Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Ħajtek Jistaʼ Jkollha Iktar Sinjifikat

Kif Ħajtek Jistaʼ Jkollha Iktar Sinjifikat

PROVERBJU antik jgħid: “Titħabatx biex tikseb il-​ġid, dan il-​ħsieb neħħih minn moħħok; kif titfaʼ għajnejk fuqu, ikun ġa għadda; għax żgur irabbi l-​ġwienaħ, u jtir bħal ajkla fl-​ajru.” (Proverbji 23:4, 5) Fi kliem ieħor, m’huwiex għaqli li ninfnew biex nipprovaw insiru sinjuri, għaliex l-​għana filli għandek u filli jtir mar-​riħ.

Bħalma turi l-​Bibbja, l-​għana materjali jistaʼ jisparixxi malajr. F’ħakka t’għajn tistaʼ tispiċċa b’xejn minħabba xi diżastru naturali, waqgħa fil-​kummerċ, jew xi ħaġa oħra li tiġri bla mistenni. Iktar minn hekk, anki dawk li jkollhom suċċess fl-​affarijiet materjali taʼ spiss jispiċċaw diżappuntati. Ikkunsidra l-​każ taʼ John, li xogħlu kien li jipprovdi divertiment lill-​politikanti, persunaġġi prominenti taʼ l-​isports, u persuni rjali.

John jistqarr: “Iddedikajt ħajti kompletament għal xogħli. Irnexxieli nagħmel ħafna flus, qgħadt f’lukandi lussużi, u xi drabi saħansitra mort għax-​xogħol b’ajruplan privat. Għall-​ewwel kont nieħu gost nagħmel dan ix-​xogħol, imma maż-​żmien bdejt niddejjaq. In-​nies li kont nipprova nogħġob kienu jidhru wisq fiergħa. Ħajti ma kellha l-​ebda sinjifikat.”

Bħalma skopra John, ħajja nieqsa mill-​valuri spiritwali ma fiha l-​ebda sodisfazzjon. Fil-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù Kristu wera kif jistaʼ jkollna ferħ dejjiemi. Hu qal: “Henjin . . . [“dawk konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom,” NW], għax tagħhom hija s-​Saltna tas-​Smewwiet.” (Mattew 5:3) Mela, b’mod ċar huwa għaqli li tpoġġi l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel fil-​ħajja. Madankollu, hemm fatturi oħra li jistgħu jgħinuk tagħti iktar sinjifikat lil ħajtek.

Il-​Familja Tiegħek u Ħbiebek Tassew li Jagħmlu Differenza

Kont tkun tistaʼ tgawdiha l-​ħajja li kieku ma kellekx kuntatt mal-​familja tiegħek, u m’għandekx lanqas ħbieb tal-​qalb? Dażgur li le. Il-​Ħallieq tagħna poġġa fina l-​bżonn li nħobbu u li nħossuna maħbubin. Din hija raġuni waħda għala Ġesù enfasizza l-​importanza taʼ li ‘nħobbu lil għajrna bħalna nfusna.’ (Mattew 22:39) Il-​familja hija għotja divina, il-​post ideali fejn wieħed jistaʼ juri mħabba mingħajr egoiżmu.—Efesin 3:14, 15.

Kif tistaʼ l-​familja tagħna tagħti iktar sinjifikat lil ħajjitna? Sewwa, familja magħquda nistgħu nqabbluha maʼ ġnien sabiħ, fejn wieħed jistaʼ jaħrab daqsxejn mill-​ansjetà u l-​inkwiet tal-​ħajja taʼ kuljum u jħossu jieħu l-​ħajja mill-​ġdid. B’mod simili, fil-​familja, jistaʼ jkollna sħubija rifreskanti u kollha mħabba, u ma nħossuniex iktar waħedna. M’għandniex xi ngħidu, irridu naħdmu biex fil-​familja tagħna nsibu kenn bħal dan. Madankollu, hekk kif insaħħu r-​rabtiet tal-​familja se jkollna relazzjoni iktar mill-​qrib bejnietna, u ħajjitna ssir iktar għanja. Per eżempju, il-​ħin u l-​attenzjoni li nagħtu kuljum biex nuru mħabba u rispett lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna fiż-​żwieġ huma investimenti li fl-​aħħar mill-​aħħar se jħallu profitti kbar.—Efesin 5:33.

