Epidemija taʼ Mibegħda
“In-nies qatt ma jifhmuh lil min jobogħdu.”—JAMES RUSSELL LOWELL, DIPLOMATIKU U KITTIEB TAʼ KOMPONIMENTI LETTERARJI.
ILLUM il-mibegħda taraha kulfejn iddawwar wiċċek. Ismijiet bħal Timor tal-Lvant, Kosovo, Liberja, Littleton, u Sarajevo—kif ukoll in-neo-Naziżmu, uħud razzisti li jqaxxru xagħarhom (skinheads), u s-supremazija tal-bojod—huma stampati f’moħħna flimkien maʼ xeni taʼ rovini maħruqin, oqbra komuni li għadhom kif tħaffru, u iġsma mejtin.
Il-ħolm dwar futur mingħajr mibegħda, ġlied, u vjolenza sfaxxa fix-xejn. Danielle Mitterand, l-armla tal-president Franċiż, ftakret li f’żgħożitha: ‘In-nies kienu joħolmu dwar ħajja ħielsa f’soċjetà li setgħu jafdawha, fejn in-nies kollha kienu jittrattaw lil xulxin bħal aħwa. Kienu joħolmu li jgħixu ħajja mimlija saħħa, paċi u dinjità, f’dinja b’saħħitha u ġeneruża li kienet tħarishom.’ Xi ġralhom dawn l-ideali kollha? Hi lmentat: “Nofs seklu wara, irridu nammettu li l-ħolma tagħna ġiet attakkata.”
Illum, ma nistgħux niċħduh il-fatt li l-mibegħda reġgħet qabdet l-għeruq. Issa hija iktar mifruxa maʼ kullimkien, u kulma tmur qegħda dejjem tieħu forom iżjed sfaċċati. Is-sens taʼ li wieħed iħossu fis-sigurtà, li għal miljuni taʼ nies huwa xi ħaġa fatta, ġie mfixkel b’mewġa t’atti bla sens mimlijin mibegħda, wieħed iktar waħxi minn dak taʼ qablu. Saħansitra jekk f’darna jew f’pajjiżna aħna skansati mill-mibegħda, ikollna nħabbtu wiċċna magħha band’oħra. X’aktarx li narawha ċar kuljum fuq l-iskrin tat-televixin, fl-aħbarijiet u f’xandiriet taʼ ġrajjiet kurrenti. Xi ftit minnha saħansitra daħlet fl-Internet. Ikkunsidra ftit eżempji.
Dawn l-aħħar għaxar snin raw żjieda fin-nazzjonaliżmu li qatt ma kien hawn bħalha. Joseph S. Nye, Jr., id-direttur taċ-Ċentru taʼ Harvard għall-Affarijiet Internazzjonali, osserva: “Fil-parti l-kbira tad-dinja n-nazzjonaliżmu qed ikompli jissaħħaħ, mhux jiddgħajjef. Minflok villaġġ globali wieħed hemm ħafna gruppi separati madwar il-globu li qed isiru dejjem iżjed konxji taʼ xulxin. Dan, min-naħa l-oħra, iżid l-opportunitajiet għall-ġlied.”
Ġewwa l-pajjiż jew saħansitra bejn akkwata u oħra, il-mibegħda tieħu forom oħra li huma iktar sottili u inqas ovvji. Fil-Kanada ħames razzisti li jqaxxru xagħarhom qatlu wieħed Sikh imdaħħal fiż-żmien. Din il-ġrajja “enfasizzat dak li xi wħud qegħdin jarawh bħala l-qawmien mill-ġdid t’atti kriminali motivati mill-mibegħda f’pajjiż li sikwit jiġi mfaħħar għat-tolleranza razzjali tiegħu.” Fil-Ġermanja, l-attakki razzisti minn estremisti, wara li kienu naqsu għal xi snin, fl-1997 żdiedu b’27 fil-mija. “Dan l-iżvilupp huwa skuraġġanti,” qal il-Ministru taʼ l-Intern Manfred Kanther.
Rapport mit-tramuntana taʼ l-Albanija wera li iktar minn 6,000 tifel u tifla saru kważi lsiera f’darhom stess minħabba l-biżaʼ li jinqatlu minn għedewwa tal-familji tagħhom. Dawn it-tfal huma vittmi taʼ mibegħda qadima u vendikattiva li teżisti bejn il-familji u li “ħarbtet il-ħajja t’eluf taʼ familji.” Fl-Istati Uniti, skond l-Uffiċċju Federali taʼ l-Investigazzjoni (FBI), “il-preġudizzju razzjali kien il-motiv wara 7,755 delitt taʼ
mibegħda li saru fl-1998 u li ġew rapportati lill-FBI.” Xi ftit mill-motivi għall-bqija tad-delitti taʼ mibegħda kienu jinvolvu preġudizzji dwar reliġjon, l-oriġini etnika jew nazzjonali, u diżabilitajiet.Iktar minn hekk, taʼ kuljum, it-titli ewlenin fil-gazzetti jiġbdulna l-attenzjoni lejn l-epidemija taʼ biżaʼ mill-barranin. Dan il-biżaʼ primarjament huwa dirett lejn ir-refuġjati, li issa jgħoddu ’l fuq minn 21 miljun ruħ. B’dispjaċir ngħidu li l-biċċa l-kbira taʼ dawk li jesprimu mibegħda lejn il-barranin huma żgħażagħ, li jkomplu jiġu mħeġġin minn politikantiirresponsabbli u individwi oħrajn, li dejjem ifittxu biex jaraw fuq min se jitfgħu l-ħtija. Sinjali oħrajn taʼ dan l-istess fenomenu li jagħtu inqas fl-għajn jinkludu n-nuqqas taʼ fiduċja, it-tolleranza, u l-ittimbrar taʼ nies bħala li huma differenti.
X’inhuma xi wħud mir-raġunijiet għal din l-epidemija taʼ mibegħda? U x’jistaʼ jsir biex din il-mibegħda titqaċċat mill-għeruq? L-artiklu li jmiss se jittratta dawn il-mistoqsijiet.
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 2]
Cover, top: UN PHOTO 186705/J. Isaac
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 3]
Daud/Sipa Press