Fil-Gżejjer tal-Paċifiku Fuq Xogħol!
IS-SWALI tat-tluq fl-ajruporti internazzjonali taʼ Brisbane u Sydney, fl-Awstralja, qatt ma raw daqshekk eċċitament! Grupp taʼ 46 persuna kien lest biex jitlaq bl-ajru lejn il-gżira xemxija taʼ Samoa. Hemmhekk kellhom jiltaqgħu maʼ 39 persuna oħra minn New Zealand, mill-Ħawajj, u mill-Istati Uniti. Il-bagalji tagħhom kienu kemxejn strambi, għax kienu mimlijin għodod, bħal imrietel, srieraq, u trapani. Żgur li dawn m’humiex ix-xorta t’affarijiet li wieħed normalment jieħu miegħu meta jmur għal btala f’xi gżira sabiħa tal-Paċifiku! Imma l-missjoni tagħhom kienet waħda mhux tas-soltu.
Wara li ħallsu l-passaġġ minn buthom, huma kienu se jqattgħu ġimagħtejn bħala volontieri bla ħlas fi programm taʼ bini. Dan il-programm kien organizzat mill-Uffiċċju taʼ l-Inġinerija Reġjonali, fl-uffiċċju tal-fergħa taʼ l-Awstralja tax-Xhieda taʼ Jehovah. Il-programm huwa ffinanzjat b’kontribuzzjonijiet volontarji. L-għan tiegħu huwa li jinbnew Swali tas-Saltna, Swali taʼ l-Assembleat, djar missjunarji, u uffiċċji tal-fergħa jew tat-traduzzjoni fil-gżejjer Paċifiċi. Dan il-bini hu meħtieġ minħabba li l-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jiffjorixxu ġmielhom f’dawn il-gżejjer. Ejja niltaqgħu maʼ xi wħud minn dawn il-ħaddiema, li anki f’pajjiżhom kienu jagħmlu parti mit-timijiet li jieħdu ħsieb il-bini tas-Swali tas-Saltna.
Max, li xogħlu huwa li jsaqqaf, ġej minn Cowra, fi New South Wales, l-Awstralja. Hu miżżewweġ u għandu ħamest itfal. Arnold hu mill-Ħawajj. Hu u martu għandhom żewġ subien, u hu jaqdi wkoll bħala pijunier, jew ministru full-time. Bħal Max, Arnold jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni rispettiva tiegħu. Żgur li dawn l-irġiel, bħall-biċċa l-kbira mill-ħaddiema l-oħrajn f’dan il-programm, m’humiex volontieri għax għandhom il-ħin x’jaħlu. Minflok, huma u l-familji tagħhom jifhmu l-bżonn, u jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jgħinu.
Ħaddiema Multinazzjonali Jwettqu Xogħol Importanti
Post wieħed li kien jeħtieġ is-snajjaʼ u l-ħidma tagħhom kien Tuvalu, post imwarrab qrib l-ekwatur u fil-majjistral taʼ Samoa. Hemmhekk, imferrxin maʼ disaʼ gżejjer tal-qroll hemm joqogħdu ma l-10,500 ruħ. Id-daqs taʼ kull gżira hu taʼ bejn wieħed u ieħor 2.5 kilometri kwadri. Sa l-1994, il-61 Xhud fil-gżira kellhom bżonn urġenti taʼ Sala tas-Saltna ġdida u uffiċċju tat-traduzzjoni akbar.
Il-bini jrid jiġi ppjanat u mibni b’tali mod li jkun jiflaħ għall-maltempati qliel u ċ-ċikluni li spiss jaħkmu din il-parti tropikali tal-Paċifiku. Imma fil-gżejjer m’huwiex faċli li ssib materjal taʼ kwalità tajba għall-bini. X’kienet is-soluzzjoni? L-affarijiet kollha li kienu meħtiġin, minn materjal għas-soqfa u pilastri sa għamara u purtieri, tojlits u viti taʼ l-ilma, saħansitra skorfini u msiemer, intbagħtu bil-baħar mill-Awstralja bħala merkanzija.
Sakemm waslu l-affarijiet, kien hemm grupp żgħir li pprepara l-art minn qabel għall-bini u għamel il-pedament. Imbagħad ġew il-ħaddiema internazzjonali biex jibnu, jiżbgħu u jlestu l-bini bl-għamara b’kollox.
