Kif Taġixxi Meta Jkollok Nuqqas taʼ Qbil?
FIL-ĦAJJA taʼ kuljum nagħmluha maʼ diversi personalitajiet. Dan taʼ spiss iġibilna ferħ u fehmiet ġodda. Iżda xi drabi, dan iqajjem ukoll nuqqas taʼ qbil, li kultant jistaʼ jkun serju u kultant jistaʼ ma jkun xejn ħlief daqsxejn t’argument żgħir fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Ikun x’ikun, il-mod kif naġixxu meta jkollna nuqqas taʼ qbil jistaʼ jeffettwana mentalment, emozzjonalment, u spiritwalment.
Meta nagħmlu kulma nistgħu sabiex insolvu nuqqas taʼ qbil b’mod xieraq se ngawdu ħajja aħjar u relazzjonijiet iktar paċifiċi m’oħrajn. Proverbju antik jgħid: “Ħajjet il-ġisem hi l-qalb il-ħiemda.”—Qwiel 14:30, Saydon.
F’kuntrast qawwi maʼ dan għandna din il-verità: “Bħal belt miftuħa u bla ħitan, hekk hu l-bniedem li ma jitrażżanx.” (Proverbji 25:28) Min minna jixtieq ikun kontrollat minn ħafna ħsibijiet ħżiena? Dawn mhux biss iġagħluna naġixxu b’modi xejn xierqa, iżda fl-aħħar mill-aħħar jistgħu wkoll ikunu taʼ ħsara kemm għalina u kemm għal oħrajn. Tweġibiet mimlijin rabja u mhux kontrollati jistgħu jagħmlu eżatt hekk. Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù ħeġġiġna neżaminaw l-attitudni tagħna, li tistaʼ tinfluwenza l-mod kif nittrattaw kwalunkwe nuqqas taʼ qbil li jistaʼ jkollna m’oħrajn. (Mattew 7:3-5) Minflok ma noqogħdu nikkritikaw lil ħaddieħor, irridu naħsbu dwar kif nistgħu niżviluppaw u nżommu ħbiberiji maʼ wħud li għandhom ħarsa u sfond differenti.
L-Attitudni Tagħna
Sabiex insolvu xi nuqqas li nindunaw bih jew inkella jkun ġara veru, irridu nagħrfu li aħna suġġetti għal ħsibijiet u attitudnijiet ħżiena. Dan hu l-ewwel pass. L-Iskrittura tfakkarna li lkoll ‘nidinbu u niċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.’ (Rumani 3:23) Iżjed minn hekk, l-abbiltà tagħna li nagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin tistaʼ tgħinna nifhmu li l-problema mhux ġejja mill-persuna l-oħra. F’konnessjoni maʼ dan, ejja nikkunsidraw l-esperjenza taʼ Ġona.
Fi qbil maʼ l-istruzzjoni taʼ Jehovah, Ġona mar lejn il-belt taʼ Ninwè biex jippriedka lin-nies t’hemmhekk dwar il-ġudizzju t’Alla li dalwaqt kien ġej fuqhom. Ir-riżultat kien wieħed mill-isbaħ, għax il-belt kollha taʼ Ninwè nidmet u poġġiet fidi f’dak Alla veru. (Ġona 3:5-10) Jehovah ħass li l-attitudni kollha ndiema tagħhom kien jixirqilha l-maħfra, u għalhekk ħafrilhom. “Iżda dan xejn li xejn m’għoġbu lil Ġona, u inkorla.” (Ġona 4:1) It-tweġiba taʼ Ġona għall-ħniena taʼ Jehovah tgħaġġibna. Ġona kellu għalfejn ikun irrabjat maʼ Jehovah? Mid-dehra, Ġona kien moħħu fis-sentimenti tiegħu stess, billi ħaseb li kien tilef l-istima li l-komunità kellha lejh. Hu naqas li japprezza l-ħniena taʼ Jehovah. Bil-ħlewwa, Jehovah ppermetta li Ġona jesperjenza lezzjoni li għenitu jbiddel l-attitudni tiegħu u jara l-valur mill-aqwa tal-ħniena t’Alla. (Ġona 4:7-11) Jidher biċ-ċar li kienet l-attitudni taʼ Ġona li riedet tinbidel u mhux dik taʼ Jehovah.