Jekk għandna t-​tfal, irridu nistinkaw biex irrabbuhom fl-​aħjar ambjent. Li nqattgħu l-​ħin magħhom, li nagħmluhielhom faċli biex jikkomunikaw magħna, flimkien maʼ li nagħtuhom istruzzjoni spiritwali jistgħu jiħdulna ħafna mill-​ħin u l-​enerġiji tagħna. Iżda kemm il-​ħin kif ukoll l-​isforzi li nagħmlu jistgħu jġibulna sodisfazzjon kbir. Il-​ġenituri li jkollhom suċċess iqisu lil uliedhom bħala barka, bħala wirt mingħand Alla li jridu jieħdu ħsiebu sewwa.—Salm 127:3.

Ħbieb veri wkoll huma importanti biex ikollna ħajja sodisfaċenti u sinjifikanti. (Proverbji 27:9) Jistaʼ jkollna ħafna ħbieb jekk nuru li nagħtu kas is-​sentimenti tagħhom. (1 Pietru 3:8) Ħbieb veri jgħinuna biex meta naqgħu, inqumu fuq saqajna mill-​ġdid. (Koħèlet 4:9, 10) U “ħabib [hu] . . . bħal ħuk imwieled għal żmien l-​hemm.”—Proverbji 17:17.

Kemm tistaʼ ġġib sodisfazzjon ħbiberija vera! Meta tagħmel xi ħaġa maʼ ħabib din tidher isbaħ—inżul ix-​xemx tarah iktar spettakolari, ikla tinżillek iktar għasel, u l-​mużika tagħtik iktar pjaċir. M’għandniex xi ngħidu, familja magħquda u ħbieb li tafdahom huma biss żewġ aspetti li jistgħu jagħmlu l-​ħajja iktar sinjifikanti. X’tana iżjed Alla biex ħajjitna jkollha iktar sinjifikat?

Nissodisfaw il-​Bżonn Spiritwali Tagħna

Bħalma rajna qabel, Ġesù Kristu rabat l-​hena maʼ li wieħed ikun konxju tal-​bżonn spiritwali tiegħu. Aħna ġejna maħluqin b’kapaċità spiritwali kif ukoll morali. Għaldaqstant, il-​Bibbja tirreferi għall-​“bniedem spiritwali” u “l-​bniedem moħbi fil-​qalb.”—1 Korintin 2:15; 1 Pietru 3:3, 4, Saydon.

Skond An Expository Dictionary of New Testament Words, minn W. E. Vine, il-​qalb figurattiva tirrappreżenta “l-​attività kollha kemm hi, sew mentali kif ukoll morali tal-​bniedem, il-​fatturi razzjonali u emozzjonali.” Biex jispjega, Vine iżid: “Fi kliem ieħor, il-​qalb hija wżata b’mod figurattiv biex tirreferi għas-​sorsi moħbija tal-​ħajja persunali.” L-​istess xogħol taʼ referenza jinnota wkoll li “fil-​qalb, li qegħda fil-​fond ġewwa fina, hemm ‘il-​bniedem moħbi,’ . . . il-​bniedem kif inhu.”

