħmlu progress saħansitra issa.

Ipprova Kun Raġunevoli

Ġesù Kristu tant kien iqisha importanti l-​kwistjoni tal-​perfezzjoni li qal lil udjenza kbira: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:48) Tassew li Ġesù kien qed jistenna li nkunu mingħajr difetti f’din is-​sistema preżenti mill-​agħar? Le. Għalkemm żgur li rridu nistinkaw biex nikkultivaw il-​kwalitajiet taʼ ġenerożità, tjieba, u mħabba lejn sħabna, madankollu, taʼ spiss nonqsu li nagħmlu dak li hu tajjeb. Saħansitra wieħed mill-​appostli taʼ Ġesù kiteb: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.”—1 Ġwann 1:9, 10.

Minkejja dan, aħna nistgħu ntejbu l-​mod kif inħarsu lejna nfusna u kif nittrattaw m’oħrajn, billi nevitaw li mmorru fl-​estrem. Fejn tistaʼ ssib riċetta aħjar sabiex tikseb personalità raġunevoli u bilanċjata minn dik misjuba fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja? Jekk nikkultivaw kwalitajiet bħall-​ferħ u l-​moderazzjoni dawn se jgħinuna fil-​mod kif nittrattaw m’oħrajn fix-​xogħol, mas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna fiż-​żwieġ, u mal-​ġenituri tagħna jew maʼ wliedna. L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani: “Ifirħu dejjem fil-​Mulej: nerġaʼ ngħidilkom, ifirħu. Il-​ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-​bnedmin kollha.”—Filippin 4:4, 5.

Benefiċċji taʼ li Nkunu Raġunevoli

Meta tkun raġunevoli fl-​istennijiet tiegħek, minflok ma tistenna l-​perfezzjoni minnek innifsek billi toqgħod titturmenta u twaqqaʼ lilek innifsek, se tibbenefika int u oħrajn miegħek. Li tkun taf sa fejn tasal tabilħaqq il-​kapaċità tiegħek jinvolvi li tkun realistiku kif ukoll raġunevoli dwar dak li trid tagħmel. Ftakar, Alla ħalaqna biex ngħixu fuq l-​art u nsibu sodisfazzjon f’xogħol taʼ siwi li minnu nistgħu nibbenefikaw kemm aħna kif ukoll oħrajn.—Ġenesi 2:7-9.

Jekk int qed tistenna ħafna minnek innifsek, għax ma ddurx lejn Jehovah bit-​talb? Li tikseb il-​favur t’Alla se jġiblek serħan kbir. Jehovah jaf kif aħna magħmulin u l-​istat imperfett tagħna, u għalhekk huwa raġunevoli u ma jagħmilhiex diffiċli għalina biex nogħġbuh. Is-​salmista jassigurana: “Bħalma jħenn il-​missier għal uliedu, hekk iħenn il-​Mulej għal min għandu l-​biżaʼ tiegħu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:13, 14) Kemm għandna nkunu grati li Alla jittratta mal-​bnedmin b’mod daqshekk ħanin! Hu jaf il-​limitazzjonijiet tagħna, madankollu nistgħu nkunu prezzjużi f’għajnejh daqs ulied maħbubin.

Minflok infittxu l-​perfezzjoniżmu, kemm ikun iktar għaqli li nsiru nafu iktar kif nagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin b’mod spiritwali u nikkultivaw ħarsa bilanċjata! Iktar minn hekk, nistgħu nkunu żguri li ħadd ma jistaʼ jżomm lil Jehovah milli jwettaq l-​iskop tiegħu li jwassal l-​umanità għall-​perfezzjoni taħt is-​Saltna t’Alla. Imma xi tfisser il-​perfezzjoni umana?

Ħajja Perfetta Aħjar mill-​Perfezzjoniżmu

Il-​perfezzjoni ma tfissirx li wieħed jistenna l-​perfezzjoni minnu nnifsu jew minn oħrajn. Dawk privileġġati li jgħixu fil-​Ġenna fuq l-​art taħt is-​Saltna t’Alla żgur li mhux se jkunu individwi li jaħsbu li huma biss tajbin u li jistennew minn oħrajn. Waħda mill-​ħtiġijiet biex insalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira hija apprezzament mill-​qalb għas-​sagrifiċċju tal-​prezz tal-​fidwa, kif tesprimi l-​folla l-​kbira internazzjonali li ddeskriva l-​appostlu Ġwanni: “Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.” (Apokalissi 7:9, 10, 14) Dawk kollha li se jsalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira li qegħda dejjem toqrob se jkunu grati li Kristu kien lest li jmut għalihom u għal kulmin qed jeżerċita fidi fih. Is-​sagrifiċċju kollu mħabba tiegħu jwitti t-​triq biex dawn jiksbu serħan dejjiemi mill-​imperfezzjonijiet u d-​dgħjufijiet tagħhom.—Ġwann 3:16; Rumani 8:21, 22.

Kif se tkun il-​ħajja perfetta? L-​imħabba u t-​tjieba se jieħdu post il-​kompetizzjoni u l-​ambizzjoni egoista fost il-​bnedmin. Dan se jagħmel il-​ħajja waħda taʼ min jgħixha, billi se jitneħħew l-​ansjetà u l-​istima baxxa li wieħed jistaʼ jkollu tiegħu nnifsu. Madankollu, il-​ħajja perfetta mhix se tkun waħda taʼ dwejjaq jew monotona. Il-​Kelma t’Alla ma tagħtix id-​dettalji kollha dwar il-​Ġenna taʼ l-​art imma tiddeskrivi x-​xorta taʼ ħajja li nistgħu nistennew: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-​dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-​poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-​siġar, u l-​magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom. Ma jitħabtux għal xejn u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem.”—Isaija 65:21-23.

Minflok toqgħod thewden dwar liema xorta taʼ divertiment, faċilitajiet tax-​xiri, teknoloġija, jew trasport se tipprovdi s-​Saltna, immaġina lilek innifsek tgawdi t-​twettiq taʼ dan il-​kliem: “Il-​lupu u l-​ħaruf jirgħu flimkien, l-​iljun, bħall-​barri, jiekol it-​tiben, u t-​trab ikun ikel is-​serp. Ma jagħmlux deni u lanqas ħsara fuq l-​għolja mqaddsa tiegħi kollha, jgħid il-​Mulej.” (Isaija 65:25) Kemm se tkun differenti l-​ħajja perfetta minn dik li għandna llum! Jekk int se tkun wieħed minn dawk magħdudin li jistħoqqilhom jgħixu f’dak iż-​żmien, se jkollok raġuni biex tkun fiduċjuż li Missierek tas-​sema kollu mħabba se jieħu interess fik u fil-​familja tiegħek. “Qiegħed fil-​Mulej l-​għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek.”—Salm 37:4.

Il-ħajja perfetta m’hijiex sempliċement ħolma. L-​iskop kollu mħabba taʼ Jehovah rigward l-​umanità se jitwettaq bis-​sħiħ. Int u l-​familja tiegħek tistgħu tkunu fost dawk li se jilħqu l-​perfezzjoni umana u se jgħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Il-​Bibbja tbassar: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

[Stampa f’paġna 6]

Aħna nistgħu ntejbu l-​mod kif inqisu lilna nfusna u lil oħrajn, billi nevitaw il-​perfezzjoniżmu jew il-​fissazzjoni

[Stampa f’paġna 7]

Għax ma timmaġinax lilek innifsek li diġà qed tgawdi kundizzjonijiet paċifiċi u taʼ tjieba fil-​Ġenna taʼ l-​art?