Jistaʼ jkun li xi drabi aħna wkoll ikollna bżonn inbiddlu l-attitudni tagħna stess lejn xi kwistjoni? L-appostlu Pawlu jwissina: “Fittxu li tistmaw lil xulxin.” (Rumani 12:10) X’ried ifisser hawnhekk? F’dan l-aspett, hu qed jinkuraġġina biex inkunu raġunevoli u nittrattaw lil Kristjani oħrajn b’rispett profond u b’dinjità. Dan jinkludi li nagħrfu li kull individwu għandu d-dritt li jagħżel għalih innifsu. Pawlu jfakkarna wkoll: “Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.” (Galatin 6:5) Għaldaqstant, qabel ma n-nuqqas taʼ qbil joħloq firda, kemm ikun għaqli li nikkunsidraw jekk l-attitudni tagħna stess għandhiex bżonn tinbidel! Irridu naħdmu iebes sabiex nirriflettu l-ħsieb taʼ Jehovah u nżommu l-paċi m’oħrajn li tassew iħobbu lil Alla.—Isaija 55:8, 9.
Il-Mod Kif Nittrattaw is-Sitwazzjoni
Immaġina żewġt itfal żgħar jiġġieldu għall-istess ġugarell. Kull wieħed minnhom jiġbdu lejh kemm jiflaħ sabiex jieħdu hu. Huma u jissaraw jistgħu jitlewmu bejniethom sakemm fl-aħħar wieħed minnhom iċedi jew xi ħaddieħor iwaqqafhom.
Ir-rakkont tal-Ġenesi jgħidilna li Abraham semaʼ li kien hemm xi argument bejn ir-rgħajja tiegħu u dawk taʼ neputih Lot. Abraham ħa l-inizjattiva biex javviċina lil Lot u jgħidlu: “Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, u bejn ir-rgħajja tiegħi u r-rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa.” Abraham kien determinat li ma jħalli l-ebda konflitt iħassar ir-relazzjoni tagħhom. Sa liema punt? Hu kien lest li jissagrifika d-dritt li kellu, bħala l-akbar fosthom, biex jagħżel l-ewwel. Kien preparat li jċedi. Għalhekk, Abraham ħalla lil Lot jagħżel fejn xtaq jieħu lil dawk taʼ daru u l-merħla tiegħu. Imbagħad, Lot għażel in-naħa kollha rabaʼ saqwi taʼ Sodoma u Gomorra, u Abraham u Lot infirdu fil-paċi.—Ġenesi 13:5-12.
Lesti aħna li naġixxu bil-mod li aġixxa bih Abraham, sabiex inżommu relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn? Dan l-episodju Bibliku jipprovdilna mudell eċċellenti li għandna nimitawh meta niġu biex nittrattaw xi nuqqas taʼ qbil. Abraham appella: “Ma għandux ikun hemm ġlied.” Ix-xewqa ġenwina t’Abraham kienet li jaslu għal soluzzjoni paċifika. Żgur illi stedina bħal din biex inżommu l-paċi tgħinna nwarrbu fil-ġenb kwalunkwe nuqqas taʼ qbil. Imbagħad, Abraham ikkonkluda bl-espressjoni “għax aħna aħwa.” Għala kellhom jissagrifikaw relazzjoni prezzjuża bħal din minħabba xi preferenza persunali jew kburija? Abraham żamm ċar f’moħħu x’kien l-iktar importanti. Hu għamel dan b’rispett u b’unur lejh innifsu, u fl-istess ħin onora lil neputih.
Filwaqt li jistgħu jqumu xi sitwazzjonijiet li jkun hemm bżonn li xi ħaddieħor jintervieni sabiex jissolva n-nuqqas taʼ qbil, kemm ikun aħjar jekk kwistjoni tiġi solvuta privatament! Ġesù jinkuraġġina biex nieħdu l-inizjattiva f’li nagħmlu paċi maʼ ħutna, u jekk ikun hemm bżonn nitolbu skuża. a (Mattew 5:23, 24) Dan jirrikjedi l-umiltà, imma Pietru kiteb: “Ilbsu l-umiltà maʼ xulxin għax ‘Alla jeqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja.’” (1 Pietru 5:5) Il-mod kif nittrattaw m’adoraturi sħabna jeffettwa direttament ir-relazzjoni tagħna m’Alla.—1 Ġwann 4:20.
Ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana, jistaʼ jkun
meħtieġ li ma niħdux raġun fuq xi ħaġa sabiex inżommu l-paċi. Numru kbir minn dawk li issa qed jassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah ngħaqdu mal-familja t’adoraturi veri t’Alla f’dawn l-aħħar ħames snin. X’ferħ iġibilna dan! Żgur li l-imġiba tagħna teffettwa kemm lilhom kif ukoll lil oħrajn fil-kongregazzjoni. Din hija raġuni tajba għala għandna naħsbu bir-reqqa meta niġu biex nagħżlu d-divertiment, il-passatempi, l-attivitajiet soċjali, jew ix-xogħol tagħna. Irridu nikkunsidraw kif ħaddieħor jistaʼ jħares lejna. Jistaʼ xi ħadd jitfixkel minħabba xi ħaġa li nkunu għamilna jew għax kliemna jinftiehem ħażin?L-appostlu Pawlu jfakkarna: “Kollox hu sewwa, iżda mhux kollox jaqbel; kollox jiswa, iżda mhux kollox jedifika. Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor.” (1 Korintin 10:23, 24) Bħala Kristjani, aħna interessati ġenwinament f’li nibnu l-imħabba u l-unità tal-fratellanza Kristjana.—Salm 133:1; Ġwann 13:34, 35.
Kliem li Jsaħħaħ
Il-kliem jistaʼ jkollu effett qawwi u tajjeb. “Il-kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.” (Proverbji 16:24) Ir-rakkont taʼ meta Gidgħon evita li jinqalaʼ konflitt man-nies taʼ Efrajm juri kemm dan il-proverbju hu minnu.
Gidgħon, li kien involut bil-kbir fil-battalja kontra l-Midjanin, talab lit-tribù taʼ Efrajm biex jgħinu. Madankollu, wara li spiċċat il-battalja, in-nies taʼ Efrajm marru u gergru bl-herra maʼ Gidgħon talli ma sejħilhomx fil-bidunett tal-battalja. Ir-rakkont jgħid li huma “tlewwmu miegħu bl-aħrax.” Gidgħon weġibhom: “X’għamilt jien ħdejkom? M’hux aħjar għanqud żgħir taʼ Efrajm mill-ġabra sħiħa taʼ Abigħeżer? F’idejkom reħa Alla l-prinċpijiet taʼ Midjan, Għoreb u Żeb; xi stajt nagħmel jien aqwa milli għamiltu intom?” (Mħallfin 8:1-3) Billi għażel kliemu tajjeb u tkellem b’mod kalm, Gidgħon evita dik li setgħet kienet gwerra diżastruża bejn it-tribujiet. Għandu mnejn li dawk tat-tribù taʼ Efrajm kellhom il-problemi tal-kburija u taʼ li jagħtu importanza żejda lilhom infushom. Madankollu, dan ma żammx lura lil Gidgħon milli jagħmel ħiltu sabiex ikun hemm il-paċi. Nistgħu aħna nagħmlu l-istess?
Oħrajn jistgħu jimtlew bir-rabja u joħolqu ċerta mibegħda lejna. Agħraf is-sentimenti tagħhom, u aħdem biex tifhem il-ħarsa tagħhom. Stajna, b’xi mod jew ieħor, konna aħna stess il-kaġun tas-sentimenti tagħhom? Jekk inhu hekk, għax ma nammettux li konna aħna li ħloqna d-diffikultà u nuru li ddispjaċiena talli kabbarna l-problema? Ftit kliem maħsub sew jistaʼ jerġaʼ jsaħħaħ relazzjoni mħassra. (Ġakbu 3:4) Xi wħud li huma diżappuntati forsi kulma jkunu jeħtieġu hu li nqawwulhom qalbhom. Il-Bibbja tinnota li “jekk ma jkunx hemm ħatab, jintefa n-nar.” (Proverbji 26:20) Iva, kliem magħżul bir-reqqa li jintqal bi spirtu xieraq jistaʼ ‘jtaffi l-korla’ u jiswa biex isaħħaħ.—Proverbji 15:1.
L-appostlu Pawlu jirrikkmanda: “Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.” (Rumani 12:18) Veru li ma nistgħux nikkontrollaw is-sentimenti t’oħrajn, imma nistgħu nagħtu s-sehem tagħna sabiex ikollna l-paċi. Minflok ma nkunu suġġetti għar-reazzjonijiet imperfetti tagħna stess jew għal dawk t’oħrajn, nistgħu naġixxu issa biex napplikaw il-prinċipji sodi tal-Bibbja. Meta f’nuqqas taʼ qbil naġixxu bil-mod kif jgħallimna Jehovah, dan se jirriżulta f’li jkollna paċi u ferħ dejjiema.—Isaija 48:17.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artikli “Aħfer minn Qalbek” u “Tistaʼ Tirbaħ Lura lil Ħuk,” f’It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’Ottubru, 1999.
[Stampa f’paġna 24]
Ninsistu aħna biex dejjem tgħaddi tagħna?
[Stampa f’paġna 25]
Abraham ta eżempju mill-aħjar meta ċeda sabiex isolvi nuqqas taʼ qbil