Kif nistgħu nissodisfaw il-​bżonnijiet tal-​“bniedem spiritwali” jew il-​“bniedem moħbi fil-​qalb”? Pass importanti biex nagħmlu dan u nissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħna huwa meta nifhmu l-​punt li għamel is-​salmista mnebbaħ meta kanta: “Kunu afu li Jaħweh hu Alla, hu ħalaqna, u aħna tiegħu, aħna l-​poplu tiegħu u n-​nagħaġ tal-​mergħa tiegħu.” (Salm 100:3) Li nagħrfu dan iwassalna biex b’mod raġunevoli nikkonkludu li aħna rridu nagħtu kont lil Alla. Jekk irridu nkunu fost il-​“poplu tiegħu u n-​nagħaġ tal-​mergħa tiegħu,” irridu naġixxu fi qbil mal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.

Huwa dan taʼ xi żvantaġġ għalina? Le, għax il-​fatt li nkunu konxji illi Alla jagħti kas taʼ kif inġibu ruħna jkompli jagħti iktar sinjifikat lil ħajjitna, u jinkuraġġina biex inkunu individwi aħjar, li ċertament hija mira xierqa. “Hieni l-​bniedem li jibżaʼ mill-​Mulej, li jitgħaxxaq ħafna bil-​kmandamenti tiegħu,” jgħid Salm 112:1. Li jkollna biżaʼ bnin minn Alla u li nobdu mill-​qalb il-​kmandamenti tiegħu jistgħu jagħtu iktar sinjifikat lil ħajjitna.

Għala nkunu sodisfatti jekk nobdu lil Alla? Għaliex għandna kuxjenza, rigal li Alla ta lil kull bniedem. Il-​kuxjenza hija eżaminatur morali li japprova jew ma japprovax dak li nagħmlu jew inkunu bi ħsiebna nagħmlu. Ilkoll kemm aħna esperjenzajna n-​niket li jirriżulta minn kuxjenza mtaqqla. (Rumani 2:15) Imma l-​kuxjenza tistaʼ wkoll tippremjana. Meta nibdew naġixxu mingħajr egoiżmu m’Alla u maʼ sħabna l-​bnedmin, inħossuna kuntenti u sodisfatti. Naraw li “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Hemm raġuni importanti għal dan.

Il-Ħallieq tagħna għamilna b’tali mod li niġu effettwati mix-​xewqat u l-​bżonnijiet taʼ sħabna l-​bnedmin. Li nkunu t’għajnuna għal ħaddieħor jagħmilna verament ferħanin. Iżjed minn hekk, il-​Bibbja tassigurana li meta nagħtu lil min hu fil-​bżonn, Alla jħares lejn l-​għemil tagħna bħallikieku għamilnielu xi favur.—Proverbji 19:17.

Apparti milli jagħtina sodisfazzjon ġewwieni, jistaʼ l-​fatt li nagħtu attenzjoni għall-​bżonnijiet spiritwali tagħna jgħinna b’mod prattiku? Wieħed negozjant mil-​Lvant Nofsani jismu Raymond jemmen li jistaʼ. Hu jgħid li l-​mira waħdanija tiegħu kienet dik li jagħmel il-​flus. “Imma minn mindu aċċettajt f’qalbi li hemm Alla u li l-​Bibbja tesprimi x-​xewqat tiegħu, sirt bniedem differenti. Issa li naqlaʼ l-​għajxien huwa t-​tieni post f’ħajti. Billi għamilt ħilti biex nogħġob lil Alla, iffrankajt li nimtela b’mibegħda qerrieda. Għalkemm missieri miet f’konflitt, m’għandi l-​ebda xewqa li nivvendika ruħi minn dawk responsabbli għal mewtu.”

Bħalma rrealizza Raymond, li tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​“bniedem spiritwali” sew jgħinek tfejjaq feriti emozzjonali profondi. Madankollu, jekk ma nkampawx mal-​problemi li nħabbtu wiċċna magħhom kuljum, il-​ħajja mhix se tkun sodisfaċenti għalkollox.