Inċidentalment, din l-attività kollha f’Tuvalu qanqlet il-korla taʼ membru tal-kleru tal-lokal. Dan ħabbar minn fuq ir-radju li x-Xhieda kienu qed jibnu t-“Torri taʼ Babel”! Imma x’ġara fil-fatt? “Meta kien qed jinbena t-Torri taʼ Babel Bibliku, in-nies sabu li ma setgħux jifhmu iktar lil xulxin għaliex Alla kien ħawdilhom il-lingwa. Għalhekk, huma kellhom jabbandunaw il-proġett tagħhom u jħallu t-torri nofs leħja,” jgħid Graeme, wieħed mill-ħaddiema volontieri. (Ġenesi 11:1-9) “Meta x-xogħol isir għal Alla Jehovah jiġri eżatt l-oppost. Minkejja d-differenzi fil-lingwa u l-kultura, il-proġetti dejjem jitlestew.” Hekk ġara f’dan il-każ ukoll. Kulma dam biex tlesta kienu ġimagħtejn biss. Tabilħaqq, 163 persuna, fosthom il-mara tal-prim ministru, attendew għaċ-ċerimonja tad-dedikazzjoni.
Doug, li kien qed jieħu ħsieb il-proġett, qal hekk waqt li rrifletta fuq din l-esperjenza: “Ħadt tassew pjaċir naħdem maʼ volontieri minn pajjiżi oħrajn. Għandna modi differenti kif nagħmlu l-affarijiet, kliem tekniku differenti, u saħansitra sistemi taʼ kejl differenti, u madankollu, ma kellna l-ebda problema minħabba f’dan.” Issa, wara li ħa sehem f’numru taʼ proġetti bħal dawn, hu setaʼ jżid: “Dan isaħħaħli l-konvinzjoni tiegħi li bl-appoġġ taʼ Jehovah n-nies tiegħu jistgħu jagħmlu xogħol taʼ kostruzzjoni fi kwalunkwe post f’din id-dinja, tkun kemm tkun imwarrba jew diffiċli l-art għall-bini. Veru, għandna ħafna nies tas-sengħa, imma huwa l-ispirtu taʼ Jehovah li jagħmel kollox possibbli.”
L-ispirtu t’Alla jqanqal ukoll lill-familji tax-Xhieda f’dawn il-gżejjer biex jilqgħu lill-volontieri f’darhom u jipprovdulhom l-ikel. Għal xi wħud minnhom dan ifisser sagrifiċċji kbar, imma dawk li jirċievu ospitalità bħal din japprezzawha ferm. Ken, minn Melbourne, l-Awstralja, kien ħadem fuq proġett bħal dan fil-Polineżja Franċiża. Hu josserva: “Ġejna hawnhekk bħala qaddejja, imma ġejna trattati taʼ rejiet.” Fejn ikun possibbli, ix-Xhieda lokali jgħinu wkoll fix-xogħol tal-bini. Fil-Gżejjer Solomon, in-nisa għaġnu l-konkos b’idejhom stess. Xi mitt raġel u mara telgħu fuq il-muntanji li kienu mxarrbin ħafna bix-xita, u niżżlu iktar minn 40 tunnellata njam. Anki ż-żgħażagħ taw daqqa t’id. Wieħed ħaddiem minn New Zealand jgħid: “Niftakar ħu żagħżugħ tal-post li kien iġorr
minn żewġ sa tliet xkejjer siment f’daqqa. Hu kien jinpala ż-żrar minn fil-għodu sa fil-għaxija, xemx u xita.”Il-parteċipazzjoni tax-Xhieda lokali fix-xogħol iġġib benefiċċju ieħor. Il-fergħa tal-Watch Tower Society f’Samoa tirrapporta: “L-aħwa li jgħixu fuq il-gżira tgħallmu ħafna snajjaʼ differenti. Dawn jistgħu jużawhom meta jiġu biex jibnu s-Swali tas-Saltna kif ukoll meta jkollhom bżonn jagħmlu xi tiswijiet jew jibnu xi ħaġa mill-ġdid wara xi ċiklun. Jistgħu jsibuhom utli wkoll biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom f’komunità fejn ħafna jsibuha diffiċli jaqilgħu x’jieklu.”
Il-Programm taʼ Bini Jagħti Xiehda Tajba
Colin kien Honiara fejn ra s-Sala taʼ l-Assemblea tal-Gżejjer Solomon tinbena. Mimli stagħġib hu kiteb dan il-messaġġ lill-uffiċċju tal-fergħa lokali tal-Watch Tower Society b’Ingliż imfarrak: “Kulħadd flimkien u ħadd ma jgerger, qishom familja waħda.” Ftit taż-żmien wara, meta mar lura f’Aruligo, ir-raħal fejn kien jgħix xi 40 kilometru ’l bogħod, hu u l-familja tiegħu bnew is-Sala tas-Saltna tagħhom stess. Imbagħad huma bagħtu messaġġ ieħor lill-uffiċċju: “Is-Sala tas-Saltna tagħna hija lesta bil-podju b’kollox. Meta jistaʼ jibda jkollna l-laqgħat hawnhekk?” Malajr saru l-arranġamenti, u iktar minn 60 persuna qed jattendu regolarment.