Jistaʼ Jkollna “s-​Sliem taʼ Alla”

F’din id-​dinja mimlija ġenn, ftit huma l-​ġranet fejn kollox jimxi ħarir. Jistaʼ jiġrilna xi inċident, xi pjan imurilna żmerċ, inkella n-​nies jiddiżappuntawna. Dawn l-​affarijiet jistgħu jisirqulna l-​hena tagħna. Iżda lil dawk li jaqdu lil Alla Jehovah, il-​Bibbja twiegħed kuntentizza ġewwinija—is-​“sliem taʼ Alla.” Kif nistgħu nakkwistawh dan it-​tip taʼ sliem?

L-appostlu Pawlu kiteb: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Minflok ma nissieltu mal-​problemi tagħna waħedna, irridu nitolbu b’ħerqa u nitfgħu t-​tagħbija tagħna taʼ kuljum fuq Alla. (Salm 55:23 [55:22, NW]) Il-​fidi li hu jwieġeb għat-​tħannin li nagħmlu permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, se tikber hekk kif aħna nimmaturaw spiritwalment u nifhmu kif Alla jgħinna.—Ġwann 14:6, 14; 2 Tessalonikin 1:3.

Wara li nkunu saħħaħna l-​fiduċja tagħna f’Alla Jehovah, is-​Semmiegħ tat-​talb, inkunu f’pożizzjoni aħjar biex niffaċċjaw il-​provi tagħna, bħal xi mard fit-​tul, età avanzata, jew mewt. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Madankollu, biex ikollna ħajja verament sinjifikanti rridu nagħtu kas ukoll il-​futur.

Nifirħu bit-​Tama li Għandna Quddiemna

Il-​Bibbja twiegħed “smewwiet ġodda u art ġdida,” gvern taʼ tjieba li jaħkem b’imħabba mis-​sema fuq il-​familja taʼ bnedmin ubbidjenti. (2 Pietru 3:13) F’dik id-​dinja l-​ġdida mwegħda minn Alla, il-​paċi u l-​ġustizzja se jieħdu post il-​gwerer u l-​inġustizzji. Din m’hijiex biss xi xewqa li tgħaddi malajr, imma hija konvinzjoni li tistaʼ tkompli tikber maʼ kull ġurnata li tgħaddi. Din hija tabilħaqq aħbar sabiħa u raġuni tajba biex nifirħu.—Rumani 12:12; Titu 1:2.

John, ir-​raġel li semmejna fil-​bidu, issa jħoss li ħajtu għandha iktar sinjifikat. “Għalkemm qatt ma kont xi bniedem reliġjuż ħafna, dejjem emmint f’Alla,” jgħid hu. “Imma m’għamilt xejn dwar dan it-​twemmin sakemm ġew għandi tnejn mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Ibbombardjajthom bil-​mistoqsijiet, bħal, ‘Għalfejn qegħdin hawn? Xi prospetti għandna għall-​futur?’ Mhux biss ħriġt sodisfatt bit-​tweġibiet li tawni minn fuq l-​Iskrittura iżda wkoll tawni sens taʼ skop għall-​ewwel darba f’ħajti. Dan kien biss il-​bidu. Qabadni għatx għall-​verità li wassalni biex inbiddel il-​valuri kollha tiegħi. Avolja m’għadnix sinjur materjalment, inħossni miljunarju spiritwalment.”

Forsi int, bħal John, ħallejt il-​kapaċità spiritwali tiegħek rieqda għal ħafna snin. Però, billi trawwem fik “qalb għarfa,” tistaʼ terġaʼ tagħtiha l-​ħajja. (Salm 90:12, Karm Żammit) B’determinazzjoni u bi sforz, int jistaʼ jkollok ferħ, sliem, u tama ġenwini. (Rumani 15:13) Iva, u ħajtek jistaʼ jkollha iktar sinjifikat.

[Stampa f’paġna 6]

It-​talb jistaʼ jġibilna “s-​sliem taʼ Alla”

[Stampi f’paġna 7]

Taf x’jistaʼ jagħmel il-​ħajja tal-​familja iktar sodisfaċenti?