Konsulent taʼ l-Unjoni Ewropea ra l-proġett f’Tuvalu, u lil wieħed mill-ħaddiema qallu, “Naħseb li ma qed ngħidilkom xejn ġdid, imma għalija dan hu miraklu!” Waħda mara, li taħdem mal-kumpanija tat-telefon, staqsiet lil waħda mill-volontieri: “Kif jirnexxilkom tkunu lkoll daqshekk ferħanin? Daqskemm hawn sħana!” Huma qatt ma kienu għadhom raw il-Kristjanità fl-azzjoni b’mod daqshekk prattiku u nieqes mill-egoiżmu.
Sagrifiċċji Mingħajr Dispjaċir
“Min jiżraʼ ftit, jaħsad ftit; u min jiżraʼ ħafna, jaħsad ħafna,” tgħid il-Bibbja fit-2 Korintin 9:6. Il-ħaddiema, il-familji tagħhom, u l-kongregazzjonijiet tagħhom qed ikomplu jiżirgħu b’mod ġeneruż billi jgħinu lix-Xhieda sħabhom fil-Paċifiku. “Il-kongregazzjoni tiegħi ħallsitli terz mill-passaġġ taʼ l-ajru,” jgħid Ross, anzjan minn Kincumber, viċin Sydney. “U ħatni, li ġie wkoll, kompla żied $500 [Lm192].” Ħaddiem ieħor ħallas għall-vjaġġ tiegħu billi biegħ il-karozza li kellu. Jerġaʼ ieħor biegħ biċċa art. Kevin kellu bżonn taʼ $900 [Lm346] oħra. Għaldaqstant, iddeċieda li jbigħ is-16-il ħamiema li kellu u li kienu ilhom għandu sentejn. Ħabib tiegħu sablu l-bejgħ tagħhom u għalihom tawh Lm346 eżatt!
Danny u Cheryl ġew mistoqsijin jekk dan kollu kienx jiswa l-passaġġi bl-ajru u l-flus li tilfu f’pagi, li bejn wieħed u ieħor ammontaw għal Lm2,308. Huma wieġbu: “Iva! Anki li kieku nfaqna d-doppju, xorta waħda ma kien ikollna l-ebda indiema.” Alan, minn Nelson, New Zealand, kompla: “B’dak li swieli biex immur Tuvalu, stajt mort l-Ewropa u kien jibqagħli l-flus. Imma kieku għamilt dan kien ikolli dawn il-barkiet? Kont nagħmel tant ħbieb li ġejjin minn sfondi differenti? Jew kont nagħmel xi ħaġa għal ħaddieħor minflok għalija nnifsi? Le! Barra minn hekk, l-aħwa fil-gżira tawni bil-wisq iżjed milli tajthom jien.”
Fattur importanti ieħor li jgħin biex il-programm ikun wieħed taʼ suċċess huwa l-appoġġ li tagħti l-familja. Xi nisa setgħu jmorru maʼ żwieġhom u saħansitra jkunu t’għajnuna fix-xogħol. Iżda, xi nisa oħrajn iridu jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom li għadhom imorru l-iskola, jew forsi għandhom xi negozju tal-familja x’jieħdu ħsieb. “Is-sagrifiċċju taʼ marti kien ferm akbar minn tiegħi, għax hi kienet lesta li tieħu ħsieb it-tfal u d-dar waqt li jien ma kontx hemm,” jgħid Clay. Bla dubju, l-irġiel miżżewġin kollha li ma setgħux jieħdu lil marthom magħhom żgur li jaqblu mija fil-mija maʼ dan!
Mindu tlesta l-proġett f’Tuvalu, il-ħaddiema volontieri bnew Swali tas-Saltna, Swali taʼ l-Assembleat, djar missjunarji, u uffiċċji tat-traduzzjoni fil-Fiġi, f’Tonga, f’Papwa-Ginea Ġdida, f’New Caledonia, u f’postijiet oħrajn. Ħafna proġetti, inkluż xi wħud f’postijiet fix-Xlokk taʼ l-Asja, għadhom biss pjanijiet. Se jkun hemm biżżejjed ħaddiema?
Milli jidher din mhix se tkun problema. “Hawnhekk, kull min ħa sehem f’xi wieħed mill-proġetti internazzjonali tal-bini talab li nibagħtu għalih meta nkunu qed nippjanaw xi ieħor,” jirrapporta l-uffiċċju tal-fergħa tal-Ħawajj. “Appena jmorru lura d-dar, jibdew ifaddlu mill-ġdid.” Kif jistaʼ l-programm ma jkollux suċċess meta Jehovah jbierek tant bil-kbir dedikazzjoni mhix egoista bħal din?
[Stampa f’paġna 9]
Materjal għall-proġett
[Stampi f’paġna 9]
Il-grupp taʼ ħaddiema fuq il-post fejn se jsir il-bini
[Stampi f’paġna 10]
Hekk kif intemmu l-proġetti, fraħna b’dak li kien wettaq l-ispirtu t’Alla